Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras
Fl-Ewwel Qari tal-lum, San Stiefnu jiġi ppreżentat f’kuntest ta’ persekuzzjoni kbira, u persekuzzjoni minn ħafna: “Stiefnu, bniedem kollu grazzja u qawwa, kien jagħmel mirakli u sinjali kbar fost il-poplu. Imbagħad xi wħud minn tas-Sinagoga, imsejħa s-Sinagoga tal-Ħielsa, u oħrajn minn Ċirene, minn Lixandra, miċ-Ċiliċja u mill-Asja, qamu jeħduha kontra tiegħu. Imma ma setgħux jiqfulu minħabba l-għerf u l-ispirtu li bihom kien jitkellem” (Atti 6:8-10).
Imma Ċirene tfakkarna fil-figura donnha kewkba feġġejja fir-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù. Matul it-triq li twassal sal-Golgota, is-suldati “jġiegħlu” wieħed, Xmun minn Ċireni, biex iġorr is-salib ta’ Ġesù. f’Mt 5:41, Ġesù kien qal lid-dixxipli: “Jekk xi ħadd iġiegħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn”.
Terġa’: il-fatt li Xmun huwa msemmi bħala minn Ċireni, jorbtu ma’ żona importanti ħafna fit-tixrid tal-Kristjaneżmu tal-bidu. Fil-fatt Ċireni, fil-Libja, hija msemmija f’Atti 2:10 (fl-ewwel Diskors ta’ Pietru wara Pentekoste); u f’6:9 (propju fil-presekuzzjoni kontra Stiefnu – pedament tal-fidi Kristjana tal-bidu; biss biss kien il-link ma’ Pawlu, il-Lhudi ferventi, magħżul bħala Appostlu tal-pagani). U mbagħad f’kuntest ieħor mill-aktar importanti: fi 11:20 – “Dawk li kienu xterdu minħabba Stiefnu waslu sal-Feniċja, sa Ċipru u sa Antijokja, u ma kienu jxandru l-kelma lil ħadd ħlief lil-Lhud biss. Imma xi wħud minnhom kienu minn Ċipru u minn Ċireni, u dawn, meta ġew Antijokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù.” Altru li ‘Ċireni’ ma kienx biss dettall mill-identity card ta’ Xmun!!
Dettall ta’ prassi ta’ suldati li moħħhom biss kien li jeħilsu dik il-faċenda makabra tat-tislib ta’ Ġesù, jorbot lil Xmun ħaġa waħda mal-ewwel dixxipli tal-Knisja. Lil Xmun ġiegħluh jerfa’ s-salib u s-salib jorbot lid-dixxipli ħaġa waħda ma’ Ġesù l-Imgħallem. Xmun iċ-Ċirinew mhux dak li jerfa’ salib ħaddieħor, imma li jerfa’ salib Ġesù! Ġesù qal: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt 10:38).
Figura tant sabiħa tad-dixxiplu li jiġi msejjaħ meta lanqas qatt kien jistenna, jiġi msejjaħ għal biċċa xogħol li, għalkemm qisha spark, tiġbor fiha dak li jagħmel lid-dixxiplu u lill-imsejjaħ: ikun ma’ Ġesù biex jimxi warajh iġorr is-salib. Probabbli ħafna li ċċappas sewwa bid-demm ta’ Ġesù hekk kif ħa fuqu s-salib. Probabbli ħafna wkoll li għen lil Ġesù jimxi. Xmun mess jekk mhux ukoll wieżen il-ġisem diġà mbiċċer u mkisser ta’ Ġesù fil-jum li fih miet għalina. Aktarx ħafna li din l-esperjenza unika ressqitu lejn Ġesù u beda jemmen fih. Dan seta’ ġara xi ftit ġimgħat wara fil-Jum ta’ Pentekoste. Jekk hu hekk, dan jispjega għaliex Mattew, Mark u Luqa jsemmu ismu. Dan jispjega għaliex iż-żewġ uliedu huma msemmija wkoll. Barra minn hekk, jekk Rufu huwa dak imsemmi fl-Ittra lir-Rumani 16,13, anke l-mara ta’ Xmun kienet saret nisranija: “Sellu għal Rufu l-magħżul fil-Mulej, u għall-omm tiegħu u tiegħi.”. Aktarx allura li l-erba’ membri minn Ċireni ta’ din il-familja tant passaġġa fit-Testment il-Ġdid kienu saru Kristjani u saru magħrufa sewwa mal-Insara ta’ Ruma sa 25 sena biss wara l-kruċifissjoni u l-qawmien ta’ Ġesù.