Il-Papa f’Santa Marta: L-eternità mhix se tkun ta’ dwejjaq

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju 2013: Huma tant l-Insara li ma jafux il-ferħ. U wkoll meta jkunu fil-knisja biex ifaħħru lil Alla jkunu donnhom f’funeral iktar milli f’ċelebrazzjoni ferrieħa. Jekk minflok jitgħallmu joħorġu minnhom infushom u jiżżu ħajr lil Alla, jifhmu verament x’inhu l-ferħ li jirrendina ħielsa.

U proprju l-ferħ nisrani kien it-tema taċ-ċentru tal-omelija tal-Papa Franġisku, dalgħodu, il-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2013, festa tal-Viżitazzjoni, waqt il-quddiesa kkonċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, fost l-oħrajn, mal-Kardinal Jozef Tomko. Fost dawk preżenti, kien hemm grupp ta’ dipendenti tas-servizzi tekniċi tal-Governatorat.

Waqt li rrefera għaż-żewġ siltiet meħudin mill-ktieb tal-profeta Sofonija (3, 14-18) u mill-Evanġelju ta’ Luqa (1, 39-56), il-Papa fetaħ l-omelija tiegħu billi rrimarka li ż-żewġ qari tallum ikellmuna dwar il-ferħ, l-allegrija: ‘Ifirħu, werżqu bil-ferħ,’ jgħid Sofonija. ‘Werżqu bil-ferħ’ – din qawwija – ‘il-Mulej f’nofsok, la tibżax; la tħallix dirgħajk jitbaxxew!’ Il-Mulej huwa qawwi; jifraħ għalik. Ukoll ħu jifraħ għalina. Huwa wkoll huwa ferrieħi. ‘Jeżulta għalik b’għajjat ta’ ferħ.’ Isimgħu kemm affarijiet jingħadu dwar il-ferħ.

Fir-rakkont evanġeliku l-ferħ jikkaratterizza l-viżta ta’ Marija lil Eliżabetta. Il-Madonna tmur iżżur lil Eliżabetta, fakkar il-Qdusija Tiegħu. U waqt li ppreżenta l-immaġni ta’ Marija bħala omm li tmur bil-għaġġla – eżatt bħal ma kien għamel il-Ħadd ta’ qabel fil-parroċċa Rumana tal-qaddisin Eliżabetta u Żakkarija – il-Papa Franġisku waqaf fuq dik il-qabża li kienet għamlet it-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta, irrivelata minnha stess lil Marija: ‘Hekk hu, hekk kif waslet it-tislima tiegħek f’widnejja, it-tarbija qabżet bil-ferħ f’ġufi.’

Kollox huwa ferħ, tenna l-Papa, imma aħna l-Insara m’aħniex daqstant imdorrija nitkellmu dwar il-ferħ, dwar l-allegrija, kompla jinnota l-Isqof ta’ Ruma. Huwa qal li jaħseb li bosta drabi iktar nieħdu gost bil-krib! Imbagħad staqsa: X’inhu l-ferħ? Il-ferħ huwa ċ-ċavetta. Biex nifhmu, dan il-ferħ huwa dak li jgħid l-Evanġelju: ‘Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu.’  Dak li jagħti l-ferħ huwa l-Ispirtu s-Santu, kompla l-Papa, filwaqt li żied li wkoll fl-ewwel talba tal-quddiesa tlabna l-grazzja tal-ħlewwa lill-Ispirtu s-Santu, dak li jagħtina l-ferħ.

Il-Papa tkellem imbagħad dwar aspett ieħor tal-ferħ li jiġina mill-Ispirtu.  Huwa stedinna naħsbu f’dak il-waqt li fih il-Madonna u San Ġużepp jieħdu lil Ġesù fit-tempju biex iwettqu l-Liġi.  L-Evanġelju jgħid li huma marru biex jagħmlu dak li kien hemm miktub fil-Liġi. Hemm insibu wkoll żewġ anzjani, imma l-Evanġelju ma jgħidx li dawn kienu marru hemm biex iwettqu l-Liġi, imma pjuttost għaliex imbuttati mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu jġibhom fit-tempju tant li, quddiem Ġesù, it-tnejn jagħmlu talba ta’ tifħir: ‘Imma dan huwa l-Messija, imbierek il-Mulej!’ U wkoll iwettqu liturġija spontanja ta’ ferħ. Hija l-fedeltà maturata f’tant snin ta’ stennija tal-Ispirtu s-Santu sabiex iseħħ li dan l-Ispirtu jiġi u jagħtihom il-ferħ.

Hawn il-Papa Franġisku stqarr li huwa jieħu gost jaħseb li ż-żgħażagħ iwettqu l-Liġi u l-anzjani għandhom il-libertà li jħallu lill-Ispirtu jmexxihom. U dan huwa tassew sabiħ! Huwa proprju l-Ispirtu li jmexxihom. Huwa huwa l-awtur tal-ferħ, il-ħallieq tal-ferħ. U dan il-ferħ fl-Ispirtu jagħtina l-vera libertà nisranija. Mingħajr ferħ aħna l-Insara ma nistgħux insiru liberi; insiru skjavi  tad-dwejjaq tagħna.

Imbagħad il-Papa kkwota lill-kbir Pawlu VI, waqt li fakkar li kien jgħid li ma nistgħux immexxu l-Evanġelju ’l quddiem bi Nsara mdejqin, sfiduċjati, skoraġġiti.  Ma jistax ikun. Dan l-atteġġjament huwa ftit jew wisq funerarju. Mill-banda l-oħra l-ferħ nisrani jiġi proprju mit-tifħir lil Alla.

Imma x’inhu dan it-tifħir lil Alla?, staqsa l-Papa. Tfaħħru b’xejn, bħalma b’xejn hija l-grazzja li huwa jagħtina, kienet it-tweġiba tiegħu. Imbagħad, waqt li dar fuq wieħed minn dawk preżenti għaċ-ċelebrazzjoni, qal li huwa seta’ jagħmillu l-mistoqsija li kien hemm fil-quddiesa: ‘Int tfaħħar lil Alla, jew titlob biss lil Alla u tiżzi ħajr lil Alla? Imma tfaħħru lil Alla?’ Dan, tenna l-Qdusija Tiegħu, ifisser li noħorġu minna nfusna biex infaħħru lil Alla, li nitilfu l-ħin infaħħruh.

Hawnhekk il-Papa għamel riferenza għal kritika li spiss issir lis-saċerdoti: ‘Din il-quddiesa li tqaddsu hija  twila.’ Dażgur, spjega Franġisku, waqt li reġa’ dar lejn dawk preżenti.  Jekk wieħed ma jfaħħarx lil Alla u ma jafx il-gratwità tat-telf tal-ħin tfaħħar lil Alla, dażgur li hija twila l-quddiesa! Imma jekk imur għal dan l-atteġġjament tal-ferħ, tat-tifħir lil Alla, dan huwa sabiħ. Mill-bqija, l-eternità din se tkun: tfaħħar lil Alla. Imma dan ma jkunx ta’ dwejjaq, ikun tassew sabiħ. Dan il-ferħ jagħmilna ħielsa.

Bħala konklużjoni l-Papa qal li ried iżid ħaġa tal-aħħar, dik li hija proprju l-Madonna li ġgib il-ferħ. Il-Knisja ssejħilha ‘kawża tal-ferħ tagħna’, causa nostræ lætitiæ.  Għaliex?  Għaliex iġgibilna l-ikbar ferħ tagħna, iġġibilna lil Ġesù. U waqt li ġgib lil Ġesù, hija tagħmel, iva, li din it-tarbija taqbeż fil-ġuf ta’ ommha. Hija ġgib lil Ġesù. Bit-talb tagħha hija  tagħmel, iva, li jidħol fin-nofs l-Ispirtu s-Santu. Daħal fin-nofs f’dak il-jum tal-Pentekoste; hi kienet hemm. Hemm bżonn li nitolbu lill-Madonna sabiex, waqt li ġġib lil Ġesù, tagħtina l-grazzja tal-ferħ, tal-libertà; tagħtina l-grazzja li nfaħħru, li nagħmlu talba ta’ tifħir b’xejn, għaliex hu jistħoqqlu t-tifħir, dejjem.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: