VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, IL-KAMERUN, L-ANGOLA U L-GUINEA EKWATORJALI
(13-23 TA’ APRIL 2026)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
“Japoma Stadium” (Douala)
Il-Ġimgħa 17 ta’ April 2026
Għeżież ħuti,
Il-Vanġelu li smajna (Ġw 6:1-15) hu kelma ta’ salvazzjoni għall-umanità kollha. F’kull post illum tiġi mxandra l-Aħbar it-tajba, li għall-Knisja fil-Kamerun tidwi bħal aħbar providenzjali tal-imħabba ta’ Alla u tal-komunjoni tagħna.
Ix-xhieda tal-Appostlu Ġwanni fil-fatt tirrakkontalna dwar folla kbira (ara vv. 2-5), li issa hija aħna, hawn. Imma għal dawk in-nies kollha ftit li xejn kien hemm ikel: kien hemm biss “ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet” (v. 9). Meta jara dan l-isproporzjon, Ġesù llum jistaqsi lilna, kif dakinhar talab lid-dixxipli tiegħu: kif se ssolvu din il-problema? Qed taraw kemm hawn nies bil-ġuħ, mifnija bl-għeja. X’se tagħmlu?
Din il-mistoqsija ssir ukoll lil kull wieħed u waħda minna: issir lill-missirijiet u lill-ommijiet li jieħdu ħsieb tal-familji tagħhom. Issir lir-ragħajja tal-Knisja, li jgħassu fuq il-merħla tal-Mulej. Issir lil dawk li għandhom ir-responsabbiltà soċjali u politika li jieħdu ħsieb tal-poplu u tal-ġid tiegħu. Kristu jagħmel din il-mistoqsija lis-setgħanin u lid-dgħajfin, lill-għonja u lill-foqra, liż-żgħażagħ u lill-anzjani, għax kulħadd għandu l-ġuħ bl-istess mod. Din il-miżerja tfakkarna li aħna ħlejjaq. Għandna bżonn nieklu biex ngħixu. M’aħniex Alla: imma appuntu, fejn qiegħed Alla quddiem il-ġuħ tan-nies?
Waqt li jistenna t-tweġibiet tagħna, Ġesù jagħtina tiegħu: “Ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried” (v. 11). Problema serja tiġi solvuta billi hu jbierek dak il-ftit ikel li hemm u jaqsmu għal dawk kollha li għandhom il-ġuħ. It-tkattir tal-ħobż u tal-ħut iseħħ fil-qsim: dan hu l-miraklu! Hemm ħobż għal kulħadd jekk nagħtuh lil kulħadd. Hemm ħobż għal kulħadd jekk naqbduh mhux b’id li taħtaf, imma b’id li tagħti. Nosservaw tajjeb il-ġest ta’ Ġesù: meta l-Iben ta’ Alla jieħu l-ħobż u l-inbid f’idejh, qabelxejn irodd il-ħajr. Huwa rikonoxxenti lejn il-Missier għal ġid li jsir don u barka għall-poplu kollu.
B’hekk, l-ikel joktor: ma jiġix imqassam f’razzjon minħabba l-emerġenza, ma jiġix misruq fit-tilwim, ma jiġix moħli minn min jixxala fil-ġid quddiem dawk li ma għandhom xejn x’jieklu. Jgħaddi minn idejn Kristu għal dawk tad-dixxipli tiegħu, u hekk l-ikel joktor għal kulħadd, anzi, joktor aktar milli hemm bżonn (ara vv. 12-13). Mistagħġba b’dak li għamel Ġesù, in-nies tgħid: “Dan hu tassew il-Profeta!” (v. 14), jiġifieri dak li jitkellem f’isem Alla, il-Verb ta’ Dak li jista’ kollox. U huwa minnu, imma Ġesù ma jużax dawn il-kelmiet fid-dawl ta’ xi suċċess personali: ma jridx isir sultan (ara v. 15), għax hu ġie biex jaqdi bi mħabba, mhux biex jaħkem.
Il-miraklu li għamel hu sinjal ta’ din l-imħabba: jurina mhux biss kif Alla jitma’ l-umanità bil-ħobż tal-ħajja, imma kif aħna nistgħu nieħdu dan il-ħobż lill-bnedmin kollha li bħalna għandhom il-ġuħ għall-paċi, għal-libertà, għall-ġustizzja. Kull ġest ta’ solidarjetà u maħfra, kull inizjattiva ta’ ġid hija loqma ħobż għall-umanità fil-bżonn ta’ min jieħu ħsiebha. U safrattant dan mhux biżżejjed. Fil-fatt, mal-ikel li jitma’ l-ġisem hemm bżonn ngħaqqdu b’daqstant ieħor imħabba n-nutriment tar-ruħ, li jitma’ l-kuxjenza tagħna, li jweżinna fis-siegħa mudlama tal-biża’, qalb id-dlamijiet tat-tbatija. Dan l-ikel huwa Kristu, li dejjem irejjaq bil-kotra lill-Knisja tiegħu u jseddaqna fil-mixja bil-Ġisem tiegħu.
Ħuti, l-Ewkaristija li qed niċċelebraw allura ssir għajn ta’ fidi mġedda, għax Ġesù hu preżenti f’nofsna. Is-Sagrament ma jerġax jagħti l-ħajja lil tifkira mbiegħda fiż-żmien, imma jwettaq “kum-panija” li tibdilna, għax tqaddisna. Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf! Madwar l-Ewkaristija, din l-istess mejda ssir bxara ta’ tama fit-tiġrib tal-istorja u fl-inġustizzji li naraw madwarna. Issir sinjal tal-karità ta’ Alla, li fi Kristu jistedinna naqsmu dak li għandna, biex dan jitkattar fil-fraternità ekkleżjali.
Il-Mulej iħaddan is-sema u l-art, jaf il-qalb tagħna u s-sitwazzjonijiet kollha, ta’ hena jew ta’ niket, li aħna nġarrbu. Sar bniedem biex jifdina, u hekk ried jaqsam fil-bżonnijiet tal-umanità, ibda minn dawk l-aktar sempliċi u ta’ kuljum. Il-ġuħ hawn juri mhux biss il-miżerja tagħna imma fuq kollox l-imħabba tiegħu: niftakruh dan kull darba li niltaqgħu mal-ħarsa ta’ ħuna jew oħtna li ma għandhomx il-meħtieġ. Fil-fatt, dawk l-għajnejn jirrepetulna l-mistoqsija li għamel Ġesù lid-dixxipli tiegħu: x’se tagħmlu għal dawn in-nies kollha? Ċertament, li nkunu xhieda ta’ Kristu, nixbhuh fil-ġesti tiegħu ta’ mħabba, spiss iġib diffikultajiet u xkiel, kemm barra u kemm ġo fina, fejn il-kburija tista’ tikkorrompi l-qalb. Imma f’dawn il-mumenti, intennu mas-Salmista: “Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi: minn min għandi nibża’?” (27:1). Imqar jekk xi kultant nogħtru xi ftit, Alla dejjem jinkuraġġina: “Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej” (v. 14).
Għeżież żgħażagħ, din l-istedina nagħmilha fuq kollox lilkom, għax intom l-ulied maħbuba tal-art tal-Afrika! Bħala aħwa ta’ Ġesù, kattru t-talenti tagħkom bil-fidi, il-qlubija u l-ħbiberija li jmexxukom. Kunu intom qabelxejn l-uċuħ u l-idejn li jwasslu lill-proxxmu l-ħobż tal-ħajja: ikel ta’ għerf u ta’ fidwa minn dak kollu li ma jrejjaqniex, anzi, iħawwad ix-xewqat tajba tagħna u jisirqilna d-dinjità.
Anki f’pajjiżkom hekk għammiel, il-Kamerun, ħafna jduqu l-faqar, kemm dak materjali u kemm dak spiritwali. Iċċedux għall-qtigħ il-qalb u għall-iskuraġġiment; irrifjutaw kull għamla ta’ abbuż u ta’ vjolenza, li jilludu għax iwiegħdu gwadann faċli imma jwebbsu l-qalb u jagħmluha insensibbli. Tinsewx li l-poplu tagħkom hu aktar għani minn din l-art, għax it-teżor tiegħu huwa l-valuri tiegħu: il-fidi, il-familja, l-ospitalità, ix-xogħol. Mela kunu protagonisti tal-futur, billi ssegwu s-sejħa li Alla jagħti lil kull wieħed u waħda, bla ma tinxtraw mit-tentazzjonijiet li jaħlu l-enerġiji u ma jgħinux fil-progress tas-soċjetà.
Biex mill-ispirtu kburi tagħkom tagħmlu profezija tad-dinja ġdid, ħudu bħala eżempju dak li għadna kemm smajna fl-Atti tal-Appostli. L-ewwel Insara fil-fatt jagħtu xhieda qalbiena tal-Mulej Ġesù quddiem id-diffikultajiet u t-theddid, u jipperseveraw anki qalb l-insulti (ara Atti 5:40-41). Dawn id-dixxipli “kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija” (v. 42), jiġifieri l-Ħellies tad-dinja. Iva, il-Mulej jeħles mid-dnub u mill-mewt. Li jxandar bla waqfien dan il-Vanġelu hi l-missjoni ta’ kull Nisrani: hi l-missjoni li nafda b’mod speċjali lilkom iż-żgħażagħ u lill-Knisja kollha li tgħix il-Kamerun. Siru l-aħbar it-tajba għal pajjiżkom, kif inhu, ngħidu aħna, il-Beatu Floribert Bwana Chui għall-poplu tal-Kongo.
Ħuti, li ngħallmu jfisser inħallu s-sinjal, kif jagħmel il-bidwi bil-moħriet fl-għalqa, biex dak li jiżra’ jħalli l-frott. Huwa hekk li l-aħbar Nisranija tibdel l-istorja tagħna, u tibdel ukoll l-imħuħ u l-qlub. Inħabbru lil Kristu Rxoxt ifisser inħallu sinjali ta’ ġustizzja f’art li qed tbati u hi mifnija, sinjali ta’ paċi quddiem ir-rivalitajiet u l-korruzzjoni, sinjali ta’ fidi li jeħilsuna mis-superstizzjoni u mill-indifferenza. B’dan il-Vanġelu f’qalbna, ftit tal-ħin ieħor se naqsmu l-Ħobż Ewkaristiku, li jitmagħna għall-ħajja ta’ dejjem. B’fidi hienja, nitolbu lill-Mulej ikattar fostna d-don tiegħu, għall-ġid ta’ kulħadd.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard