It-Tlieta, 6 ta’ Mejju 2014: In-Nisrani li ma jagħtix xhieda jsir sterili, afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ppresjeda dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Papa għamel riflessjoni dwar il-martirju ta’ San Stiefnu li nsibu rrakkuntat fl-Atti tal-Appostli. Il-Knisja, afferma Franġisku, mhix xi università tar-reliġjon, imma hi l-poplu t’Alla li jimxi wara Ġesù. B’hekk biss, żied jgħid, hi tkun għammiela u omm.
Il-martirju ta’ Stiefnu, beda l-Papa, huwa kopja tal-martirju ta’ Ġesù. Il-Papa Franġisku rrakkonta l-istorja li wasslet għall-ewwel martri tal-Knisja. Hu wkoll, bħal Ġesù, ħabbat wiċċu mal-għira tal-mexxejja li riedu jeliminawh. Għalih ukoll kien hemm ix-xhieda foloz, proċess mgħaġġel.
Stiefnu jwiddibhom li huma kienu qed jirreżistu lill-Ispirtu s-Santu, l-istess kif kien qal Ġesù. Imma dawn in-nies, enfasizza l-Papa, ma kinux kwieti, ma kellhomx paċi f’qalbhom. Dawn in-nies kellhom il-mibegħda fi qlubhom. Għalhekk, malli jisimgħu kliem Stiefnu, ifuru bir-rabja.
Dil-mibegħda, afferma Franġisku, kienet inżergħet fihom mid-demonju: kienet il-mibegħda tax-xitan kontra Kristu. Dil-mibegħda tad-demonju, li għamlet dak li dehrilha b’Ġesù Kristu waqt il-Passjoni, issa qed tittenna ma’ Stiefnu. U fil-martirju tidher ċar it-taqbida bejn Alla u d-demonju.
Min-naħa l-oħra, Ġesù kien qal lil tiegħu li kellhom iħossuhom ferħana li jkunu ppersegwitati minħabba f’ismu. Tkun ippersegwitat, issir martri, tagħti ħajtek għal Ġesù: din hija waħda mill-Beatitudnijiet. Din hi r-raġuni għaliex id-demonju ma jaħmilx jara l-qdusija tal-Knisja jew ta’ persuna mingħajr ma jipprova jfassal xi ħaġa. Hekk jagħmel ma’ Stiefnu, imma dan imut jaħfer bħalma għamel Ġesù.
Il-kelma martirju hija traduzzjoni tal-kelma Griega li tfisser ukoll ‘xhieda’. B’hekk nistgħu ngħidu li t-triq tan-Nisrani timxi fuq il-passi ta’ din ix-xhieda, fuq il-passi ta’ Ġesù, biex tagħti xhieda tiegħu, u tant drabi din ix-xhieda twassal għall-għotja tal-ħajja.
In-Nisrani li ma jagħtix xhieda ma jinftiehemx. Aħna m’aħniex reliġjon tal-ideat, tat-teoloġija pura, tal-affarijiet sbieħ, tal-kmandamenti. Le, aħna poplu li jimxi wara Ġesù Kristu u li jagħti xhieda. Imma jrid jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu… u din ix-xhieda xi drabi twassal biex dak li jkun jagħti ħajtu.
Fl-Atti tal-Appostli naqraw li wara l-mewt ta’ Stiefnu faqqgħet persekuzzjoni kbira kontra l-knisja ta’ Ġerusalemm. Dawn in-nies kienu jħossuhom setgħana u d-demonju kien iqanqalhom biex jagħmlu dak li għamlu. Ir-riżultat ta’ dan kien li l-Insara xterdu madwar ir-reġjun tal-Ġudea u tas-Samarija.
Il-persekuzzjoni, innota l-Papa, wasslet biex dawn in-nies Insara jmorru ’l bogħod, imma kull fejn waslu kienu jispjegaw l-Evanġelju, kienu jagħtu xhieda ta’ Ġesù, u b’hekk bdiet il-missjoni tal-Knisja. Kien hemm ħafna, fakkar il-Papa, li kkonvertew meta semgħu lil dawn in-nies. Wieħed mis-Santi Padri, żied il-Papa, kien jispjega dan il-fenomenu hekk: id-demm tal-martri kien iż-żerriegħa tal-Insara; bix-xhieda tagħhom kienu jippritkaw il-fidi.
Ix-xhieda trid tingħata kemm fil-ħajja ta’ kuljum, u wkoll waqt id-diffikultajiet, fil-persekuzzjoni, bil-mewt: b’hekk tkun dejjem għammiela. Il-Knisja hi għammiela u omm meta tagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu. Minflok, meta l-Knisja tingħalaq fiha nfisha, tibda temmen, biex ngħidu hekk, li hi l-università tar-reliġjon, b’tant ideat sbieħ, tant tempji sbieħ, tant mużewijiet sbieħ, b’tant affarijiet sbieħ, imma ma tkunx tagħti xhieda, issir sterili. U l-istess in-Nisrani. In-Nisrani li ma jagħtix xhieda, jibqa’ sterili, jibqa’ ma jroddx lura l-ħajja li rċieva mingħand Ġesù Kristu.
Stiefnu, kompla jgħid il-Papa Franġisku, kien mimli bl-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, wissa l-Papa, ma nistgħux nagħtu xhieda mingħajr il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fina. Fil-waqtiet diffiċli, meta jkun jeħtiġilna nagħrfu liema hi t-triq it-tajba, meta jkollna ngħidu ‘le’ għal tant affarijiet li jiġbduna – inkoraġġixxa l-Papa – hemm it-talb lill-Ispirtu s-Santu u Hu jsaħħaħna biex nimxu fit-triq tax-xhieda.
Illum, filwaqt li naħsbu dwar dawn iż-żewġ xbihat – Stiefnu li jmut u n-nies Insara li jaħarbu u jitferrxu ma’ kullimkien minħabba l-persekuzzjoni qalila – nistaqsu lilna nfusna: Kif inhi x-xhieda li qed nagħti jien? Jien Nisrani xhud ta’ Ġesù jew jien sempliċi numru f’din is-setta? Jien għammiel għax nagħti xhieda jew nibqa’ sterili għax m’għandix ħila nħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxini fil-vokazzjoni nisranija tiegħi?
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta