It-Tlieta, 12 ta’ Novembru 2013: F’idejn Alla: hemm tinsab is-sikurezza tagħna. Huma jdejn maħsusa mill-imħabba, li jiggwidawna fit-triq tal-ħajja u mhux f’dik tal-mewt, fejn għall-kuntrarju tmexxina l-għira. Dan kien is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, it-Tlieta 12 ta’ Novembru 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
L-ewwel qari, osserva l-Qdusija Tiegħu waqt li introduċa l-omelija, ifakkarna li Alla ħalaq il-bniedem għall-inkorruttibiltà (Għerf 2, 3, 9). Huwa għamilna u huwa Missierna. Għamilna sbieħ bħalu, isbaħ mill-anġli; ikbar mill-anġli. Imma minħabba l-għira tad-demonju, daħlet il-mewt fid-dinja.
L-għira: kelma, ġiegħel li jkun innotat il-Papa, ċara ħafna, li ġġegħilna nifhmu l-ġlieda bejn dan l-anġlu, id-demonju, u l-bniedem. Tal-ewwel, infatti, ma setax jissaporti li l-bniedem kien superjuri għalih; li proprju fir-raġel u fil-mara kien hemm ix-xbiha u l-immaġni ta’ Alla. Minħabba f’dan qanqal il-gwerra u qabad triq li twassal għall-mewt. Hekk daħlet il-mewt tad-dinja.
Fir-realtà, kompla l-Isqof ta’ Ruma, ilkoll kemm aħna nagħmlu l-esperjenza tal-mewt. Kif tispjega dan? Il-Mulej, huwa wieġeb, ma jabbanduna qatt l-opra tiegħu, kif jispjega t-test tal-Ktieb tal-Għerf: ‘L-erwieħ tal-ġusti, għall-kuntrarju, jinsabu f’idejn Alla.’ Ilkoll irridu ngħaddu mill-mewt. Imma hija ħaġa li tgħaddi din l-esperjenza permezz tal-appartenenza ta’ jdejn id-demonju u ħaġa oħra li tgħaddiha permezz tal-idejn ta’ Alla.
Il-Papa żied li lilu jogħġbu jisma’ dawn il-kliem: ninsabu f’idejn Alla. Imma mill-bidu l- Bibbja tispjega l-ħolqien billi tuża xbiha ħelwa: Alla li b’idejh jagħmel it-tajn mit-tafal, skont l-immaġni u x-xbiha tiegħu. Kienu l-idejn ta’ Alla li ħalquna: Alla l-artiġjan.
Mela Alla ma abbandunaniex. U proprju fil-Bibbja naqraw dak li huwa jgħid lill-poplu tiegħu: ‘Jien imxejt miegħek.’ Il-Papa enfasizza li Alla jġib ruħu bħal papà ma’ ibnu li jżommlu idu. Huma proprju idejn Alla li jakkumpanjawna f’mixjietna. Il-Missier jgħallimna nimxu biex inkunu nistgħu mmorru għal għonq it-triq tal-ħajja u tal-fidwa. U iktar: Huma idejn Alla li jżiegħlu bina fil-waqt tan-niket, li jsabbruna. Huwa Missierna li jżiegħel bina, li jridilna tant u tant ġid. U wkoll f’dan iż-żegħil tant drabi jkun hemm il-maħfra.
Ħaġa li lili tagħmilli tajjeb, reġa’ qal il-Papa, hija li naħseb: Ġesù Alla ġab miegħu l-pjagi tiegħu. Jurihom lill-Missier. Dan huwa l-prezz: l-idejn ta’ Alla huma jdejn maħsusa bl-imħabba. U dan tant jikkunslana. Bosta drabi smajna min jgħid: ‘Ma nafx f’min għandi nafda lili nnifsi, il-bibien kollha huma magħluqa: nafda f’idejn Alla!’ U dan huwa sabiħ għaliex hemm inkunu fis-sikur, mgħassa mill-idejn ta’ Missier li tant iridilna ġid.
Idejn Alla, kompla l-Qdusija Tiegħu, ifejquna wkoll mill-mard tagħna spiritwali. Naħsbu f’idejn Ġesù meta kien imiss lill-morda u jfejjaqhom. Dawn huma jdejn Alla. Ifejquna. Jien ma jirnexxilix nimmagina lil Alla li jtini daqqa ta’ ħarta. Ma nimmaġinahx: iċanfarna iva, għaliex dan jagħmlu; imma qatt ma jferina, qatt! Iżiegħel bina. Ukoll meta jmissu jċanfarna, dan jagħmlu b’żegħila, għaliex huwa Missier.
L-erwieħ tal-ġusti jinsabu f’idejn Alla, tenna l-Papa, waqt li kkonkluda: Naħsbu f’idejn Alla li ħalaqna bħal bniedem tas-sengħa. Tana s-saħħa eterna. Huma jdejn maħsusa. Jakkumpanjawna fit-triq tal-ħajja. Nafdaw ruħna fl-idejn ta’ Alla bħal tifel żgħir li jafda lilu nnifsu f’idejn missieru. Dawk huma jdejn sikuri.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb