Diskors tal-Papa Ljun XIV f’laqgħa mal-Istudenti Universitarji u l-Professuri

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
LAQGĦA MAL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI  U L-PROFESSURI
INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Univeristà Kattolika tal-Afrika Ċentrali (Yaoundé)
Il-Ġimgħa, 17 ta’ April, 2026

Gran Kanċillier,
Għeżież ħuti fl-Episkopat,
Reverendu Rettur,
Distinti membri tal-fakultajiet,
Għeżież studenti,
Distinti awtoritajiet akkademiċi,
Sinjuri!

Hu ta’ pjaċir kbir għalija li qed nindirizzakom fl-Università Kattolika tal-Afrika Ċentrali, ċentru ta’ eċċellenza tar-riċerka, tat-trasmissjoni tal-għerf u l-formazzjoni  ta’ bosta żgħażagħ.  Nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-awtoritajiet akkademiċi għal-laqgħa entużjasta li tawni u għall-impenn kostanti tagħhom fis-servizz tal-edukazzjoni.  Hu sors ta’ tama li din l-istituzzjoni, imwaqqfa fl-1989 mill-Assoċjazzjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika Ċentrali, isservi ta’ fanal għall-Knisja u għall-Afrika, hi u tfittex il-verità, kif ukoll il-promozzjoni tal-ġustizzja u s-solidarjetà.

Illum aktar minn qatt qabel, hemm bżonn li l-universitajiet – aktar u aktar l-istituzzjonijiet Kattoliċi tal-edukazzjoni għolja – isiru veru komunitajiet tal-ħajja u r-riċerka, inisslu fraternità ta’ għerf bejn l-istudenti u l-professuri bħala ħtieġa intrinsika biex wieħed ikollu esperjenza tal-ferħ tal-Verità fil-komunità u japprezza b’mod aktar sħiħ it-tifsira u l-implikazzjonijiet prattiċi tagħha.  Illum, it-tħabbir tal-Evanġelju u d-duttrina tal-Knisja huma sejħa għall-promozzjoni ta’  kultura ta’ laqgħa, b’kooperazzjoni ġeneruża u miftuħa mal-forzi pożittivi kollha li jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-kuxjenza umana universali.  Kultura, nistgħu ngħidu, ta’ laqgħa bejn il-kulturi awtentiċi u vitali kollha, grazzi għall-iskambju reċiproku tad-doni ta’ kull naħa f’dak l-ispazju mdawwal, miftuħ mill-imħabba t’Alla għall-ħlejjaq tiegħu kollha. Kif wera l-Papa Benedittu XVI “il-verità filfatt, hi logos li joħloq id-dialogos, u b’konsegwenza il-komunikazzjoni u l-komunjoni” (Kost. App. Veritatis Gaudium, 4b).

Tabilħaqq, fi żmien meta fid-dinja ħafna donnhom qed jitilfu l-punti ta’ riferiment spiritwali u etiċi u qed isibu ruħhom priġunieri tal-individwaliżmu, tas-superfiċjalità u l-ipokrisija, l-univeristà hi post privileġġjat tal-ħbiberija, tal-kooperazzjoni u, fl-istess ħin, tal-interjorità u r-riflessjoni.  Sa mill-bidu tagħha fiż-Żminijiet tan-Nofs, il-fundaturi kellhom bħala għan ewlieni, il-Verità.  Illum ukoll, professuri u studenti huma msejħin biex iħaddnu t-tfittxija tal-verità u jagħmluha kemm għan personali u stil ta’ ħajja għax, kif kiteb San John Henry Newman, “Il-prinċipji veri kollha jgħaddu minn Alla, il-fenomeni kollha jiltaqgħu fiH” (The idea of a University, Discourse II).

Fl-istess ħin, dak li Newman sejjaħlu “dawl ħanin” – jiġifieri “d-dawl tal-fidi magħqud mal-verità tal-imħabba” – “mhux barrani għad-dinja materjali, għax l-imħabba dejjem tingħex fil-ġisem u fir-ruħ; id-dawl tal-fidi hu dawl inkarnat li jirradja mill-ħajja mdawla ta’ Ġesù.  Idawwal ukoll id-dinja materjali, għandu fiduċja fl-ordni inerenti tagħha u, jaf li fiha tinfetaħ mixja ta’ armonija u ta’ għarfien dejjem jitwessa’.  Il-ħarsa tax-xjenza tirċievi b’hekk benefiċċju mill-fidi: din tistieden lix-xjenzjat jibqa’ miftuħ għar-realtà, fl-għana kollu tagħha li ma jintemm qatt. Il-fidi tqajjem is-sens kritiku, għax ma tħallix it-tiftix jissodisfa ruħu bil-formoli tiegħu u tgħinu jifhem li n-natura hi dejjem akbar. Filwaqt li tistedinna nistagħġbu quddiem il-misteru tal-ħolqien, il-fidi twessa’ l-orizzonti tar-raġuni biex iddawwal aħjar id-dinja li tinfetaħ għall-istudji tax-xjenza” (Franġisku, Enċ. Lumen Fidei, 34).

Għeżież ħbieb, l-Afrika tista’ tagħti kontribut fundamentali biex jitwessgħu l-ixfqa wisq dojoq tal-umanità li titqabad biex tittama.  Fil-kontinent merviljuż tagħkom, ir-riċerkaturi għandhom sejħa speċjali biex jinfetħu għall-perspettivi inter-dixxiplinarji, internazzjonali u inter-kulturali.  Aktar minn hekk, illum hemm ħtieġa urġenti li l-fidi narawha fil-qafas tal-kuntesti kontemporanji u l-isfidi tal-preżent, sabiex is-sbuħija u l-kredibbiltà tagħha joħorġu f’ambjenti diversi, speċjalment f’dawk l-aktar immarkati mill-inġustizzja, l-inugwaljanza, il-kunflitt u d-degradazzjoni kemm materjali kif ukoll spiritwali.

Il-kobor ta’ nazzjon ma jitkejjilx biss mill-abbundanza tar-riżorsi naturali tiegħu u lanqas mill-ġid materjali tal-istituzzjonijiet tiegħu.  Infatti, ebda soċjetà ma tista tiffjorixxi jekk mhix imħawla f’kuxjenzi retti, iffurmati bil-verità.  F’das-sens, il-motto tal-università tagħkom – “għas-servizz tal-verità u l-ġustizzja” – ifakkarkom  li l-kuxjenza umana, mifhuma bħala s-santwarju interjuri fejn l-irġiel u n-nisa jiskopru lilhom infushom miġbudin mil-leħen ta’ Alla, hi l-art li fuqha għandu jinbena l-pedament stabbli ta’ kull soċjetà.  Il-formazzjoni ta’ kuxjenzi ħielsa u mogħnija b’inkwiet qaddis hija kundizzjoni neċessarja biex il-fidi Nisranija tidher bħala proposta għalkollox umana.  Fidi bħal din kapaċi tittrasforma l-ħajjiet tal-individwi u tas-soċjetà, tispira bidla profetika quddiem it-traġedji u l-faqar ta’ żmienna, u tħeġġeġ tfittxija kontinwa għal Alla li qatt mhi sodisfatta b’dak li taf.

Hu propju fil-kuxjenza li jifforma ruħu d-dixxerniment morali li permezz tiegħu infittxu liberament xinhu veru u rett.  Meta l-kuxjenza tieħu ħsieb li tkun imdawla u ffurmata kif jixraq, issir sors  ta’ mġieba koerenti ta’ aġir immirat lejn it-tajjeb, il-ġustizzja u l-paċi.

Fis-soċjetajiet kontemporanji, u għalhekk fil-Cameroon ukoll, qed nassistu għat-tnawwir tal-valuri morali li darba kienu jmexxu l-ħajja tal-komunità.  Bħala riżultat, illum hemm tendenza li bla ħsieb ta’ xejn ikunu approvati ċerti mġibiet li darba kienu jitqiesu inaċċettabbli.  Din id-dinamika tista’ tiġi spjegata parzjalment mit-tibdil soċjali, pressjoni ekonomika u qawwiet politiċi li jiffurmaw l-imġieba kollettiva.  L-insara, speċjalment iż-żgħażagħ Kattoliċi tal-Cameroon, m’għandhomx jibżgħu minn “affarijiet ġodda”.  L-università tagħkom, b’mod partikolari, tista’ tifforma pijunjieri ta’ umaneżmu ġdid fil-kuntest tar-rivoluzzjoni diġitali.  Filwaqt li l-kontinent Afrikan jaf sew liema huma l-aspetti attraenti tiegħu, jaf ukoll in-naħa l-aktar mudlama tad-devastazzjoni ambjentali u soċjali kkawżata mit-tfittxija bla waqfien għall-materja prima u l-elementi rari tal-art.  Iddawrux wiċċkom in-naħa l-oħra: dan hu servizz għall-verità u għall-umanità kollha.  Mingħajr dan l-isforz edukattiv impenjattiv, l-adattament passiv għall-mudelli dominanti jibda jitqies bħala kompetenza u tfixkil għal-libertà tal-progress.

Dan hu aktar minnu fid-dawl tat-tifrix tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li dejjem aktar qed isawru u jippenetraw il-mentalità u l-ambjenti soċjali tagħna.  Bħal kull trasformazzjoni storika kbira oħra, dan ukoll jitlob mhux biss kompetenza teknika imma wkoll formazzjoni umanistika bil-ħila li tagħmel viżibbli l-loġika li tmexxi l-ekonomija, il-preġudizzji inkorporati u l-forom ta’ poter li jiffurmaw il-perċezzjoni tagħna tar-realtà.  Fl-ambjenti diġitali – li huma strutturati biex jipperswadu – l-interazzjoni hi ottimizzata sal-punt li l-inkontru reali ġġibu superfluwu; tinnewtralizza l-preżenza fiżika tal-ieħor u r-relazzjonijiet iġġibhom biss komunikazzjoni funzjonali.  Għeżież ħbieb, intom, però, persuni reali!  Il-ħolqien innifsu għandu ġisem, nifs, ħajja li teħtieġ is-smigħ u tkun imħarsa.  Ħajja li “titniegħed u tbati l-uġigħ” (cfr Rum 8,22), l-istess bħalma jiġri lil kull wieħed u waħda minna.

Meta l-mistħajjel isir in-norma, idgħajjef il-ħila tad-dixxerniment uman.  Bħala riżultat, l-irbit soċjali tagħna jingħalaq fih innifsu u jifforma ċirkwiti awtoreferenzjali li ma jibqgħux jesponuna għar-realtà.  Hekk, nispiċċaw ngħixu f’bużżieqa, impermeabbli għal xulxin.  Meta nħossuna mhedda minn xi ħadd li hu differenti, nibdew nitilfu d-drawwa li niltaqgħu u niddjalogaw.  B’dal-mod, tikber il-firxa tal-polarizzazzjoni, tal-kunflitt, tal-biża u l-vjolenza.  Fin-nofs mhemmx biss ir-riskju tal-iżball, iżda t-trasformazzjoni tal-istess relazzjoni tagħna mal-verità.

Hu preċiżament f’dal-qasam li l-università Kattolika hi msejħa biex tassumi responsabbiltà tal-għola livell.  Għax ma tittrażmettix biss tagħlim speċjalizzat imma tifforma mħuħ bil-ħila li jiddixxernu u qlub lesti għall-imħabba u s-servizz.  Fuq kollox, tħejji mexxejja tal-futur, uffiċjali pubbliċi, professjonisti u atturi oħra għas-soċjetà biex iġorru r-responsabbiltajiet afdati lilhom b’integrità, jaqdu dmirhom bil-korrettezza u jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’qafas etiku għas-servizz tal-ġid komuni.

Għeżież uliedi tal-Cameroon, għeżież studenti, quddiem it-tendenza li temigraw (u dan nifhmuh) – li tista’ lil dak li jkun iġġagħlu jemmen li ximkien ieħor ikun faċli jsib futur aħjar – nistedinkom, qabel kollox, biex twieġbu bi ħrara kbira l-istedina biex taqdu ‘l pajjiżkom u biex it-tagħrif li qed tiksbu hawn tapplikawh għall-benefiċċju taċ-ċittadini sħabkom.  Din hi r- raison d’être tal-università tagħkom, li twaqqfet ħamsautletin sena ilu biex tifforma ragħajja tal-erwieħ u lajċi impenjati fis-soċjetà: dawn huma x-xhieda tad-dehen u l-ġustizzja, tant meħtieġa mill-kontinet tal-Afrika.

Rigward dan, nixtieq infakkar dak li qal San Ġwanni Pawlu II: l-università Kattolika titwieled mill-qalb tal-Knisja (Kost. App. Ex Corde Ecclesiae, 15 ta’ Awwissu, 1990, 1) u tagħti sehemha fil-missjoni tat-tħabbir tal-verità li teħlisna.  Din l-affermazzjoni tirreferi primarjament għal imperattiv intellettwali u spiritwali: it-tiftix tal-verità fid-dimensjonijiet kollha tagħha, bil-konvinzjoni li l-fidi u r-raġuni mhumiex opposti għal xulxin, iżda huma ta’ sapport reċiproku.  Aktar minn hekk, tfakkarna li l-professuri u l-istudenti tal-università huma impenjati fil-ħidma tal-Knisja li “xxandarl-aħbar it-tajba ta’ Kristu lil kulħadd, bid-djaolgu, bix-xjenzi differenti u b’servizz għal għarfien aħjar u għall-applikazzjoni  tal-verità fil-ħajja tal-individwi u tas-soċjetà” (Franġisku Kost. App. Veritatis Gaudium, 8 ta’ Diċembru, 2017, 5).

Quddiem l-isfidi ta’ żmienna, l-università Kattolika tokkupa post uniku u insostitwibbli.  Rigward dan, ejjew nirriflettu fuq il-pijunjieri ta’ din l-istituzzjoni, li tefgħu l-pedament li fuqu għadkom tibnu sal-lum.  Fosthom niftakar b’mod partikolari fir-Reverendu Barthélemy Nyom, li kien rettur fil-biċċa l-kbira tas-snin 90.  Fuq il-passi tagħhom kunu dejjem attenti biex, minbarra t-trażmissjoni tal-għarfien u l-iżvilupp tal-kompetenzi professjonali, din l-università timmira li tagħti kontribut għall-formazzjoni integrali tal-persuna umana.  L-akkumpanjament spiritwali u uman hu dimesnjoni essenzjali tal-identità ta’ università Kattolika.  Permezz tal-formazzjoni spiritwali, l-inizjattivi tal-ministeru pastorali tal-campus flimkien ma’ mumenti ta’ riflessjoni, l-istudenti huma mistiedna biex jidħlu aktar fil-fond tal-ħajja interjuri tagħhom u jorjentaw l-impenn tagħhom fis-soċjetà fid-dawl ta’ valuri awtentiċi u dejjiema.  B’hekk, għeżież studenti, intom titgħallmu ssiru bennejja tal-futur tal-pajjiżi rispettivi tagħkom u ta’ dinja aktar ġusta u umana.

Għeżież professuri, ir-rwol tagħkom hu essenzjali.  Għaldaqstant inħeġġiġkom biex tinkorporaw il-valuri li tixtiequ tgħaddu – fuq kollox il-ġustizzja u l-etika, l-integrità, l-ispirtu ta’ servizz u s-sens ta responsabbiltà.  L-Afrika u d-dinja għandhom bżonn persuni impenjati li jgħixu l-Evanġelju u li jqiegħdu t-talenti tagħhom għas-servizz tal-ġid komuni.  Tkunux tradituri ta’ din l-idea nobbli!  Minbarra li tkunu gwidi intellettwali, kunu mudelli li r-reqqa xjentifika u l-integrità personali tagħhom jiffurmaw il-kuxjenzi tal-istudenti tagħkom.  Jeħtieġ lil-Afrika tinħeles mill-flaġell tal-korruzzjoni.  Għaż-żgħażagħ, din il-kuxjenza trid tibni l-għeruq tagħha sa mis-snin ta’ formazzjoni, grazzi għar-reqqa morali, l-altruiżmu u l-koerenza tal-ħajja murija mill-edukaturi u l-għalliema tagħhom. Jum wara jum, qiegħdu l-pedamenti indispensabbli għall-bini ta’ identità morali u intellettwali koerenti.  Bix-xhieda li tagħtu tal-verità — speċjalment quddiem l-illużjonijiet tal-ideoloġiji u l-modi li jgħaddu — tkunu qed trawmu ambjent fejn l-eċċellenza akkademika titwaħħad b’mod naturali mar-rettitudni umana.

Sinjuri, il-virtù ewlenija li għandha tanima lill-komunità universitarja hi l-umiltà.  Hu xhinu r-rwol jew l-età tagħna, għandna dejjem niftakru li aħna lkoll dixxipli – jiġiferi lkoll studenti taħt Għalliem wieħed li tant ħabb id-dinja li ta ħajtu għaliha.  Nirringrazzjakom u minn qalbi ntikom il-barka tiegħi!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading