Il-Papa f’Santa Marta: In-Nisrani dejjem ifittex it-triq tar-rikonċiljazzjoni u s-smigħ

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Jannar 2014: Mhux faċli tibni d-djalogu mal-oħrajn speċjalment jekk ikunu mifrudin minnhom minħabba l-mibegħda. Imma n-Nisrani dejjem ifittex it-triq tar-rikonċiljazzjoni u s-smigħ bl-umiltà u l-ħlewwa għax hekk għallimna Ġesù. Dan hu fil-qosor il-ħsieb tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Nitkisser imma ma nċedix, tgħid l-idjoma popolari.  Nitkisser basta ma nfarrakx, jgħid l-għerf Nisrani.  Zewġ modi kif wieħed jifhem il-ħajja: l-ewwel wieħed bl-ebusija, li b’faċilità kbira jibni l-ħitan li ma jħallux lill-bniedem jikkomunika sa ma jidħol anke l-odju.  It-tieni jipprova jibni pontijiet ta’ ftehim anke wara kwistjoni jew ġlieda. Imma, widdeb il-Papa Franġisku, dan irid isir bil-patt li wieħed ifittex u jipprattika l-umiltà.

L-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta kienet torbot ma’ dik tal-bieraħ.  Fiċ-ċentru tal-qari tal-liturġija u tar-riflessjoni tal-Papa, reġa’ kien hemm it-taqbida bejn ir-re Sawl u David.  Dan tal-aħħar tiġih l-okkażjoni li joqtol lil tal-ewwel, osserva l-Qdusija Tiegħu, imma jagħżel triq oħra: it-triq li tqarrbu, li jiċċara s-sitwazzjoni, li jispjega ruħu; it-triq tad-djalogu biex inissel il-paċi.

Id-djalogu jeħtieġ il-ħlewwa mhux l-għajjat.  Hu meħtieġ ukoll li naħseb li l-persuna l-oħra għandha xi ħaġa aktar minni.  U David ħaseb hekk: hu l-midluk tal-Mulej, hu aktar importanti minni.  L-umiltà, il-ħlewwa… għad-djalogu jeħtieġ li nagħmlu dak li tlabna llum fit-talb tal-bidu tal-quddiesa: insir kollox għal kulħadd.

Umiltà, ħlewwa, insir kollox għal kulħadd ukoll.  U għalkemm dan mhux miktub fil-Bibbja, ilkoll nafu li biex nagħmlu dan ikun meħtieġ li nibilgħu l-morr.  Imma dan għandna nagħmlu għax b’hekk titnissel il-paċi: bl-umiltà, bl-umiljazzjoni, billi nfittxu li fl-ieħor dejjem naraw ix-xbieha t’Alla.

Il-Papa stess qal li jaf kemm hu diffiċli li tiddjaloga.  Imma agħar milli wieħed jipprova jibni pont bejnu u bejn l-avversarju tiegħu, hu li jħalli l-affarijiet jikbru u l-qalb timtela bl-għadab lejh.  B’dal-mod, żied jafferma, nisfaw iżolati fil-brodu tal-qrusa li ġġibilna l-korla.  Il-mudell tan-Nisrani hu David li jegħleb il-mibegħda b’att ta’ umiltà.

Umiljazzjoni u bini tal-pontijiet, dejjem, dejjem.  Dan hu n-Nisrani.  Mhux faċli, mhu faċli xejn.  Ġesù hekk għamel, umilja ruħu sal-aħħar biex jurina t-triq.  U hemm bżonn ukoll li wieħed ma jħallix ħafna żmien jgħaddi meta tinqala’ problema.  Mill-aktar fis, fil-mument li jkun jista’ jsir wara li tgħaddi t-tempesta, nersqu lejn id-djalogu għax iż-żmien jgħolli l-ħitan bħalma jkabbar il-ħaxix ħażin li ma jħallix il-qamħ jikber.  Għax meta jogħlew il-ħitan, ir-rikonċiljazzjoni ssir diffiċli ħafna, tant diffiċli!

Mhux problema li xi kultant nitfgħu l-platti lil xuxlin, tenna l-Papa Franġisku, fil-familja, fil-komunità, fil-kwartier fejn noqogħdu.  L-importanti hu li nfittxu li nagħmlu paċi malajr kemm jista’ jkun, b’kelma, b’ġest.  Pont minflok ħajt, bħal dak li għal tant snin kien jifred lil Berlin. Għax anke qlubna, żied il-Papa, għandhom il-possibiltà li jsiru Berlin, bil-ħajt bejnna u bejn l-oħrajn.

Jien nibża’ minn dal-ħitan li jinbtu ta’ kuljum u jnisslu r-rabja… u anke l-odju.  Naħsbu f’daż-żagħżugħ David: seta’ vvendika ruħu perfettament, seta’ keċċa lir-re, imma hu għażel it-triq tad-djalogu, bl-umiltà, bil-ħlewwa.

Illum nistgħu nitolbu lil San Franġisk de Sales, duttur tal-ħlewwa, biex itina lkoll il-grazzja li nibnu l-pontijiet bejnna u bejn l-oħrajn u mhux ħitan, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta