Il-Papa f’Santa Marta: Ir-rwal tal-anzjani fil-Knisja u fis-soċjetà

It-Tlieta, 19 ta’ Novembru 2013: Il-Papa Franġisku reġa’ dar biex jeżalta r-rwol prezzjuż tal-anzjani fil-Knisja u fis-soċjetà. Huwa tkellem waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 19 ta’ Novembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

L-omelija tiegħu bdiet b’mistoqsija: X’se nħallu bħala wirt liż-żgħażagħ tagħna? Biex iwieġeb il-Papa reġa’ fakkar ir-rakkont kontenut fil-ktieb tal-Makkabej (6, 18-31) li fih hemm irrakkontat l-episodju tal-anzjan Eleazaro, wieħed mill-iskribi l-iktar rasu iebsa li, pjuttost milli jiekol laħam ipprojbit biex jogħġob lis-sultan, mar minn jeddu għall-martirju. Għalxejn, ma servewx il-pariri ta’ sħabu, li ħeġġewh biex jagħmilha għat-taparsi jiekol dak l-ikel biex isalva lilu nnifsu. Hu pprefera jmut fost it-tbatijiet milli jagħti eżempju ħażin lill-oħrajn, b’mod speċjali liż-żgħażagħ. Anzjan koerenti sal-aħħar, iddefendieh il-Qdusija Tiegħu, li fl-imġiba tiegħu eżemplari wieħed jista’ jagħraf ir-rwol tal-anzjani fil-Knisja u fid-dinja.

Huwa spjega li dan ir-raġel, quddiem l-għażla bejn l-apostasija u l-fedeltà, ma jiddubitax. Kellu tant ħbieb. Riedu jwassluh għal kompromess: ‘Ippretendi, hekk tkun tista’ tkompli tgħix…’. Huwa dak l-atteġġjament tal-għat-taparsi, tal-għat-taparsi tħenn, tal-għat-taparsi reliġjożità, li Ġesù jikkundanna b’kelma waħda tassew qawwija fil-kapitolu 23 ta’ San Mattew: l-ipokrisija. Minflok, dan il-bniedem tajjeb, ta’ disgħin sena, bravu u tant smat mill-poplu tiegħu, ma jaħsibx fih innifsu. Jaħseb biss f’Alla, biex ma joffendihx bid-dnub tal-ipokrisija u tal-apostasija. Jaħseb iżda wkoll dwar il-wirt li jrid iħalli. Mela jaħseb dwar iż-żgħażagħ. U fit-test tal-Iskrittura, għalkemm dan jitkellem dwar anzjan, il-kelma żgħażagħ, innota l-Papa Franġisku, tfiġġ sikwit. Eleazaro mela kien qed jaħseb x’kien se jħalli bħala wirt liż-żgħażagħ bl-għazla tiegħu. U kien qed jistaqsi: ‘Kompromess, jiġifieri nofs u nofs, ipokrisija jew il-verità, dik li dejjem fittixt li nsegwi tul ħajti kollha.’ Hemm hi l-koerenza ta’ dan ir-raġel, il-koerenza tal-fidi tiegħu, ikkummenta l-Isqof ta’ Ruma, imma wkoll ir-responsabbiltà li jħalli wirt nobbli, veru.

Aħna qegħdin ngħixu fi żmien li fih l-anzjani ma jgħoddux. Huwa ikrah li tgħid dan, tenna l-Qdusija Tiegħu, imma jiskartawhom għax jagħtu fastidju. B’danakollu l-anzjani huma dawk li jġorrulna l-istorja, id-duttrina, il-fidi, u jħalluhomlna bħala wirt. Huma bħall-inbid tajjeb maħżun għal snin, jiġifieri għandhom fihom il-qawwa biex jagħtuna dak il-wirt nobbli.

Għal dan il-għan il-Papa rrefera għax-xiehda ta’ anzjan kbir ieħor, Polikarpu. Ikkundannat għall-ħruq, meta n-nar beda jaħarqu, intebaħ bir-riħa ta’ ħobż għadu kemm inħabeż madwaru. Dawn huma l-anzjani: wirt, inbid tajjeb u ħobż tajjeb, kompla Franġisku. Għall-kuntrarju, fuq kollox f’din id-dinja, naħsbu li jagħtu fastidju.

Hawn il-Papa reġa’ lura bit-tifkira lejn tfulitu. Huwa qal li jiftakar li meta kienu tfal kienu jgħidulhom din l-istorja. Kien hemm familja: missier, omm u tant ulied. U kien hemm ukoll nannu li kien jgħix magħhom. Imma kien xiħ akka u fuq il-mejda, meta kien jiekol is-soppa, kien jagħmel mandra sħiħa: ħalqu, is-sarvetta….. ma tantx kien jaqta’ figura tajba! Jum fost l-oħrajn il-missier qal li, minħabba dak li kien qed jiġri lin-nannu, mill-għada kien se jkollu jiekol waħdu. U xtara mejda ċkejkna, poġġiha fil-kċina; hekk in-nannu beda jiekol waħdu fil-kċina u l-familja fil-kamra tal-pranzu. Wara xi jiem il-missier reġa’ lura d-dar u sab lil wieħed minn uliedu jilgħab bl-injam. Staqsieh: ‘X’int tagħmel?’ ‘Qed nilgħab ta’ mastrudaxxa,’ wieġbu t-tifel. ‘U x’se tagħmel?’ ‘Daqsxejn ta’ mejda għalik papà, għal meta tixjieħ bħan-nannu.’ Din l-istorja tant għamlitli ġid ħajti kollha. In-nanniet huma teżor.

Waqt li reġa’ lura għat-tagħlim tal-Iskrittura rigward l-anzjani, il-Papa Franġisku għamel riferiment għall-ittra lil-Lhud (13, 7) li fiha naqraw: ‘Ftakru fil-mexxejja tagħkom, li ħabbrulkom il-kelma ta’ Alla. Waqt li tikkunsidraw attentament l-eżitu tal-mod ta’ ħajja tagħhom, imitaw il-fidi.’ Huwa minnu, kultant ix-xjuħija hija aktarx kerha minħabba l-mard li ġġib magħha. Imma l-għerf li għandhom in-nanniet tagħna huwa l-wirt li aħna jmissna nirċievu. Poplu li ma jiħux ħsieb in-nanniet, li ma jirrispettax lin-nanniet, m’għandux futur għaliex tilef it-tifkira. Eleazaro, quddiem il-martirju, jagħraf sewwa r-responsabbiltà li għandu fil-konfront taż-żgħażagħ. Jaħseb f’Alla imma jaħseb ukoll fiż-żgħażagħ: ‘Jien liż-żgħażagħ irrid intihom l-eżempju ta’ koerenza sal-aħħar.’

Iġegħilna naħsbu sewwa f’tant anzjani rġiel u nisa, f’tant li jinsabu fid-djar tal-mistrieħ u wkoll f’tant li – il-kelma hija kerha imma ngħiduha – jinsabu abbandunati mill-għeżież tagħhom. Imbagħad il-Qdusija Tiegħu żied, waqt li ftakar li huma huma t-teżor tas-soċjetà tagħna: Nitolbu għalihom sabiex ikunu koerenti sal-aħħar. Dan huwa r-rwol tal-anzjani, dan huwa t-teżor. Nitolbu għan-nanniet irġiel tagħna u għan-nanniet nisa tagħna li tant drabi kellhom rwol erojku fit-trasmissjoni tal-fidi fi żminijiet ta’ persekuzzjoni. Speċjalment fiż-żminijiet mgħoddija, meta l-missirijiet u l-ommijiet spiss ma kinux id-dar jew kellhom ideat strambi, imħawda mill-ideoloġiji in voga f’dawk iż-żminijiet, kienu proprju n-nanniet nisa dawk li ttrasmettew il-fidi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb