Ix-Xirka tal-Qaddisin: is-Sagramenti, il-Kariżmi, u l-Imħabba

Print Friendly, PDF & Email

22. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 6 ta’ Novembru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nhar l-Erbgħa li għadda tkellimt dwar ix-xirka tal-qaddisin bħala komunjoni bejn il-persuni qaddisa, jiġifieri bejnietna li nemmnu. Il-lum nixtieq ninżel fil-fond ta’ l-aspett l-ieħor ta’ din ir-realtà – tiftakru li kien hemm żewġ aspetti: l-ewwel ix-xirka, l-għaqda bejnietna; u l-aspett l-ieħor kien ix-xirka mal-ħwejjeġ qaddisa, mal-ġid spiritwali. Iż-żewġ aspetti huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, u fil-fatt il-komunjoni bejn l-Insara tikber permezz tas-sehem tagħna fil-ġid spiritwali. B’mod partikulari nikkunsidraw: is-Sagramenti, il-kariżmi, u l-imħabba (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nri 949-953). Aħna nikbru fl-għaqda bejnietna, fil-komunjoni, bis-Sagramenti, bil-kariżmi li kull wieħed u waħda jirċievi mill-Ispirtu s-Santu, u bl-imħabba.

Qabel xejn ix-xirka tas-Sagramenti. Is-Sagramenti jesprimu u jwettqu komunjoni effettiva u profonda bejnietna, għax fihom niltaqgħu ma’ Kristu l-Feddej u, permezz tiegħU, ma’ ħutna fil-fidi. Is-Sagramenti m’humiex xi ħaġa li tidher biss minn barra, m’humiex riti, imma huma l-qawwa ta’ Kristu; hemm Ġesù Kristu preżenti fis-Sagramenti. Meta niċċelebraw l-Ewkaristija hu Ġesù ħaj li jiġborna, jagħmilna komunità, iwassalna biex inqimu lill-Missier. Fil-fatt, kull wieħed u waħda minna, permezz tal-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni u l-Ewkaristija, ġie magħqud ma’ Kristu u mal-komunità ta’ dawk li jemmnu. Għalhekk, jekk minn naħa hi l-Knisja li “tagħmel” is-Sagramenti, min-naħa l-oħra huma s-Sagramenti li “jagħmlu” l-Knisja, jibnuha, jagħtuha wlied ġodda u jseħbuhom fil-poplu qaddis ta’ Alla, fejn isaħħu l-appartenenza tagħhom.

Kull laqgħa ma’ Kristu, li fis-Sagramenti jagħtina s-salvazzjoni, tistedinna biex “immorru” u nwasslu lill-oħrajn dik is-salvazzjoni li stajna naraw, immissu, niltaqgħu magħha, nilqgħuha, u li tassew hi ta’ min jemminha għax hi mħabba. B’dan il-mod, is-Sagramenti jwassluna biex insiru missjunarji, u l-impenn appostoliku li nwasslu l-Vanġelu f’kull ambjent, anki f’dawk l-iżjed ostili, hu l-frott l-iżjed awtentiku ta’ ħajja sagramentali assidwa, għax hu sehem fl-inizjattiva salvifika ta’ Alla, li jrid iqassam is-salvazzjoni lil kulħadd. Il-grazzja tas-Sagramenti tkabbar fina fidi qawwija u hienja, fidi li taf tistagħġeb bl-“għeġubijiet” ta’ Alla u għandha l-ħila tieqaf lill-idoli ta’ din id-dinja. Għalhekk hu importanti li nersqu għat-Tqarbin, hu importanti li t-tfal jiġu mgħammda bla dewmien, li jingħataw il-Griżma, għax is-Sagramenti huma l-preżenza ta’ Ġesù Kristu fina, preżenza li tgħinna. Hu importanti li, meta nħossuna midinba, nersqu lejn is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Jaf jiġi xi ħadd u jgħidli: “Imma nibża’, għax il-qassis sa jagħmel għalija”. Le, m’hux sa jagħmel għalik il-qassis; int taf ma’ min ħa tiltaqa’ fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni? Sa tiltaqa’ ma’ Ġesù li sa jaħfirlek! Hu Ġesù li qed jistenniek fih; u dan hu Sagrament li jibni lill-Knisja kollha.

It-tieni aspett tax-xirka mal-ħwejjeġ qaddisa hu dak tax-xirka tal-kariżmi. L-Ispirtu s-Santu jqassam lill-fidili kotra ta’ doni u ta’ grazzji spiritwali; dan l-għana biex ngħidu hekk “kreattiv” tad-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu qiegħed hemm biex jibni lill-Knisja. Il-kariżmi – kelma xi ftit tqila – huma r-rigali li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, ħiliet, possibbiltajiet… Rigali li jingħataw mhux biex jinżammu moħbija, imma biex naqsmuhom ma’ l-oħrajn. Ma jingħatawx għall-qligħ ta’ min jirċevihom, imma għall-bżonn tal-poplu ta’ Alla. Jekk, imma, nużaw xi kariżma, xi rigal minn dawn, biex naffermaw lilna nfusna, għandi dubju kemm din tkun kariżma awtentika jew kemm wieħed ikun qed jgħixha b’fedeltà. Il-kariżmi huma grazzji partikulari, mogħtija lil xi wħud biex jagħmlu l-ġid lil tant oħrajn. Huma attitudnijiet, ispirazzjonijiet u tqanqil ġewwieni, li jiġu mill-kuxjenza u mill-esperjenza ta’ persuni magħżula, li jiġu msejħa biex iħaddmuhom għas-servizz tal-komunità. B’mod partikulari, dawn id-doni spiritwali jitħaddmu għall-vantaġġ tal-qdusija tal-Knisja u tal-missjoni tagħha. Ilkoll aħna msejħa nirrispettawhom kemm fina u kemm fl-oħrajn, nilqgħuhom bħala inċentivi utli għal preżenza u ħidma li tħalli l-frott fil-Knisja. San Pawl wissa: “Ixxekklux l-Ispirtu” (1 Tess 5:19). Ma nbarrux lill-Ispirtu li qed jagħtina dawn ir-rigali, dawn il-ħiliet, dawn il-virtujiet hekk sbieħ li jkabbru lill-Knisja.

X’qed tkun l-imġiba tagħna quddiem dawn id-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu? Qed nagħrfu li l-Ispirtu ta’ Alla hu liberu li jagħtihom lil min irid hu? Qed inqisuhom bħala għajnuna spiritwali, li permezz tagħha l-Mulej iwieżen il-fidi tagħna u jsaħħaħ il-missjoni tagħna fid-dinja?

U niġu għat-tielet aspett tax-xirka mal-ħwejjeġ qaddisa, jiġifieri x-xirka ta’ l-imħabba, l-għaqda ta’ bejnietna li ġġib il-karità, l-imħabba. Il-pagani, meta kienu jħarsu lejn l-ewwel Insara, kienu jgħidu: Kemm jinħabbu bejniethom! Ma jinbagħdux, ma jpaċpċux kontra xulxin. Din hi l-karità, l-imħabba ta’ Alla li l-Ispirtu s-Santu jqiegħed f’qalbna. Il-kariżmi huma importanti fil-ħajja tal-komunità Nisranija, imma jibqgħu dejjem mezzi biex nikbru fil-karità, fl-imħabba, li San Pawl iqegħidha ’l fuq mill-kariżmi (ara 1 Kor 13:1-13). Fil-fatt, mingħajr l-imħabba, anki l-iżjed doni straordinarji qegħdin hemm għalxejn; dan ir-raġel ifejjaq in-nies, għandu din il-kwalità, dik il-virtù l-oħra… imma f’qalbu għandu mħabba u karità? Jekk għandu, tajjeb, imma jekk m’għandux dawn, lill-Knisja m’hux qed jaqdiha. Mingħajr l-imħabba dawn id-doni u kariżmi kollha l-Knisja m’għandhiex bżonnhom, għax fejn m’hemmx l-imħabba hemm vojt li jimtela mill-egoiżmu. U jien nistaqsi: Jekk aħna kollha egoisti, nistgħu ngħixu fil-komunjoni u fil-paċi? Ma nistgħux, għalhekk hi meħtieġa l-imħabba li tgħaqqadna. Mqar l-iċken fost il-ġesti tagħna ta’ mħabba jħalli effetti tajbin fuq kulħadd! Għalhekk, li ngħixu l-għaqda fil-Knisja u x-xirka ta’ l-imħabba jfisser li ma nfittxux l-interess personali tagħna, imma naqsmu fit-tbatijiet u l-ferħ ta’ ħutna (ara 1 Kor 12:26), dejjem lesti li nerfgħu t-toqol ta’ dawk l-iżjed dgħajfa u foqra. Din is-solidarjetà bejn l-aħwa m’hix xi figura retorika tad-diskors, imma hi parti integrali mix-xirka bejn l-Insara. Jekk ngħixuha, aħna nsiru fid-dinja sinjal, “sagrament” ta’ l-imħabba ta’ Alla. Insiru hekk għal xulxin u nsiru hekk għal kulħadd! M’aħniex nitkellmu biss dwar dik l-imħabba komuni li nistgħu noffru wieħed lill-ieħor, hawn qed nitkellmu fuq xi ħaġa wisq iżjed profonda: hi xirka li tagħmilna kapaċi nidħlu fil-ferħ u fin-niket ta’ l-oħrajn biex bil-qalb kollha nagħmluhom tagħna wkoll.

U spiss aħna wisq xotti, indifferenti, distakkati, u minflok nittrasmettu l-fraternità, inxerrdu l-imrar, il-bruda, l-egoiżmu. U bl-imrar, il-bruda, l-egoiżmu ma nistgħux ngħinu l-Knisja tikber; il-Knisja tikber biss bl-imħabba li tiġi mill-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej jistedinna ninfetħu għall-komunjoni miegħU, fis-Sagramenti, fil-kariżmi u fl-imħabba, biex ngħixu b’mod denn il-vokazzjoni Nisranija tagħna!

U issa ħalluni nitlobkom att ta’ karità: serrħu raskom li m’hix ħa ssir xi ġabra! Qabel ġejt hawn fil-pjazza mort nara tifla ta’ sena u nofs li hi marida serjament. Missierha u ommha qed jitolbu lill-Mulej il-fejqan għal din it-tifla ħelwa. Jisimha Noemi. Tbissmitli, miskina! Ejjew nagħmlu att ta’ mħabba. Lilha ma nafuhiex, imma hi tifla mgħammda, hi waħda minna, hi Nisranija. Nagħmlu att ta’ mħabba lejha u fis-skiet nitolbu lill-Mulej jgħinha f’dan il-mument u jagħtiha s-saħħa. Noqogħdu fis-skiet għal ftit tal-ħin, u mbagħad nitolbu l-Ave Maria…

U issa lkoll flimkien nitolbu lill-Madonna għall-fejqan ta’ Noemi. Ave Maria… Grazzi għal dan l-att ta’ karità.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading