Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (33)
Il-Vandali niżlu min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa fl-429. Fl-430 assedjaw il belt ta’ Hippo fit-tarf ta’ Fuq tal-Afrika. Ħafna nies li sabu ruħhom maqbuda kienu refuġjati li kienu ħarbu wara s-sakkeġġ ta’ Ruma, biex isibu kenn fil-kontinent kwiet ‘l isfel mill-Ewropa.
San Wistin ta’ Hippo, issa f’nofs is-sebgħin ta’ ħajtu, ma riedx iħalli l-merħla tiegħu anke meta qorbu l-Vandali. Meta l-gvern waqa’ biċċiet, l-Isqof kien l-uniku wieħed li l-poplu seta’ jistrieħ fih. Wistin spjega hekk: “Min jaħrab mill-periklu meta dan ma jċaħħadx il-Knisja mis-servizz li teħtieġ, qed jagħmel dak li Alla kkmanda jew ippermetta. Imma ministru li jaħrab meta dan se jneħħi mill-merħla ta’ Kristu l-ikel li jsostni l-ħajja spiritwali tagħha, dak il-ministru hu mikri li jara l-lupu ġej u jaħrab għax m’għandux in-nagħaġ għal qalbu.”
Dawl fid-dlam
Il-monasteri kienu qed jiffjorixxu anke meta l-bqija tal-Punent kienet qed taqa’. Barbari Nsara ħallewhom hekk li żammew ħajja l-fjamma tat-tagħlim meta ħadd ma kellu l-ħin għal dan.
San Martin ta’ Tours kien wieħed minn dawk li żergħu il-monastiċiżmu fil-Punent. Kellu monasteru attiv fl-aħħar tas-snin 300, għalkemm kienet istituzzjoni ħafna iżgħar mill-monasteri ġgantin tal-Lvant li għamlu bliet ġodda fid-deżert.
Fatt partikulari fid-deskrizzjoni tal-komunità ta’ Martin mill-bijografu tiegħu Sulpicius Severus tgħid: “L-aktar sengħa li kienu jitħarrġu fiha kienet dik ta’ kopisti.” Mela l-ikkupjar ta’ kotba kienet diġà saret attività essenzjali tal-monaċi. Jidher li kienet prattikata fi żmien San Martin għaliex l-ikkupjar tal-kotba kien mod tajjeb għall-monaċi biex jitgħallmu minnhom. Il-kotba ma kinux rari; anke seklu wara, fl-aħħar tal-400, Sidonius Apollinaris kiteb dwar ħwienet mimlija kotba fi Franza. Sadattant, waqt li l-Imperu Ruman kien qed jixxotta, ir-reliġjon Nisranija kienet qed tikber.
Wara t-tmiem tal-imperu Ruman tal-Punent
Fl-476, l-Imperu Ruman fil-Punent waqa’. Li fadal kien immexxi minn ġenerali li kienu jagħżlu imperaturi tal-isem u mingħajr poter, u jneħħuhom meta ma jaqduhomx kif stennew. L-aħħar imperatur fil-Punent kien tifel, Romulus Augustulus, li tneħħa fl-476. Hekk it-titlu ta’ imperatur baqa’ biss dak tal-imperatur Ruman tal-Lvant.
Il-Knisja Nisranija, mal-waqgħa tal-Imperu, addattat ruħha. L-istat Ruman fil-Punent waqa’ politikament, imma l-istrutturi tal-Knisja, l-Isqfijiet, il-liturġija, id-duttrina u l-Papat f’Ruma komplew. F’ħafna naħat il-Knisja saret l-istituzzjoni ċentrali ta’ ġid soċjali u spiritwali. Il-Knisja baqgħet l-istess, imma nbidel l-isfond politiku tagħha. Fl-istorja tal-Knisja, il-waqgħa tal-Imperu fil-Punent kienet bidla fejn inħolqu forom ġodda tal-ħajja.
Hi storja ta’ kif il-Knisja, filwaqt li tibqa’ waħda u kattolika fil-fidi, ħadet responsabbiltajiet ġodda. Il-ħidma tal-Knisja fil-Punent kienet waħda urġenti. Wara l-invażjoni tal-barbari kellha r-rwol li teduka u tikkonverti l-popli ġodda tal-Ewropa. L-ordni ċivili Ruman sparixxa jew nixef b’mod drammatiku, filwaqt li l-komunitajiet Insara komplew, u saru l-awtorità organizzata prinċipali li żammet fuq riġlejha.
San John Henry Newman ħalla miktub li meta sfaxxa l-imperu Ruman, il-Knisja, qalb il-kriżi, ippreservat il-Kristjanità.
