It-Tlieta, 17 ta’ Novembru 2026: L-ewwel Assemblea Djoċesana tat-Tfal: “Flimkien aħna l‑Knisja.” Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna lit-tfal fl-ewwel Assemblea Djoċesana tat-Tfal. Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel nett nixtieq ngħidilkom grazzi talli ġejtu llejla. Kelli l-pjaċir niltaqa’ mal-ġenituri tagħkom fir-refettorju u kellimthom ukoll. Imbagħad għidtilhom: issa wasal il-ħin, għax irrid niltaqa’ ma’ wliedkom.
Nixtieq ngħidilkom ukoll kemm il-ġenituri tagħkom, u min jieħu ħsiebkom, iħobbukom. Meta titkellmu ma’ Ġesù, għidulu grazzi li sibtu min iħobbkom ħafna.
Kien hemm xi ħadd minnkom li semma l-ibbuljar. Intom tafu li min jagħmel il-bullying mhux qed iħobb, imma qed iġiegħel lil xi ħadd jsofri. Ħudu ħsieb li tkunu parti mill-familja ta’ Ġesù, li meta niltaqgħu ma’ xi ħadd ma nġegħluhx jsofri, imma ngħinuh jgħix tajjeb, ikun ferħan u fil-paċi.
Ħadt pjaċir ukoll meta smajt fir-rapporti tas-seba’ gruppi kemm tixtiequ li mhux biss fil-Knisja, fil-familja ta’ Ġesù, imma anke fis-soċjetà nieħdu ħsieb ta’ kulħadd, kull min hu u minn fejn ġej. Intom qegħdin tgħixu f’partijiet differenti ta’ Malta, tmorru skejjel differenti, u għandkom ħbieb li ġejjin minn diversi pajjiżi u jitkellmu wkoll lingwi oħra, mhux biss il-Malti u l-Ingliż. Meta niltaqgħu ma’ persuna hekk, inkunu qed insiru iżjed għonja, rich. Ħadt pjaċir, pereżempju, meta smajtkom titkellmu bl-Ispanjol. Kontu tafu li ż-żifna li tgħallimtu kienet bl-Ispanjol? Is-saqajn bl-Ispanjol huma “pies”. Intom bdejtu tgħidu: pies (saqajn), rodillas (irkopptejn), cabeza (ras), cintura (qadd). Tgħallimtu kliem ġdid b’lingwa ġdida, bl-Ispanjol.
Ħadt pjaċir, u bdejt ngħid: ara naqra, it-tfal Maltin qed ikantaw bl-Ispanjol, qed jitgħallmu lingwa oħra. Il-Papa għadu kemm raġa’ lura minn żjara sabiħa f’pajjiżi fejn jitkellmu bl-Ispanjol: l-Urugwaj, l-Arġentina u l-Perù. Hu għamel ħafna żmien hemmhekk. Apparti l-Ingliż, għax huwa Amerikan minn Chicago, tgħallem ukoll l-Ispanjol, għax għamel għoxrin sena missjunarju u mbagħad isqof. U din il-ħaġa għamlitu wkoll ragħaj tal-Knisja universali. Mela aħna niftħu qalbna għal xulxin.
Ħadt pjaċir ħafna li semmejtu l-Quddiesa tal-Ħadd, u kemm tixtiequ tieħdu sehem fiha. Għax intom qed tindunaw li l-Quddiesa tal-Ħadd mhix xi ħaġa boring, imma li meta niltaqgħu flimkien nkunu Knisja, u niltaqgħu ma’ Ġesù. Għax wara kollox, min jagħmilna flimkien? Il-fatt li Ġesù jħobbna. U aħna qed nippruvaw inħobbu lil Ġesù, mhux dejjem jirnexxilna, imma qed nippruvaw. Xi ħaġa żgur ċerta hi li Ġesù jħobbna ħafna ħafna. Dan hu li jagħmilna Insara: li ftaħna qalbna għall-imħabba ta’ Ġesù. Imma tgħidli: “Kultant ma nħobbx biżżejjed.” Ma jimpurtax, agħmel kuraġġ.
Ħadt pjaċir ukoll li qed titolbu li meta nitkellmu aħna, intom tifhmuna. Idea tajba din. U allura għinuna: meta ma tifhmux xi ħaġa, staqsu, “Imma dik xi tfisser? Għaliex?”
Xi ħaġa oħra li laqtitni hi li tixtiequ tkunu tafu iżjed stejjer u episodji mill-ħajja ta’ Ġesù. Semmejtu wkoll l-idea li jkun hemm statwi li jirrappreżentaw xi episodju mill-ħajja ta’ Ġesù, biex tkunu tistgħu tqarrbu iżjed lejh. Illum dan jista’ jsir faċilment permezz ta’ screen jew monitor. Ġesù għallem ħafna bil-kliem, imma għamel ukoll ħafna ġesti ta’ mħabba. L-imħabba tiegħu ma wrihiex bil-kliem biss, imma bil-fejqan u bl-għajnuna li ta lill-oħrajn. Uriha anke billi sofra ħafna, anke bis-silenzju, mingħajr rabja u mingħajr ma wieġeb bl-istess mod. B’hekk għallimna l-ikbar mħabba.
Se nieqaf b’parir. Meta jkollkom il-birthday, tieħdu gost meta xi ħadd jawguralkom? Il-birthday xi jfisser għalik? X’ġara fil-birthday tiegħek? Twelidt, hux veru? Il-mamà u l-papà ħabbew lil xulxin, u inti twelidt disa’ xhur wara. Allura fil-birthday tiegħek, tinsiex tgħid grazzi lil Ġesù, lil Alla, imma għid grazzi wkoll lill-mamà u lill-papà.
Ikun hemm min bħali li ma jistax jgħid grazzi lill-papà, għax miet. U jkun hemm minnkom li ma jistgħux jgħidu grazzi lill-mamà u lill-papà. Imma min jista’, ftakar din: fil-birthday tagħkom għidu grazzi lill-mamà u lill-papà li ħallewkom titwieldu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta