VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU, 2026)
VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
“Plaza de Lima” (Madrid)
Is-Sibt, 6 ta’ Ġunju, 2026
- Nafu li Santu Wistin hu importanti ħafna għalik, imma liema qaddisin oħra u liema riferimenti għenuk biex tikber bħala nisrani?
(2) Nixtieq nagħmillek mistoqsija dwar is-snin bħala missjunarju fil-Perù. X’tifkiriet u liema esperjenza għadek tgħożż minn dawk is-snin?
Qabel kollox: insellem lilkom ilkoll! Grazzi li tinsabu hawn u grazzi li l-fidi tagħkom qed taqsmuha mal-belt kollha ta’ Madrid u ma’ Spanja kollha. Dwar l-ewwel mistoqsija, rigward xi qaddisin li kienu għalija punt ta’ riferiment jien u nikber u f’żgħożiti, imma wkoll bħala Isqof u Papa… Diġà semmejtu lil Santu Wistin – u lkoll nafu li Santu Wistin hu figura importanti ħafna għall-Knisja kollha – iżda kont naħseb ukoll dwar wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja orjentali li kien jismu San Ġwann Kriżostmu. Ismu jfisser “fomm tad-deheb”, titlu li jistħoqq lil dal-Missier tal-Knisja minħabba l-elokwenza sabiħa tiegħu. Kien studjuz tal-filosofija sa minn qabel il-Magħmudija li seħħet fis-sena 368 W.K. Wara, ħadem ħafna fuq l-eseġeżi tal-Iskrittura Mqaddsa, flimkien ma’ żgħażagħ oħra minn Antjokja, belt twelidu. Wara esperjenza bħala eremita, iddedika ruħu għas-servizz tal-Knisja bħala saċerdot u mbagħad bħala Isqof. U hawn napprofitta ruħi biex ngħid lilkom ilkoll: qatt tibżgħu tirriflettu dwar vokazzjoni għall-ħajja saċerdotali, għall-ħajja reliġjuża u servizzi oħra fil-Knisja.
Minbarra li kien saċerdot u isqof, Ġwanni Kriżostmu, li f’qalbu kien iġorr din l-imħabba għall-Kelma t’Alla, ta xhieda kbira ħafna speċjalment bil-koerenza ta’ ħajtu. Meta kien jipprietka kien jgħix il-messaġġ li kien iwassal. Laqtuni speċjalment il-katekeżijiet tiegħu, id-diskorsi tiegħu, l-omeliji tiegħu u l-kitbiet li jikkonjugaw l-imħabba tal-verità u r-rettitudni ta’ ħajtu.
Kellu wkoll kuraġġ kbir: ma kienx jibża’ jitkellem quddiem l-imperatur, jgħid dak kollu li hu favur il-ġustizzja u mhux biss biex jingħoġob. Kien bniedem ta’ kelmtu.
Il-qaddis l-ieħor li naħseb dwaru hu San Tumas ta’ Villanova, agostinjan, li kien imsejjaħ biex ikun ragħaj tal-Knisja. Kien Spanjol. Studja fl-università ta’ Alcalà, u bl-għerf tiegħu kiseb l-istima tal-Imperatur Karlu V. Wara kien maħtur isqof ta’ Valencia u nieda riforma kbira fil-Knisja, speċjalment fost il-kleru, kien jixpruna lil ħutu ħalli jimpenjaw ruħhom fit-talb, fil-ħajja ta’ kastità u ubbidjenza. Minħabba l-karità ħerqana tiegħu hu magħruf sal-lum bħala “l-Isqof tal-foqra”. Din il-karità kienet ta’ inkoraġġiment għalija fil-waqtiet tal-prova u fis-servizz.
Il-kumpann l-ieħor fil-vjaġġ hu San Turibio minn Mogrovejo, Spanjol ieħor. Fis-seklu XVI kien missjunarju l-Perù, fejn iddedika ruħu b’żelu kbir għall-evanġelizzazzjoni billi studja l-lingwi lokali. San Turibio għaqqad ħajja ta’ talb kbir ma’ impenn favur il-ġustizzja, speċjalment kontra l-abbużi kolonjali u l-korruzzjoni. Għalhekk, għalija hu mudell ta’ dedikazzjoni għall-poplu, speċjalment l-aktar foqra, f’isem Kristu.
B’ħarsti fuq il-ħajja ta’ dawn il-qaddisin, għidtlili nnifsi bħalma qal Santu Wistin: jekk huma ma kellhomx ħila, għal jien le? (cfr Sqarrijiet, VIII, 27). Mistoqsija li bil-qalb kollha nagħmilha lilkom, jien u nistedinkom biex tagħżlu eżempji ta’ ħajja tajba, li jkunu attratenti kemm għalikom infuskom kif ukoll għall-oħrajn.
Dwar iż-żmien li qattajt fil-Perù bħala missjunarju u mbagħad bħala isqof, niftakar aktar minn kollox ix-xhieda ta’ fidi tan-nies, mgħakksin minn bosta diffkultajiet, iżda mimlijin tama. Propju l-laqgħa mal-ġrieħi u wkoll mal-ferħat tal-poplu, tatni l-qawwa fil-mixja tiegħi wara Ġesù. Jien u nħabbar, l-Evanġelju kien jittrasforma lili wkoll, ittrasformat mill-ħajja u l-fidi ta’ dawn il-popli, spiss foqra ħafna materjalment, imma għonja fil-fidi. Jien u nġarrab dil-fidi fil-Kelma tal-Mulej, rajt kif il-Kelma t’Alla tista’ tibdel il-kunflitt f’paċi. Tista’ tkun għajn ta’ rikonċiljazzjoni, paċi u ġustizja.
(3) X’taħseb li jista’ jgħinna biex nagħrfu leħen Alla fost il-ħafna ilħna oħra li hawn madwana?
(4) Kif nistgħu aħna, li wkoll qegħdin infittxu, nakkumpanjaw lill-oħrajn fil-mixja lejn l-iskoperta tas-sbuħija tal-fidi?
Qabel kollox ejjew nitkellmu dwar kif nisimgħu dil-vuċi t’Alla: kif niddixxernu jekk hux verament Alla li qed jitkellem inkella xi ħadd ieħor, xi ħaġ’oħra li tiġbidna, xi diffikultà oħra.
Biex nagħrfu leħen Alla jista’ jgħinna s-silenzju.
Naħseb li importanti ħafna li lkoll kemm aħna niżviluppaw il-ħila li noqgħodu fis-skiet. Ħafna drabi aħna w nimxu, bl-earphones f’widnejna, nisimgħu l-mużika, inkunu distratti u ma nafux noqgħodu ftit fis-skiet. Naħseb li bosta drabi jkun propju f’din l-esperjenza ta’ silenzju li Alla jista’ jkellimna: hemmhekk inkunu nistgħu niddixxernu leħen Alla.
Meta nfittxu s-silenzju nkunu nistgħu niddeċiedu x’mgħandniex nisimgħu u liema huma l-ħsejjes li jaljenawna. Jekk ninħelsu mid-damdim ta’ elf leħen, nindunaw li xi wħud jilludu x-xewqat tagħna, oħrajn jixtruna bla ma jżoqquna, oħrajn jitkellmu għall-gwadann tagħhom. Fis-silenzju nfhmu li l-ideoloġiji jgħaddu, iżda l-verità tibqa’.
Hawnhekk irrid nisħaq ukoll dwar kemm hu importanti nfittxu l-verità, għax bosta ilħna, ħafna affarijiet fis-social, jingannawna u jirrakkuntawlna l-gideb. Fittxu dejjem il-verità! Alla hu verità! Jekk xi ħaġa tbiegħdek minn Alla, dik mhix verità! Tinsewhiex din!
It-tieni, kunu żguri li Alla leħnek jafu sew, leħinkom: Hu jismgħakom u jweġibkom. Tibżgħux tesprimu dak li tħossu f’qalbkom. Hemm Salm li jgħid: “Forsi min għamel il-widnejn ma jismax?” (Salm 94,9). Dan id-diskors interjuri tagħna jsir talba, tifħir, mistoqsija meta nafdawha f’idejn dak li jista’ jisma’. Infatti, it-talb hu vuċi ħielsa propju għax ma jitkellimx biex jagħti kont ta’ xi ħaġa, biex juri kemm aħna mħejjijin tajjeb
jew biex bih inħossuna importanti. Meta aħna stess insiru talba, il-Mulej iweġibna bil-Verb tiegħu, li sar bniedem għalina, afferma li Alla jobbna b’qalbu kollha.
It-tielet, allura, biex nagħrfu l-leħen ta’ Alla hemm bżonn nisimgħu l-Kelma. Il-Kelma t’Alla hi ħajja, għax hi Kristu, li l-leħen tiegħu għadu jidwi fil-Knisja li hi l-Ġisem tiegħu. Hu l-milja tal-Iskritturi kollha, dak it-testment il-qadim u ġdid mogħti lill-bnedmin bħala wegħda tas-salvazzjoni. L-adorazzjoni Ewkaristika li se niċċelebraw flimkien illejla hi propju l-imkien propizju biex infittxu s-silenzju, nilliberaw qlubna minnha nfusna quddiem il-Mulej, aħna u niddjalogaw miegħu, hu li hu elokwenti bl-imħabba magħmula ikel għall-umanità kollha.
Minbarra dan, għeżież, biex jgħinna niskopru s-sbuħija tal-fidi tagħna, ftakru li ħadd minna ma twieled imgħallem, aħna lkoll dixxipli tal-Mulej. Ixxerjaw bejnietkom, għalhekk, il-mixja spiritwalli tagħkom, kunu xhieda tagħha bil-koerenza ta’ ħajjitkom: ir-rieda li nimxu wara Ġesù tibqa’ ġġeddidna bla heda speċjalment fis-siegħa tal-għejja.
F’dan hu importanti naraw li min jemmen f’Alla qatt mhu waħdu. Araw kemm hawn minnkom hawnhekk! L-istess fil-komunità, fil-gruppi taż-żgħażagħ, fil-familja: hemmhekk ilkoll nistgħu nitgħallmu s-sbuħija tal-fidi tagħna. Intom u tixxerjaw ma’ xulxin il-mixja spiritwali tagħkom, ir-rieda li timxu wara Ġesù tibqa’ ġġeddidkom bla heda.
Hu jimxi bil-pass tagħna u jdawwal it-triq: nistedinkom timxu fuq l-istess eżempju tal-Imgħallem, bħala ragħajja, edukaturi u ħbieb. Jekk titolbu bl-imħabba, iż-żgħażagħ japprezzaw l-importanza tat-talb. Jekk imħeġġin fil-fidi, tittrażmettu n-nar iħeġġeġ tagħha. Ilkoll kemm intom fittxu fi qlubkom dan in-nar tal-imħabba t’Alla! Hemmhekk hemm il-preżenza ta’ Ġesù, u l-qrubija ta’ Ġesù nindunaw biha wkoll fil-mumenti tal-waqgħat tagħna, għax Ġesù qatt ma jabbandunana. L-aktar meta aħna nnewlu jdejna, nħaddnu fraternament, meta nfittxu l-opportunità biex inservu lill-oħrajn u meta nfittxu kif immissu l-feriti tal-ieħor bil-ġrieħi tiegħu, fin-niket tiegħu, fid-diffikultajiet tiegħu, hemmhekk il-fidi f’Ġesù Kristu tieħu l-ħajja u Ġesù stess jgħinna nwieżnu lil xulxin fil-mixja.
(5) Kif nistgħu ngħixu bħala żgħażagħ insara impenjati f’dis-soċjetà?
(6) Liema hi l-missjoni konkreta li int trid tafda f’idejn iż-żgħażagħ tal-Knisja?
Tajjeb, nawguralek fl-okkażjoni tat-tieġ tiegħek Fernando! Hawnhekk rajt ukoll koppji li waslu biex jiżżewġu: awguri u barkiet! Għax jekk qabel għidt “tibżgħux taħsbu dwar vokazzjoni”, iż-żwieġ ukoll hu vokazzjoni. Tibżgħux tiżżewġu u tiffurmaw familja!
Tul is-sekli tal-istorja tal-Knisja, aħna l-insara għexna f’kull tip ta’ soċjetà, għaddejna minn tibdil ta’ kulturi li xxerjajna u tajna sehemna biex jiffurmaw ruħhom. Hemm test antik – jismu Ittra lil Diogneto – li fuq dan jitfa’ dawl sabiħ: “L-insara jinsabu fid-dinja bl-istess mod li r-ruħ tinsab fil-ġisem” (VI). Dan hu l-mod ta’ għejxien tagħna: id-dixxipli ta’ Ġesù dejjem huma kontemporanji, iżda qatt ilsiera taż-żmien li jgħaddi. Aħna ħielsa fi Kristu! Kristu ħelisna b’imħabbtu: grazzi għal din l-imħabba nibqgħu dejjem ħielsa quddiem kull forzatura jew ingann. Aħna ħielsa mill-moda għax dixxipli tal-verità; aħna miftuħin għall-futur għax nafu li mhemmx il-mewt tistenniena. Għall-kuntrarju, is-sens tal-istorja jilħaq il-milja tiegħu fil-komunjoni eterna tal-ħajja li Alla jħejji għal kulħadd. F’dil-perspettiva, l-aktar intom iż-żgħażagħ, għandkom sejħa biex tagħtu direzzjoni ġdida lis-soċjetà, billi ssiru protagonisti tal-bidla ibda mill-irbit tal-ħajja ta kuljum, minn dak li tgħixu fil-familja, fl-università, fuq ix-xogħol. Meta nħares lejkom, għeżież żgħażagħ, mimlijin b’dan l-entużjażmu li jittieħed imqanqal mill-fidi, nimtela bit-tama fil-ħila li għandkom biex tkunu xhieda ta’ Kristu fid-dinja, inkluż ir-realtà diġitali, biex tikkomunikaw il-valuri u s-sbuħija tal-Evanġelju (cfr Christus vivit, 105; Tislima fil-ġublew tal-missjunarji diġitali, 29 ta’ Lulju, 2025). Morru, dil-missjoni hi tagħkom!
Għalhekk nistednikom, ilkoll flimkien, biex tkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja (cfr Mt 5,13). Biex tgħixu b’dal mod, qabel kollox tridu tinterpretaw is-soċjetà ta’ issa, tgħammru fiha bid-dehen sabiex bħala xhieda tal-Evanġelju tkunu tistgħu tittrasformawha. Iż-żgħażugħ nisrani, infatti, hu dawl kemm fil-ferħ u wkoll waqt il-prova, jagħti togħma lir-realtà għax jgħammar fiha bħala persuna li tikseb it-togħma tal-ħajja minn ġewwa fiha, bla ma tistenna li se ttihielha ir-rikkezza, il-pjaċir jew is-setgħa. Din hi l-libertà tagħna, li s-sors tagħha hi l-fidi, bil-ħila li tagħti d-dawl u t-togħma lil kull soċjetà, lil kull esperjenza umana. Meta l-ħajja ma jkunx fiha sens tkun qiesha ttiħditilna: ma nħossuhiex aktar tagħna. Quddiem il-vojt tal-indifferenza u tal-kwalukwiżmu, quddiem il-vjolenza tal-gwerra u tal-gideb, kunu intom stess ix-xrara ta’ umanità ġdida.
Allura lilkom ilkoll irrid intikom missjoni: kunu umani. Iva, kunu umani! Irġiel u nisa tal-laħam u l-għadam. Mhux apparenzi imma wċuħ affidabbli, persuni li tfittxu l-ġustizzja għax bil-ġuħ għaliha daqs il-ħobż ta’ kuljum. Persuni li jixtiequ ħajja onesta u dritta għax jagħmlu ma’ ħaddieħor dak li jixtiequ li ħaddieħor jagħmel magħhom. Kunu umani bħalma hu Kristu, il-bniedem perfett, l-Irxoxt li jaqsam magħna l-istorja f’kull żmien. Intom u tikkultivaw dan l-impenn, ħarsu lejn l-Appostli, lejn l-ewwel insara, abitanti f’dinja pagana, Fuq l-eżempju tagħhom kunu missjunarji tal-Evanġelju quddiem il-faqar materjali u spiritwali ta’ żmienna, konxji għall-aħħar li l-fidi tagħkom hi stil ta’ ħajja li ssib il-mija fil-karità. Din hi, għeżież żgħażagħ, il-virtù li tibdel l-istorja aktar minn kollox. Intom tistgħu tibdlu l-istorja! Agħmlu dan bl-imħabba! Grazzi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber