It-Tlieta, 10 ta’ Diċembru 2013: In-Nisrani li jitlef it-tama jitlef is-sens innifsu tal-eżistenza tiegħu u jkun jgħix donnu quddiem ħajt. Li tiftaħ il-bibien għal-laqgħa mal-Mulej ifisser li tirċievi mingħandu dik il-konsolazzjoni li terġa’ ttina lura l-ħlewwa, it-tama. L-omelija tal-Papa Franġisku għall-quddiesa ċcelebrata t-Tlieta 10 ta’ Diċembru 2013, filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kienet iddedikata proprju għal din il-konsolazzjoni fil-ħlewwa li biha l-Mulej jerġa’ joħloq it-tama fin-Nisrani.
Waqt li kkwota l-ktieb tal-Profeta Iżaija (40, 1-11), iddefinit bħala ‘l-ktieb tal-konsolazzjoni ta’ Iżrael’, il-Papa, infatti, saħaq fuq il-konsolazzjoni li Alla jinvoka għall-poplu tiegħu. Huwa l-Mulej stess li javviċina biex jikkonslah, biex itih il-paċi. U hekk iwettaq xogħol kbir, għaliex huwa jerġa’ jagħmel l-affarijiet kollha, jerġa’ joħloq. Din ir-rikreazzjoni, kompla Franġisku, hija ferm isbaħ mill-ħolqien. Mela l-Mulej iżur lill-poplu tiegħu billi jerġa’ joħloq.
Fir-realtà l-poplu ta’ Alla kien jistenna din iż-żjara, kien jaf li l-Mulej kien se jwettaqha. Niftakru, enfasizza l-Qdusija Tiegħu, l-aħħar kliem ta’ Ġużeppi lil ħutu: ‘Meta l-Mulej iżurkom, ġorru magħkom għadmi.’ Hekk, żied il-Papa, il-Mulej se jżur lill-poplu tiegħu. Din hija t-tama ta’ Iżrael. U se jżuru b’din il-konsolazzjoni: jerġa’ jagħmel kollox. Mhux darba waħda, imma tant drabi.
Dwar dan ‘l-għemil mill-ġdid’ tal-Mulej, l-Isqof ta’ Ruma indika diversi linji importanti. Fuq kollox, meta l-Mulej joqrob, jagħtina t-tama. Mela, speċifika l-Papa, jerġa’ jagħmel bit-tama. Jiftaħ dejjem il-bieb. Meta l-Mulej joqrob lejna, ma jagħlaqx il-bibien imma jiftaħhom; u meta mbagħad jiġi, jiġi bil-bibien miftuħin.
Fil-ħajja nisranija din it-tama hija tassew fortizza, hija grazzja, hija rigal. Infatti, meta n-Nisrani jitlef it-tama, ħajtu ma jkollhiex iktar sens. Ikun bħal donnu ħajtu tkun quddiem ħajt, quddiem ix-xejn. Imma l-Mulej jikkonslana u jerġa’ jagħmlilna t-tama, biex inkomplu navvanzaw. Jagħmlu wkoll b’viċinanza speċjali lejn kull wieħed u waħda minna. Biex jispjega dan il-Papa kkwota l-versett konklużiv tas-silta ta’ Iżaija proposta mil-liturġija: ‘Bħal ma ragħaj jirgħa l-merħla tiegħu u bi driegħu jiġborha; iġorr il-ħrief fi ħdanu u jmexxi bil-ħlewwa n-nagħaġ ommijiet.’ U kkummenta: din hija x-xbiha tal-ħlewwa. Il-Mulej jikkunslana bil-ħlewwa. Il-Mulej, il-kbir Alla, ma jibżax mill-ħlewwa. Huwa jsir ħlewwa, isir tfajjel, isir ċkejken. Mill-bqija, fl-Evanġelju Ġesù stess jgħidu: ‘Hekk hija l-volontà tal-Missier, li anqas wieħed minn dawn iż-żgħar ma jintilef’ (Mattew 18, 12-14). Għaliex, spjega l-Papa, kull wieħed minna huwa ferm importanti għall-Mulej, li jġibna navvanzaw kollha billi jtina t-tama.
Dan kien ix-xogħol kbir ta’ Ġesù tul l-erbgħin jum li jiġu bejn il-Qawmien u Tlugħ is-Sema: jikkonsla lid-dixxipli, joqrob u jagħti l-konsolazzjoni, joqrob u jagħti t-tama, joqrob bil-ħlewwa. Naħsbu, qal il-Papa, dwar il-ħlewwa li kellu mal-Appostli, mal-Maddalena, ma’ dawk ta’ Għemmaws. U huwa dejjem hekk. Ukoll magħna. Imbagħad kompla jenfasizza, filwaqt li kkonkluda, li hemm bżonn li nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nibżgħux mill-konsolazzjoni tal-Mulej, li nkunu miftuħin, li nitolbuha, li nfittxuha, għaliex hija konsolazzjoni li ttina t-tama u li ġġegħilna nħossu l-ħlewwa ta’ Alla l-Missier.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb