Il-Papa f’Santa Marta: L-iskandlu tal-inkarnazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, l-1 ta’ Ġunju 2013: L-‘iskandlu’ ta’ Alla li sar bniedem u miet fuq is-salib kien iċ-ċentru tal-omelija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu, is-Sibt l-1 ta’ Ġunju 2013, waqt il-quddiesa li hu kkonċelebra fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, flimkien ma’, fost oħrajn, il-Kardinal Kuban Jaime Lucas Ortega y Alamino, l-Arċisqof ta’ San Cristobal de la Habana.

It-tifkira tal-martri Ġustinu, li tiegħu kienet iċċelebrata it-tifkira liturġika, offriet lill-Papa l-okkażjoni biex jirrifletti dwar il-koerenza tal-ħajja u dwar in-nukleu fundamentali tal-fidi ta’ kull Nisrani: is-salib. Aħna nistgħu nagħmlu l-opri soċjali kollha li rridu, saħaq Franġisku, u ngħidu: ‘Imma x’ġid tagħmel il-Knisja, x’ġid isir bl-opri soċjali li twettaq il-Knisja!’, imma jekk aħna ngħidu li qed nagħmlu dan għaliex dawk in-nies huma l-ġisem ta’ Kristu, jiġi l-iskandlu.  Mingħajr l-inkarnazzjoni tal-Verb jintilef il-pedament tal-fidi tagħna, insista l-Papa: dik hija l-verità, dik hija r-rivelazzjoni ta’ Ġesù. Dik il-preżenza hija Ġesù inkarnat. Dak huwa l-punt. Jekk dan ninsewh, tkun dejjem iktar qawwija s-seduzzjoni għad-dixxipli ta’ Kristu li jwettqu ħwejjeġ tajba mingħajr l-iskandlu tal-Verb inkarnat, mingħajr l-iskandlu tas-salib.

Ġustinu kien xhud ta’ din il-verità, għaliex proprju għall-iskandlu tas-salib ġibed fuqu l-persekuzzjoni tad-dinja. Huwa ħabbar lil Alla li ġie fostna u li identifika ruħu fil-kreaturi tiegħu. It-tħabbir ta’ Kristu msallab u rxuxtat iħawwad lil dawk li kienu jisimgħuh, imma hu jkompli jixhed din il-verità mal-koerenza tal-ħajja. Il-Knisja, ikkummenta l-Papa, mhix organizzazzjoni ta’ kultura jew ta’ reliġjon, lanqas ma hi organizzazzjoni soċjali; mhijiex hekk. Il-Knisja hija l-familja ta’ Ġesù. Il-Knisja tistqarr li Ġesù huwa Bin Alla li libes il-qoxra tal-ġisem. Dan huwa l-iskandlu u minħabba f’dan ippersegwitaw lil Ġesù.

Il-Papa għamel riferenza għas-silta tal-Evanġelju ta’ San Mark (11, 27-33) moqrija waqt il-liturġija u b’mod partikolari għall-mistoqsija magħmula lil Ġesù mis-saċerdoti, mill-iskribi u mill-anzjani ta’ Ġerusalemm: ‘Bl-awtorità ta’ min qed tagħmel dan?’ Ġesù jwieġeb permezz ta’ mistoqsija oħra: ‘Il-magħmudija ta’ Ġwanni ġiet mis-sema jew mill-bnedmin?’, u hekk ma jissekondax il-kurżità falza tagħhom. Kien biss iktar tard, quddiem il-qassis il-kbir, li kien l-awtorità tal-poplu, li jirrivela dak li kienu staqsewh l-iskribi u l-anzjani. Qabel dak il-waqt dan ma jagħmlux, għaliex jifhem li l-oġġettiv veru tal-interlokuturi tiegħu kien dak li jonsbulu nassa. Jippruvaw b’diversi modi, kif fakkar il-Papa: ‘Imma għidli Mgħallem jekk tistà, hemm bżonn li nħallsu t-taxxi lil Ċesri?’ Inkella: ‘Għidli Mgħallem, din il-mara nqabdet fl-adulterju:  hemm bżonn li nimxu mal-liġi ta’ Mosè jew hemm xi triq oħra?’ Kull mistoqsija hija nasba biex iġibuh dahru mal-ħajt, biex iġegħluh jgħid xi ħaġa żbaljata u jsibu l-iskuża biex jikkundannawh.

Imma għaliex Ġesù kien jikkostitwixxi problema? Mhux għaliex huwa kien jagħmel il-mirakli, wieġeb il-Papa. U lanqas għaliex kien jipprietka u jitkellem dwar il-libertà tal-poplu. Il-problema li kienet tiskandalizza lil dawn in-nies, kompla l-Qdusija Tiegħu, kienet dik li x-xjaten kienu jgħajtu lil Ġesù: ‘Int l-Iben ta’ Alla, int il-Qaddis.’ Dan huwa ċ-ċentru. Dak ta’ Ġesù li jiskandalizza hija n-natura tiegħu ta’ Alla inkarnat. U bħal ma għalih huwa hekk, fil-ħajja lilna wkoll se jonsbulna n-nases.  Dak li jiskandalizza dwar il-Knisja huwa l-Misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb: dak ma jitneħħiex, dak id-demonju ma jneħħihx. Anke bħalissa nisimgħu ta’ spiss min jgħid: ‘Imma intom l-Insara, intom ftit iktar normali, bħall-persuni l-oħra, raġonevoli, m’intomx daqshekk riġidi.’ Wara din l-istedina, fir-realtà, hemm it-talba biex ma nħabbrux li ‘Alla sar bniedem’, għaliex ‘l-Inkarnazzjoni tal-Verb’ hija ‘l-iskandlu’.

Meta l-qassis il-kbir jistaqsih: ‘Huwa int il-Kristu, l-Iben ta’ Alla?’, Ġesù jwieġeb ‘iva’ u  minnufih jiġi kkundannat għall-mewt. Dan huwa ċ-ċentru tal-persekuzzjoni, saħaq il-Papa. Infatti, jekk aħna nsiru Nsara raġonevoli, Insara soċjali, ta’ benefiċenza biss, xi tkun il-konsegwenza? Li qatt ma jkollna martri. Għall-kuntrarju, meta nsostnu li Bin Alla ġie u sar bniedem, meta aħna nippritkaw l-iskandlu tas-salib, jiġu l-persekuzzjonijiet, jiġi s-salib.

Fl-għeluq il-Papa Franġisku ħeġġeg lill-fidili biex jitolbu lill-Mulej ħalli ma jistħux jgħixu ma’ dan l-iskandlu tas-salib. U stieden biex nitolbu mingħand Alla l-għerf, l-għaqal sabiex ma nħallux lilna nfusna ninqabdu fin-nases tal-ispirtu tad-dinja li dejjem jagħmel proposti edukati, proposti ċivilizzati, proposti tajbin. Wara tali talbiet, ammonixxa l-Papa, jiġi miċħud proprju l-fatt li l-Verb sar bniedem, fatt li jiskandalizza u jeqred l-opra tad-demonju.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Leave a Reply

%d bloggers like this: