It-13-il Ħadd matul is-Sena A. Minn Dun Mikiel A. Galea

MIN IĦOBB LIL MISSIERU JEW LIL OMMU IŻJED MINNI MA JISTĦOQQLUX LI JKUN MIEGĦI!

Kien it-12 t’Ottubru 1891. Lill-familja Stein, razza Lhudija u li kienet tgħix fi Breslau, twelditilha tarbija tifla, l-aħħar waħda minn tnax-il wild. Il-ġenituri tagħha semmewha Edith. Il-missier miet qasir il-għomor u l-omm ħadet ħsieb l-għixien, l-edukazzjoni u trobbija tal-ħdax-il tifel u tifla li kellhom. Edith kienet intelliġenti ħafna pero’ mas-snin tal-adoloxxenza tagħha tilfet il-fidi f’Alla ta’ Abraham u saret tfajla anjostika, jiġifieri bdiet taħseb u tgħid li ma setgħetx tkun taf b’ċertezza li Alla jeżisti. Studjat u mbagħad għallmet il-filosofija, imma interessanti, ta’ mara intelliġenti li kienet, lil Alla kompliet tfittxu u sa fl-aħħar sabitu f’Ġesu’ li għall-imħabba tagħna miet għalina msammar ma’ salib. Kontra r-rieda ta’ ommha, li kif għedtilkom rabbietha fir-reliġjon Lhudija, (nagħmel enfasi fuq il-kelmiet “kontra r-rieda t’ommha”) hija rċeviet is-sagrament tal-magħmudija fl-1 ta’ Jannar 1922 u iktar tard, daħlet soru tal-klawsura u ħadet l-isem ta’ Tereża Benedetta tas-Salib. Mietet fid-9 t’Awwissu 1942 f’Auschwiz, fgata f’waħda mill-kmamar tal-gass flimkien ma’ oħtha Roża, soru bħalha, u ġiet kanonizzata f’Ruma mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II li ddikjaraha wkoll patruna tal-Ewropa flimkien ma’ qaddisin oħra. Xi ħadd qal: “Santa Tereża Benedetta tas-salib hija xhud tal-preżenza t’Alla f’dinja pagana fejn Alla huwa assenti jew għal ħafna, bħallikieku ma jeżistix!”

Ftit ilu għedtilkom nagħmel enfasi fuq il-kelmiet: “kontra r-rieda t’ommha”. Għedtilkom hekk għaliex fil-vanġelu li għadni qrajtilkom, Ġesu’ jibda biex jgħid lill-appostli tiegħu, allura lilna wkoll: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi…” Meta qal hekk ma riedx ifisser li l-ġenituri m’għandhomx valur u li ma ħaqqhomx rispett. Ried jgħid biss li mhux possibbli tħobb lil missierek u lil ommok bis-serjeta’ jekk qabel xejn ma tħobbx lilU qabel kollox u qabel kulħadd għax Hu biss kapaċi jgħallmek kif tħobb!  Ħafna mill-bnedmin tal-lum, dan li qed ngħid la jifhmuh u lanqas jemmnuh. Fil-fatt, is-soċjeta’ tal-lum, kif naraw minn dak li qed jiġri madwarna, tikkonferma dak li qal Ġesu’ u dak li qed ngħid jien. Qegħdin nindunaw li meta neskludu lil Alla u nabbandunaw il-fidi, għadd kbir ta’ familji qegħdin jitħarbtu u jitfarrku b’rata mgħaġġla u allarmanti. Il-Kardinal Angelo Comastri jgħid li l-ulied m’għadhomx jafu jħobbu lill-ġenituri tagħhom: fil-familji tal-lum qed jonqos ħafna l-altruiżmu. Ikompli jgħid Angelo Comastri: “F’ħafna familji m’għadx baqa’ imħabba vera u ġenwina…B’imħabba vera u ġenwina nifhmu imħabba li kapaċi ssofri, tbati u tissagrifika ruħha għall-oħrajn.”

U mill-ulied li għandhom iħobbu lilU qabel ma jħobbu lill-ġenituri tagħhom, Ġesu’ jgħaddi biex jindirizza lill-ġenituri u jgħidilhom: “Min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed milli jħobb lili, ma jistħoqqlux li jkun miegħi.” Irid jgħid Ġesu’: “Attenti! Jekk ma tħobbux lili qabel kollox u qabel kulħadd ma tistgħux tħobbu bis-serejta’ lil uliedkom.” Xi ħadd qal: “Mhux kull mod kif tħobb lil uliedek huwa ġust u tajjeb!” Hekk pereżempju jekk f’isem il-liberta’ tħalli lil uliedek jagħmluha ma’ min iridu mhix xi ħaġa ta’ min ifaħħarha għax jistgħu jiltaqgħu mat-tajjeb u jistgħu jiltaqgħu mal-ħażin. Illum il-ġurnata, f’Malta u Għawdex tagħna, id-droga hija aċċessibbli għal kulħadd, anzi kif kien qal snin ilu l-mibki Monsinjur Victor Grech, “Malta u Għawdex huma mifqugħin bid-droga!” U dan snin ilu…aħseb u ara llum!  Iftaħ it-television, ara l-aħbarijiet u tisma’ kif dak u l-ieħor inqabdu b’kull tip ta’ droga u dan “mhux għall-użu personali tagħhom.” Imma nkompli ngħid jien: “biex iħaxxnu bwiethom minn fuq dahar l-oħrajn, speċjalment minn fuq dahar iż-żgħażagħ. Bil-libertinaġġ (jiġifieri bl-użu ħażin tal-liberta’) li fih qegħdin jgħixu ż-żgħażagħ tagħna ma nafx x’se jkun il-futur tal-missirijiet, tal-ommijiet u tal-familji t’għada.

Xi ħadd ieħor qal: “Tħobb lil uliedek ifisser li xi drabi jkun hemm bżonn tgħidilhom ‘LE’ speċjalment jekk ikunu għadhom taħt l-eta’.” U ma ninsewx: anki meta jikbru, jgħaddu għaż-żmien taż-żgħożija jew jieħdu l-istat tagħhom, il-ġenituri jibqgħalhom il-jedd u d-dmir li jagħtuhom parir tajjeb jew iwissuhom. Dan li qed ngħid mhux faċli għax kif darba qalli wieħed raġel għaref, illum anzjan: “Meta jikbru, wliedek jibqgħu wliedek,  iżda mhux iżjed it-tfal tiegħek!” (jiġifieri ma jibqgħux pupazzi tiegħek: tiġbdilhom l-ispaga u tħarrikom jew tmexxihom fejn trid int…tista’ twasslilhom parir jew twissija imma trid tirrispetta ħafna l-liberta’ tagħhom.) Ġurnalista Taljan qal: “Ta’ spiss, tant hi banalizzata u konsumista l-imħabba ta’ xi ġenituri, li l-familja ta’ dawn il-ġenituri nistgħu nqisuha speċi ta’ lukanda żgħira fejn m’hemm xejn inkomuni bejn il-membri tagħha ħlief saqaf fuq rashom u ċavetta f’idejhom.” Ħa ngħidilkom x’nifhmu b’imħabba banalizzata u konsumista…Nifhmu imħabba tal-parties, tal-ikliet u tar-rigali. Ma baqax mumenti ta’ djalogu, ma baqax ħin għal talb ta’ flimkien u ma baqax sens ta’ sagrifiċċju! Naturalment ma nistgħux nitfgħu lill-familji kollha f’keffa waħda.

U la qegħdin insemmu s-sens ta’ sagrifiċċju ngħaddi għal direttiva oħra li jagħtina Ġesu’ fil-vanġelu tal-lum. Jgħidilna Ġesu’: “U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.” Il-Qaddej t’Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħid: “Ġesu’ ma ġiex fid-dinja bħala turista imma bħala reffiegħ tas-salib.” Ġesu’ ma fdiniex bil-mirakli u bis-sinjali li kien jagħmel iżda bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Allura qed inbati…niddispra? Nindanna? Le! Qed tbati…tiddispra? Tindanna? Le! It-tbatija tiegħi u tiegħek magħquda ma’ dik ta’ Ġesu’ hija tbatija feddejja! Għalhekk agħtiha skop, agħtiha sens, agħtiha valur!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading