It-Tnejn, 27 ta’ Jannar 2014: Il-Knisja ma nistgħux inqisuha bħal sempliċi organizzazzjoni umana: id-differenza tinsab fid-dilka li tagħti lill-isqfijiet u lis-saċerdoti l-qawwa tal-Ispirtu biex iservu lill-poplu t’Alla. Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Papa radd ħajr lin-numru kbir ta’ saċerdoti qaddisin li, fis-satra, jissagrifikaw ħajjithom bis-servizz li jagħtu ta’ kuljum.
F’kumment dwar l-ewwel qari li fih naraw lit-tribujiet ta’ Iżrael jidilku lil David bħala s-sultan tagħhom, il-Papa spjega t-tifsir spiritwali tad-dilka. Mingħajr din id-dilka, afferma Franġisku, David kien ikun qisu kap ta’ azjenda jew tar-renju ta’ Iżrael, qisu li dan kien xi għaqda politika. David kien ikun sempliċiment ‘organizzatur politiku’.
Iżda wara d-dilka, l-Ispirtu tal-Mulej jinżel f’David u jibqa’ miegħu. L-Iskrittura tgħid: ‘David baqa’ dejjem jikber fil-qawwa u l-Mulej Alla tal-eżerċti kien miegħu.’ Din hi d-differenza li tagħmel id-dilka, osserva l-Qdusija Tiegħu. Il-midluk hu bniedem magħżul mill-Mulej. L-istess jiġri fil-Knisja lill-isqfijiet u lis-saċerdoti.
L-isqfijiet ma jkunux magħżulin biss biex imexxu xi organizzazzjoni bħal, ngħidu aħna, il-knisja partikolari, imma huma midlukin, għandhom id-dilka tal-Ispirtu tal-Mulej li qiegħda magħhom. Imma l-isqfijiet kollha, aħna lkoll, midinbin, ilkoll! Imma aħna midlukin. Ilkoll irridu nkunu qaddisin ġurnata aktar minn oħra u nkunu fidili għal din id-dilka. U hu dak li jagħmel il-Knisja, dak li jagħtiha l-għaqda, hu l-isqof li jagħmel dan f’isem Ġesù Kristu, għax hu midluk u mhux għax xi maġġoranza vvutatlu. Għax hu midluk. F’din id-dilka, il-knisja partikolari ssib il-qawwa tagħha. U mal-isqof jipparteċipaw ukoll is-saċerdoti li huma midlukin ukoll.
Id-dilka, kompla l-Papa, tqarreb lill-isqfijiet u lis-saċerdoti lejn il-Mulej u ttihom il-ferħ u l-qawwa li jmexxu lill-poplu ‘l quddiem, li jgħinuh, li jgħixu għas-servizz tal-poplu. Tagħti l-ferħ li wieħed iħossu magħżul mill-Mulej, b’dik l-imħabba li biha Hu jħares lejna lkoll. B’hekk, meta naħsbu dwar l-isqfijiet u s-saċerdoti, irridu naħsbu fihom bħala bnedmin li għandhom id-dilka.
Għall-kuntrarju l-Knisja ma tistax tinftiehem… mhux biss ma tinftiehemx imma lanqas wieħed jista’ jispjega kif il-Knisja tista’ timxi ‘l quddiem bil-ħiliet umani waħedhom. Din id-djoċesi timxi ‘l quddiem għax għandha poplu qaddis, u tant affarijiet oħra, imma wkoll għax bniedem li għandu d-dilka jmexxiha u jgħinha tikber.
Din il-parroċċa timxi għax għandha tant organizzazzjonijiet, tant affarijiet, imma għax għandha wkoll saċerdot midluk li jmexxiha. U aħna, mill-istorja nafu biss biċċa żgħira. Għax kemm isqfijiet qaddisin, kemm saċerdoti, kemm patrijiet qaddisin ħallew ħajjithom minħabba s-servizz lejn id-djoċesi, lejn il-parroċċa! Kemm nies irċevew il-qawwa tal-fidi, il-qawwa tal-imħabba, it-tama mingħand dawn il-kappillani anonimi li aħna lanqas nafuhom! Hemm tant u tant minnhom! Huma bosta, qal il-Papa Franġisku, il-kappillani tal-knejjes tal-kampanja u tal-ibliet, li bid-dilka tagħhom saħħew il-poplu tagħhom, tawh id-duttrina, is-sagramenti, jiġifieri l-qdusija.
Imma padre, jien qrajt fil-gazzetta li isqof, saċerdot, għamel din jew dik il-ħaġa! Iva, anke jien qrajtu dan, imma għiduli: fil-ġurnali jaslu l-aħbarijiet dwar dak li jagħmlu tant saċerdoti, tant patrijiet fil-parroċċi tal-kampanja u tal-ibliet, kemm jagħmlu karità u xogħol biex imexxu ‘l quddiem lill-poplu fdat f’idejhom? Le, hux? Dak ma jasalx fl-aħbarijiet, qal il-Papa. Id-dinja dejjem l-istess: aktar tagħmel ħoss siġra li taqa’ minn foresta sħiħa li qed tikber.
Illum, aħna u naħsbu dwar id-dilka ta’ David, jagħmlilna tajjeb niftakru fl-isqfijiet tagħna u fis-saċerdoti kuraġġużi tagħna, qaddisin, twajbin u fidili, u nitolbu għalihom. Hu bis-saħħa tagħhom li llum ninsabu hawn, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta