FESTA TA’ SAN STIEFNU PROTOMARTRI
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ġimgħa, 26 ta’ Diċembru, 2025
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum “il-milied” ta’ San Stiefnu, kif kienu jgħidu l-ewwel ġenerazzjonijiet insara, li kienu ċerti li ma nitwieldux darba biss. Il-martirju hu twelid għas-sema: id-daqqa t’għajn mill-aspett tal-fidi, infatti, ma tarax biss id-dlam, saħansitra fil-mewt. Aħna ma niġux fid-dinja b’deċiżjoni tagħna, iżda mbagħad ngħaddu minn bosta esperjenzi li jitolbu minna dejjem aktar kuxjenza biex “noħorġu għad-dawl”, biex nagħżlu d-dawl. Ir-rakkont fl-Atti tal-Appostli jixhed li min ra lil Stiefnu sejjer għall-martirju baqa’ mistagħġeb kemm bil-bixra ta’ wiċċu u wkoll bi kliemu. Hemm miktub: “Dawk kollha li kienu bilqiegħda fis-Sinedriju sammru għajnejhom fuqu, u rawlu wiċċu qisu wiċċ ta’ anġlu” (Atti 6,15). Huwa l-wiċċ ta’ min mhux riesaq lejn l-istorja b’indifferenza, imma jaffrontaha bl-imħabba. Kulma jagħmel u jgħid Stiefnu jirrappreżenta l-imħabba divina li dehret f’Ġesù, id-Dawl li jiżreġ fid-dlamijiet tagħna.
Għeżież, it-twelid fostna ta’ Iben Alla, għalina hu sejħa għal ħajja bħala wlied Alla: dan isir possibbli, b’moviment ta’ attrazzjoni li kien imġarrab sa mil-lejl ta’ Betlehem minn persuni umli bħal Marija, Ġużeppi u r-ragħajja. Imma dik ta’ Ġesù u ta’ min jgħix bħalu hi wkoll sbuħija mhix milqugħa: propju l-qawwa tal-attrazzjoni tagħha, sa mill-bidu, qanqlet reazzjoni f’min iħoss is-setgħa tiegħu mhedda, min tiċċarratlu l-maskra tal-inġustizzja minn tjubija li tikxef il-ħsibijiet tal-qalb (cfr Lq 2,35). Però, sal-ġurnata tallum, ebda setgħa qatt ma rnexxilha timponi ruħha fuq l-opra t’Alla. Kullimkien fid-dinja hemm min jagħżel il-ġustizzja, anki jekk ikollu jħallas għaliha, min il-paċi għalih tiġi qabel kull biża’, min iservi lill-foqra minflok lilu nnifsu. Allura tinbet it-tama u jagħmel sens li ssir festa minkejja kollox.
Fil-kundizzjoni ta’ inċertezza u sofferenza tad-dinja tallum il-ferħ donnu jidher impossibbli. Min illum jemmen fil-paċi u għażel it-triq diżarmata ta’ Ġesù u tal-martri, spiss jisfa ridikolizzat, imwarrab mid-diskussjoni pubblika u mhux rari li jkun akkużat li qed jiffavorixxi lil-avversarji u lill-għedewwa. Imma n-nisrani m’għandux għedewwa, iżda aħwa, li jibqgħu tali anki meta ma nifhmux lil xulxin. Il-Misteru tal-Milied iġibilna dal-ferħ: ferħ imnissel mir-rieda soda ta’ min diġà jgħix il-fraternità, ta’ min diġà jara madwaru, anki fl-avversarji tiegħu, id-dinjità li ma titħassarx ta’ wlied Alla. Kien għalhekk li Stiefnu miet jaħfer, bħal Ġesù, bis-saħħa ta’ qawwa aktar sfiqa minn dik tal-armi. Hi qawwa gratwita, li diġà tgħammar fil-qalb ta’ kulħadd, li terġa’ tqum u titwassal b’mod irreżistibbli meta xiħadd jibda’ jħares b’mod differenti lejn il-proxxmu, joffrilu attenzjoni u għarfien. Iva, dan hu t-twelid mill-ġdid, dan ifisser li nerġgħu noħorġu għad-dawl, dan hu l-Milied tagħna!
Nitolbu issa lil Marija u nikkuntemplawha, hi l-imbierka fost in-nisa li jservu l-ħajja u bil-kura jopponu l-prepotenza, bil-fidi jopponu l-isfiduċja. Marija teħodna magħha fl-hena li hi tgawdi, hena li ddewweb kull biża’ u kull theddida bħalma s-silġ idub fix-xemx.
Wara l-Angelus
Għeżieħ ħuti,
mill-ġdid nawgura lil kulħadd il-paċi u s-serenità fid-dawl tal-Milied tal-Mulej.
Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini li ġejtu minn tant pajjiżi.
Fit-tifkira ta’ San Stiefnu, l-ewwel martri, nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex isaħħilna l-fidi u jwieżen lill-komunitajiet li l-aktar qed isofru minħabba x-xhieda nsranija tagħhom.
Jalla l-eżempju tal-manswetudni tiegħu, tal-kuraġġ u tal-maħfra jakkumpanja lil kulmin hu impenjat biex jippromwovi d-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi fis-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt.
Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber