Katekeżi Sagramenti, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

L-Ewkaristija, Ir-Rabta tagħha mal-ħajja tagħna


5. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 12 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Fl-aħħar katekeżi kellimtkom dwar kif l-Ewkaristija ddaħħalna fil-komunjoni vera ma’ Ġesù u mal-misteru tiegħu. Issa nistgħu nagħmlu xi mistoqsijiet dwar ir-rabta bejn l-Ewkaristija li niċċelebraw u l-ħajja tagħna, bħala Knisja u bħala Nsara individwali. Kif ngħixuha l-Ewkaristija? Meta mmorru għall-Quddiesa l-Ħadd, kif ngħixuha? Hi biss mument ta’ festa, tradizzjoni b’saħħitha, okkażjoni biex niltaqgħu jew biex inħossuna f’postna, jew hi xi ħaġa iżjed minn hekk?

Hemm sinjali konkreti ħafna li jgħinuna nifhmu kif qed ngħixu dan kollu, kif qed ngħixu l-Ewkaristija: sinjali li jgħidulna jekk aħniex ngħixu sew l-Ewkaristija jew jekk ma tantx qed ngħixuha sew. L-ewwel sinjal hu l-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn l-oħrajn u nġibu ruħna magħhom. Fl-Ewkaristija, Kristu dejjem iwettaq mill-ġdid id-don tiegħu nnifsu li hu għamel fuq is-Salib. Ħajtu kollha hi att ta’ qsim sħiħ tiegħu nnifsu għall-imħabba; għalhekk Hu kien iħobb joqgħod mad-dixxipli tiegħu u mal-persuni li kien jiltaqa’ magħhom. Dan għaliH kien ifisser jaqsam magħhom ix-xewqat li kellhom, il-problemi, dak li kien qed jinkwetahom u jdejjaqhom fil-ħajja. Issa meta aħna nieħdu sehem fil-Quddiesa, aħna niltaqgħu ma’ rġiel u nisa ta’ kull xejra: żgħażagħ, anzjani, tfal; foqra u għonja; nies tal-post u barranin; imsieħba minn familjari jew waħidhom… Imma l-Ewkaristija li niċċelebra qed twassalni biex tassew inħosshom ilkoll bħala ħuti? Tkabbar fija l-ħila li nifraħ ma’ min jifraħ u nibki ma’ min jibki? Tqanqalni biex innewwel idi lill-foqra, lill-morda, lill-imwarrbin? Tgħinni nagħraf fihom il-wiċċ ta’ Ġesù? Aħna kollha mmorru l-Quddiesa għax inħobbu lil Ġesù u, fl-Ewkaristija, nixtiequ nieħdu sehem fil-passjoni u l-qawmien tiegħu. Imma qed inħobbu, kif iridna Ġesù, lil dawk ħutna li l-iżjed jeħtieġu l-għajnuna? Ngħidu aħna, f’Ruma dawn il-jiem rajna tant faqar soċjali jew minħabba x-xita, li għamlet tant ħsarat lil kwartieri sħaħ, jew minħabba n-nuqqas ta’ xogħol, b’konsegwenza tal-kriżi ekonomika mad-dinja kollha. Nistaqsi lili nnifsi, u kull wieħed u waħda minna ħa jistaqsi: Jien li mmur il-Quddiesa, dan kif qed ngħixu? Qed naħseb kif, lil dawk li għandhom din il-problema, nista’ ngħinhom, inkun qrib tagħhom, nitlob għalihom? Jew jien xi ftit indifferenti? Jew forsi moħħni biex inpaċpaċ: Rajtha kif inhi liebsa dik, jew kif liebes dak? Xi kultant, wara l-Quddiesa, hekk nagħmlu, u m’għandniex nagħmluh dan! Jeħtieġ nagħtu kas ta’ ħutna rġiel u nisa li huma fil-bżonn, minħabba xi marda, xi problema. Il-lum, tajjeb li naħsbu f’dawn ħutna hawn Ruma li għandhom dawn il-problemi: problemi minħabba fit-traġedja kkawżata mix-xita u mill-problemi soċjali u tax-xogħol. Nitolbu lil Ġesù, li aħna nirċevuh fl-Ewkaristija, biex jgħinna ngħinuhom.

It-tieni sinjal, importanti ħafna, hu l-grazzja li nħossuna maħfura u lesti naħfru. Xi kultant ikun hemm min jistaqsi: “Għaliex għandna mmorru l-knisja, meta min jieħu sehem regolarment fil-Quddiesa xorta hu midneb bħall-oħrajn?”. Kemm drabi smajniha din! Fil-verità, min jiċċelebra l-Ewkaristija, dan ma jagħmlux għax iħossu jew irid jidher aqwa mill-oħrajn, imma propju għax jagħraf li dejjem hu fil-bżonn li jiġi milqugħ u mġedded mill-ħniena ta’ Alla, imlaħħma f’Ġesù Kristu. Jekk kull wieħed u waħda minna ma jħossux li għandu bżonn tal-ħniena ta’ Alla, ma jħossux midneb, aħjar ma jmur xejn il-Quddiesa! Aħna mmorru l-Quddiesa għax aħna midinbin u nixtiequ nirċievu l-maħfra ta’ Alla, nieħdu sehem fil-fidwa ta’ Ġesù, fil-maħfra tiegħu. Dak in-“Nistqarr” li llissnu fil-bidu tal-Quddiesa m’hux “pro forma”, hu att veru ta’ ndiema! Jiena midneb u dan nistqarru, hekk tiftaħ il-Quddiesa! Qatt m’għandna ninsew li l-Aħħar Ikla ta’ Ġesù seħħet “fil-lejl li fih kien ittradut” (1 Kor 11:23). F’dak il-ħobż u f’dak l-inbid li noffru u li madwarhom ninġabru, kull darba jiġġedded id-don tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu għall-maħfra ta’ dnubietna. Għandna mmorru l-Quddiesa b’umiltà, bħala midinbin, u l-Mulej jerġa’ jħabbibna miegħu.

Fl-aħħar nett, sinjal ieħor prezzjuż hu offrut lilna fir-rabta bejn iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u l-ħajja tal-komunitajiet Insara tagħna. Jeħtieġ inżommu dejjem quddiem għajnejna li l-Ewkaristija m’hix xi ħaġa li nagħmlu aħna; m’hix xi tifkira tagħna ta’ dak li Ġesù qal u għamel. Hi sewwa sew azzjoni ta’ Kristu! Fiha huwa Kristu li jaġixxi, li jinsab fuq l-altar. Hi don ta’ Kristu, li jiġi preżenti fostna u jiġmagħna madwaru, biex irejjaqna bil-Kelma tiegħu u b’ħajtu. Dan ifisser li l-istess missjoni u identità tal-Knisja joħorġu minn hemm, mill-Ewkaristija, u dejjem fiha jieħdu surithom. Ċelebrazzjoni taf tkun anki impekkabbli fil-mod kif tidher minn barra, mill-isbaħ, imma jekk ma twassalniex għal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu, ir-riskju hu li ma tħalli l-ebda frott fil-qalb tagħna u f’ħajjitna. Imma permezz ta’ l-Ewkaristija, Kristu jrid jidħol fil-ħajja tagħna u jimlieha bil-grazzja tiegħu, biex hekk f’kull komunità Nisranija jkun hemm koerenza bejn liturġija u ħajja.

Qalbna timtela bil-fiduċja u bit-tama meta naħsbu fi kliem Ġesù li nsibu fil-Vanġelu: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:54). Ejjew ngħixu l-Ewkaristija bi spirtu ta’ fidi, ta’ talb, ta’ maħfra, ta’ ndiema, ta’ ferħ komunitarju, ta’ attenzjoni għal dawk li huma fil-bżonn u għall-ħtiġijiet ta’ tant ħutna, fiċ-ċertezza li l-Mulej iwettaq dak li wegħidna: il-ħajja ta’ dejjem. Hekk ikun!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s