It-Tlieta, 7 ta’ Jannar 2014: Qalb in-Nisrani taf tishar biex tagħraf tagħżel bejn dak li jkun ġej minn Alla u dak li jkun ġej mill-profeti foloz. Dan affermah il-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta, l-ewwel waħda wara l-festi tal-Milied. Il-Papa tenna mill-ġdid li t-triq ta’ Ġesù hi dik tal-qadi u l-umiltà, triq li l-Insara kollha huma msejħin biex jimxu fiha. ‘Ibqgħu fil-Mulej.’ Il-Papa Franġisku żvolġa l-omelija billi telaq minn din l-eżortazzjoni ta’ San Ġwann Appostlu li nsibu fl-ewwel qari.
Hu parir għall-ħajja, osserva l-Papa, li Ġwanni jirrepeti b’mod kważi ossessiv. L-Appostlu juri wieħed mill-atteġġjamenti tan-Nisrani li jrid jibqa’ fil-Mulej: ikun jaf dak li qed jiġri f’qalbu. Għalhekk Ġwanni jwissi biex ma jingħatax widen għal kull spirtu, imma biex wieħed jisfida lill-ispirti. Hu meħtieġ, żied il-Papa, li wieħed jagħraf jiddixxerni l-ispirti, jiddixxerni fuq dak li jżommna mal-Mulej jew ibegħidna minnu.
Qalbna, kompla jgħid Franġisku, dejjem imxennqa, mimlija ħsibijiet. Imma dawn ix-xewqat u ħsibijiet, staqsa l-Papa, huma tal-Mulej jew xi wħud minnhom ibegħduna minnu? Hekk hu, li l-Appostlu Ġwanni jħeġġiġna biex neżaminaw dak li naħsbu u nixtiequ. Jekk dan jeħodna lejn il-Mulej, allura huwa tajjeb; jekk le… Sfidaw lill-ispirti biex tagħrfu jekk ikunux ġejjin minn Alla għax ħafna profeti foloz ġejjin mid-dinja.
Profeti jew profeziji jew proposti: għandi aptit nagħmel hekk. Imma dan ma jressqekx lejn il-Mulej, ibiegħdek minnu. Għalhekk il-ħtieġa li nishru. In-Nisrani hu bniedem jaf jgħasses lil qalbu. U ħafna drabi, qalbna, b’tant affarijiet ġejjin u sejrin, issir qisha s-suq tal-monti fejn issib minn kollox. Le! Jeħtiġilna nagħżlu – dan hu tal-Mulej u dan mhuwiex – biex nibqgħu fil-Mulej.
Allura liema hu l-kriterju biex nifhmu jekk ħaġa tkunx ġejja minn Kristu jew mill-antikrist? San Ġwann, afferma l-Papa, għandu idea ċara u sempliċi. Kull spirtu li jagħraf lil Ġesù Kristu, li sar tal-laħam bħalna, ikun ġej minn Alla. Kull spirtu li ma jagħrafx lil Ġesù mhux ta’ Alla: huwa l-ispirtu tal-antikrist. Jiġifieri, osserva Franġisku, l-għarfien tat-triq tal-Mulej, l-għarfien li Hu, illi hu Alla, niżel, umilja ruħu sal-mewt fuq is-Salib.
Dik hi t-triq ta’ Ġesù Kristu, li wieħed jiċċekken: l-umiltà u anke l-umiljazzjoni. Jekk ħsieb, xewqa, imexxuk lejn it-triq tal-umiltà, li tiċċekken, li tkun ta’ servizz għall-oħrajn, dak ikun ta’ Ġesù. Imma jekk iwassluk biex tikkuntenta bik innifsek, għall-vanità, għall-kburija, fit-triq tal-ħsieb astratt, dawk ma jkunux ta’ Ġesù.
Naħsbu ftit fit-tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert: it-tliet proposti li d-demonju għamel lil Ġesù kienu proposti li riedu jbegħduh minn din it-triq, it-triq tal-qadi, tal-umiltà, tal-umiljazzjoni, tal-karità. Għat-tliet tentazzjonijiet Ġesù jwieġeb le: ‘Le, din mhix it-triq tiegħi.’
Il-Papa stieden lil kulħadd biex jaħseb x’jiġri fi qlubna: x’naħsbu, xi nħossu, x’irridu: neżaminaw l-ispirti. Jien niċċekkja dak li naħseb, dak li rrid, dak li nixtieq – staqsa l-Papa – jew naħtaf kollox?
Bosta drabi qalbna tkun qisha triq li minnha jgħaddi kulħadd. Imma jien nisfida lill-ispirti u nagħżel dejjem dawk il-ħwejjeġ li jkunu ġejjin minn Alla? Naf liema huma dawk il-ħwejjeġ li ġejjin minn Alla? Nifhem il-kriterju veru li jgħini niddixxerni ħsibijieti, xewqati? Naħsbu dwar dan u ma ninsewx li l-kriterju hu l-Inkarnazzjoni tal-Verb. Il-Verb ħa l-ġisem: dan hu Ġesù Kristu! Kristu, li sar bniedem, iċċekken, umilja ruħu għall-imħabba, biex iservi lilna lkoll.
Jalla l-Appostlu Ġwanni jaqlgħalna l-grazzja li nagħrfu dak li jkun qed jiġri f’qalbna u jkollna l-għerf li niddixxernu dak li jkun ġej minn Alla minn dak li ma jkunx ġej minn Alla, temm il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta