Il-Papa f’Santa Marta: Ma jeżistix Nisrani mingħajr Knisja, Nisrani li jimxi waħdu, għax Ġesù stess daħal fil-mixja tal-poplu tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 15 ta’ Mejju 2014: Ma jeżistix Nisrani mingħajr Knisja, Nisrani li jimxi waħdu, għax Ġesù stess daħal fil-mixja tal-poplu tiegħu.  Dan qalu l-Papa Franġisku llum, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari tal-ġurnata biex jispjega li meta jħabbru lil Ġesù, l-Appostli ma jibdewx minnu imma mill-poplu.  Infatti, osserva l-Papa, Ġesù ma jinftiehemx mingħajr din l-istorja, għax hu proprju l-għan ewlieni tagħha, l-għan li lejh sejra u miexja l-istorja.  Għalhekk, kompla jgħid, Nisrani li hu ’l barra mill-poplu t’Alla ma jagħmilx sens.  Il-Kristjan mhux in-numru wieħed, imma jagħmel parti minn poplu: il-Knisja.  In-Nisrani mingħajr il-Knisja hu ħaġa purament idealistika, mhux reali.

Iżda n-Nisrani waħdu ma jinftiehemx daqskemm ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Kristu f’iżolament.  Ġesù Kristu ma waqax mis-sema qisu eroj li ġie biex isalvana.  Le.  Ġesù Kristu għandu storja.  U nistgħu ngħidu – u dan hu veru – li Alla għandu storja, għax ried li jimxi magħna.  U ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Kristu mingħajr l-istorja.  B’hekk, Kristjan mingħajr storja, Kristjan mingħajr poplu, Kristjan mingħajr Knisja, ma jinftiehemx.  Ikun qisu xi ħaġa tal-laboratorju, xi ħaġa artifiċjali, ħaġa li ma tistax tagħti l-ħajja.

Imbagħad, il-poplu t’Alla, żied jgħid Franġisku, jimxi ma’ wegħda.  Din hi dimensjoni importanti, dejjem preżenti fil-ħajja tagħna: id-dimensjoni tal-memorja.  In-Nisrani hu memorja tal-istorja tal-poplu tiegħu, memorja tal-mixja li għamel il-poplu tiegħu, memorja tal-Knisja tiegħu.  Il-memorja… il-memorja tal-passat kollu.  U dan il-poplu fejn sejjer?  Lejn il-wegħda definittiva.  Huwa poplu li miexi lejn il-milja: poplu magħżul li għandu wegħda għall-futur u miexi lejha, lejn it-twettiq ta’ din il-wegħda.  Hu għalhekk li n-Nisrani fil-Knisja hu bniedem ta’ tama: tama fil-wegħda.   Din mhix xi sorpriża li se tiġi għal għarrieda: le u le!  Hi xi ħaġa oħra: hija tama – tama li ma tqarraqx.

Meta jħares lura, qal il-Papa, in-Nisrani hu persuna ta’ memorja: jitlob il-grazzja tal-memorja, dejjem.  Meta jħares ’il quddiem huwa bniedem ta’ tama.  Fil-preżent, in-Nisrani jimxi t-triq ta’ Alla u jġedded il-patt ma’ Alla. Il-ħin kollu jgħid lill-Mulej:  ‘Iva, irrid il-kmandamenti, irrid il-volontà tiegħek, irrid nimxi warajk.’  Hu bniedem ta’ patt u dan il-patt aħna niċċelebrawh ta’ kuljum fil-quddiesa.  Għalhekk in-Nisrani hu bniedem Ewkaristiku.

Il-Papa temm l-omelija b’dan il-kliem:  Naħsbu – jagħmlilna tajjeb naħsbu f’dan illum – dwar kif inhi l-identità nisranija tagħna.  L-identità nisranija tagħna hi appartenenza ma’ poplu: il-Knisja.  Mingħajr dan aħna m’aħniex Insara.  Aħna dħalna fil-Knisja bil-Magħmudija: hemmhekk sirna Nsara. Għaldaqstant irid ikollna d-drawwa li nitolbu l-grazzja tal-memorja, il-memorja tal-mixja li għamel il-poplu t’Alla.  Anke l-memorja personali: x’għamel Alla miegħi, f’ħajti, kif mexxieni…

Nitolbu l-grazzja tat-tama.  It-tama mhix ottimiżmu, le u le!  Hi xi ħaġa oħra.  Hija t-talba biex naqilgħu l-grazzja li kuljum inġeddu l-patt mal-Mulej li sejħilna.  Jalla l-Mulej itina dawn it-tliet grazzji li huma meħtieġa għall-identità nisranija.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading