Il-Papa f’Santa Marta: L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelożija, l-għira u t-tqassis

Il-Ħamis, 23 ta’ Jannar 2014: L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelożija, l-għira u t-tqassis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-komunitajiet tagħna. Din kienet l-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, illum, is-sitt jum tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.

Ir-riflessjoni l-Papa ħadha mill-ewwel qari tal-ġurnata li jirrakkonta r-rebħa li l-Iżraeliti wettqu fuq il-Filistej bis-saħħa tal-kuraġġ ta’ David.

Il-ferħ tar-rebħa malajr jinbidel fi dwejjaq u għira għar-re Sawl meta ra lin-nisa jfaħħru lil David li kien qatel lil Gulija.  Allura, dik ir-rebħa kbira, afferma l-Papa, tibda ssir telfa fil-qalb tar-re għax fih jidħol, l-istess kif kien ġara lil Kajjin, id-dudu tal-ġelożija u l-għira.

Kif għamel Kajjin ma’ Abel, ir-re jaqtagħha li joqtol lil David.  Hekk tagħmel il-ġelożija fi qlubna, osserva l-Papa, tnissel sentimenti ħżiena li ma jittollerawx li ħija jew lil oħti jkollhom xi ħaġa li jien m’għandix.  Minflok faħħar lill-Mulej, kif kienu qed jagħmlu n-nisa ta’ Iżrael minħabba din ir-rebħa, Sawl jagħżel li jingħalaq fih innifsu, li jmaħħaħ id-dispjaċir u jsajjar is-sentimenti tiegħu fil-borma tal-qrusa.

Il-ġelożija twassal għall-mewt.  L-għira twassal lil dak li jkun biex joqtol. Kien proprju dal-bieb, il-bieb tal-għira, li minnu daħal ix-xitan fid-dinja.  Il-Bibbja tgħid:  ‘Minħabba l-għira tax-xitan daħal il-ħażen fid-dinja.’  Il-ġelożija, l-għira jiftħu l-bibien għal dak kollu li hu ħażin.  U jifirdu wkoll il-komunitajiet.  Komunità nisranija li wħud mill-membri tagħha jkunu għajjurin, ġelużi, tispiċċa biex tinfired u wieħed idur kontra l-ieħor.  Dan hu velenu qawwi:  velenu li nsibu fl-ewwel paġni tal-Bibbja f’Kajjin.

Fil-qalb ta’ persuna li tkun għajjura u ġeluża, saħaq mill-ġdid il-Papa, jiġru żewġ affarijiet ċari: L-ewwel ħaġa hi l-qrusa.  Il-persuna invidjuża, il-persuna li tgħir, hi persuna li qalbha mimlija qrusa: ma tafx tkanta, ma tafx tfaħħar, ma tafx x’inhu l-ferħ, tħares dejjem lejn dak li għandu ħaddieħor u li hi m’għandhiex.  U dan iżid il-qrusa, qrusa li tinfirex mal-komunità kollha.   Dawn in-nies jiżirgħu l-qrusa.  Għax dan ma jittollerax li dak għandu xi ħaġa, allura jċekken lill-ieħor ħalli jħossu aħjar minnu.  L-istrument biex isir dan huwa t-tqassis.  Fittxu dejjem u ssibu li wara kull tqassis hemm il-ġelożija, l-għira.  U t-tqassis jifred il-komunità, jeqridha.  Dawn huma l-armi tax-xitan.

Kemm komunitajiet insara sbieħ, esklama l-Papa, kienu mixjin tajjeb imma mbagħad wieħed mill-membri tagħhom jidħol fih id-dudu tal-għira, u mal-għira d-dwejjaq, l-għadab fil-qalb u t-tqassis!  Persuna li tkun taħt is-setgħa tal-għira u l-ġelożija, hija persuna li toqtol.  Kif jgħid l-Appostlu Ġwanni: ‘Min jobgħod lil ħuh hu qattiel.’ 

L-għajjur, il-ġeluż jibda jobgħod lil ħuh, kompla l-Papa, li temm l-omelija billi qal: Waqt din il-quddiesa nitolbu għall-komunitajiet insara tagħna biex din iż-żerriegħa tal-għira qatt ma tinbet bejnietna, biex l-invidja ma tgħammarx fi qlubna, fil-qlub tal-komunitajiet tagħna, biex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu nfaħħru lill-Mulej, infaħħru lill-Mulej bil-ferħ.  Din hi grazzja kbira, il-grazzja li ma naqgħux fid-dwejjaq u fl-għadab, fil-ġelożija u fl-għira.
 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta