It-Tnejn, 5 ta’ Mejju 2014: Fil-Knisja hemm min jimxi wara Ġesù minħabba l-vanità, l-għatx għall-poter jew għall-flus. Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nimxu warajh biss għall-imħabba. Din kienet it-talba li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa ħa spunt mill-Evanġelju tal-ġurnata li fih Ġesù jċanfar lil min jimxi warajh sempliċiment għax ħassu sodisfatt wara l-moltiplikazzjoni tal-ħobż u tal-ħut. Il-Papa għamel stedina biex nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex mexjin wara l-Mulej għall-imħabba jew inkella biex niksbu xi vantaġġ.
Aħna lkoll midinbin, osserva Franġisku, u dejjem għandna xi interess li jeħtieġ li jkun ippurifikat mill-mixja wara Ġesù. Irridu naħdmu ġewwa fina biex nimxu warajh għall-imħabba. Ġesù, qal il-Papa, isemmi tliet atteġġjamenti li mhumiex flokhom fil-mixja tagħna warajh jew meta nkunu qed infittxu lil Alla.
L-ewwel hemm il-vanità. Ġesù qed jirreferi partikolarment għal dawk id-‘diriġenti’ li jagħtu l-karità u jsumu biex jidhru. Dawn id-diriġenti kellhom f’moħħhom li jidhru, kienu jieħdu gost – biex nużaw il-kelma addattata – jiddandnu, u kienu jġibu ruħhom ta’ veri ‘paguni’. Hekk kienu. U Ġesù jgħid: ‘Le u le, dan mhux sew.’ Il-vanità mhix tajba!
Xi drabi aħna nagħmlu l-affarijiet biex nidhru xi ftit, infittxu l-vanità. Il-vanità hija perikoluża għax mill-ewwel twassal għall-kburija, għas-suppervja, u kollox jintemm hekk! U nistaqsi domanda: Jien kif qed insegwi lill-Mulej? L-affarijiet tajbin li nagħmel, nagħmilhom fis-satra jew inħobb nidher?
Jien naħseb ukoll fina, żied il-Papa, fina r-rgħajja, għax ir-ragħaj li hu vanituż ma jagħmilx ġid lill-poplu t’Alla: jista’ jkun saċerdot jew isqof, imma ma jkunx qed isegwi lil Ġesù jekk togħġbu l-vanità.
Ħaġ’oħra li Ġesù jċanfar dwarha lil dawk li kienu jimxu warajh, hija l-poter. Xi wħud jimxu wara Ġesù imma ftit jew wisq, forsi mhux dejjem konxjament, ikunu qed ifittxu l-poter, mhux veru? Il-każ l-aktar ċar hu dak ta’ Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li talbu lil Ġesù l-grazzja li jkunu l-prim ministru u l-viċi prim ministru, meta jaslu fis-Saltna. U fil-Knisja jeżistu dawn in-nies li moħħhom biex jiksbu aktar setgħa. Hemm tant minnhom li jħabbtu l-bieb tal-Knisja biex… Imma jekk trid titla’ aktar ‘il fuq, mur lejn it-tramuntana u oqgħod ixxabbat mal-muntanji – jagħmillek aktar ġid għal saħħtek! – imma tiġix fil-Knisja biex tikseb aktar setgħa! Ġesù jċanfarhom lil dawk li jfittxu s-setgħa!
Id-dixxipli, kompla jgħid Franġisku, jinbidlu biss meta jinżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. B’dan kollu fil-ħajja nisranija tagħna d-dnub xorta waħda hemm se jibqa’ u jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: Jien kif qed insegwih lil Ġesù: għalih biss anke sas-Salib, jew qed infittex il-poter u xi ftit qed nuża l-Knisja, il-komunità nisranija, il-parroċċa, id-djoċesi, biex nikseb xi ftit tal-poter?
It-tielet ħaġa li tbegħidna mill-intenzjoni retta, saħaq il-Papa, hija l-flus: dawk li jimxu wara Ġesù għall-flus, bil-flus, billi jippruvaw japprofittaw ruħhom mill-parroċċa, mid-djoċesi, mill-komunità nisranija, mill-isptar, mill-kulleġġ… Ejjew naħsbu dwar l-ewwel komunità nisranija li kellha din it-tentazzjoni: Xmun, Ananija u Safira… Din it-tentazzjoni kienet hemm sa mill-bidu, imma aħna nafu wkoll b’tant Kattoliċi tajbin, Insara tajbin, ħbieb, benefatturi tal-Knisja, anke dawk li kisbu onorefiċenzi, li mbagħad insiru nafu li għamlu negozju mill-aktar ikrah: kienu ‘negozjanti’ u għamlu ħafna flus! Kienu jippreżentaw ruħhom bħala benefatturi tal-Knisja imma kienu jaqilgħu ħafna flus u mhux dejjem flus nodfa!
Nitolbu l-grazzja lill-Mulej, temm il-Papa, li jtina l-Ispirtu s-Santu biex immorru warajh b’intenzjoni retta: Hu biss – mingħajr vanità, mingħajr għatx għall-poter, u mingħajr il-kilba għall-flus.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta