Il-Papa f’Santa Marta: Biex inkunu nafu lil Ġesù jeħtieġ nitolbuh bil-qalb, niċċelebrawh u nimitawh

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Mejju 2014: Mhux biżżejjed l-istudju, mhumiex biżżejjed l-ideat biex inkunu nafu lil Ġesù. Biex inkunu nafuh jeħtieġ nitolbuh bil-qalb, niċċelebrawh u nimitawh.  Dan id-diskors qalu l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa ġedded l-istedina biex nerġgħu naqraw l-Evanġelju li, xi drabi, hu mimli trab għax qatt ma jinfetaħ.

Hu u jikkummenta l-affermazzjoni ta’ Ġesù: ‘Jien hu t-triq, id-dawl u l-ħajja’, il-Papa osserva li l-aktar ħaġa importanti f’ħajjitna hi li nkunu nafu lil Ġesù.

Imma kif nistgħu nkunu nafuh?, staqsa l-Papa.  Xi wħud jgħidu, ‘Bl-istudju, padre.  Hemm bżonn ta’ ħafna studju.’ Dan hu minnu!  Hemm bżonn nistudjaw il-katekiżmu, veru.  Imma l-istudju waħdu mhux biżżejjed biex inkunu nafu lil Ġesù.  Xi wħud, kompla jgħid, għandhom din il-fantasija li l-ideat waħedhom se jwassluna nkunu nafu lil Ġesù.  Anke fost l-ewwel Insara kien hemm min jaħseb hekk.  U fl-aħħar baqgħu maqbudin fin-nassa tal-ħsibijiet tagħhom.

L-ideat waħedhom ma jagħtux ħajja u min jimxi fit-triq tal-ideat biss jispiċċa jdur f’labirint u minnu ma joħroġ qatt! Għalhekk sa mill-bidu tal-Knisja bdew ukoll l-ereżiji! Dawn huma l-ereżiji: li nippruvaw nifhmu b’moħħna u bl-intellett tagħna biss, min hu Ġesù.  Kittieb kbir Ingliż kien jgħid li l-ereżija hi idea li ġġennet.  Hekk hu!  Meta l-ideat jibqgħu iżolati, jiġġennu… Dik mhix it-triq!

Biex inkunu nafu lil Ġesù, afferma Franġisku, irridu niftħu tliet bibien.  L-ewwel bieb: nitolbu lil Ġesù.  Kunu afu li l-istudju mingħajr it-talb ma jiswiex.  Nitolbu lil Ġesù biex insiru nafuh aħjar.  It-teologi l-kbar jagħmlu t-teoloġija tagħhom għarkupptejhom.  Nitolbu lil Ġesù!  Hu bl-istudju u bit-talb li nersqu ftit aktar lejh.  Imma mingħajr it-talb m’aħna se nsiru nafu lil Ġesù qatt, qatt u qatt.

It-tieni bieb: niċċelebraw lil Ġesù.  It-talb waħdu mhux biżżejjed, meħtieġa wkoll iċ-ċelebrazzjoni.  Niċċelebraw lil Ġesù fis-Sagramenti tiegħu, għax bihom itina l-ħajja, il-qawwa, l-ikel, il-faraġ, il-patt, il-missjoni.  Mingħajr iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti ma naslux li nkunu nafu lil Ġesù.  Din hi l-Knisja: iċ-ċelebrazzjoni.

It-tielet bieb: nimitaw lil Ġesù.  Naqbdu f’idejna l-Evanġelju:  x’għamel Hu, kif kienet ħajtu, x’qalilna, x’għallimna, u nippruvaw nimitawh.

Meta nidħlu minn dawn it-tliet bibien, żied jgħid il-Papa Franġisku, inkunu qed nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù.  Hu biss jekk ikollna l-ħila nidħlu fil-misteru tiegħu, li jirnexxielna nsiru nafuh.  M’għandniex nibżgħu nippruvaw nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù: dan ifisser li nitolbu, niċċelebraw u nimitaw.  B’hekk insibu t-triq biex nersqu lejn il-verità u l-ħajja.

Illum nippruvaw, matul il-ġurnata, naħsbu ftit dwar kif inhu l-bieb tat-talb fil-ħajja tagħna: imma t-talb mill-qalb, mhux dak bħall-pappagall!  U l-bieb tal-qalb kif inhu?  Kif inhi ċ-ċelebrazzjoni nisranija f’ħajti?  U kif sejra l-imitazzjoni ta’ Kristu f’qalbi?  Kif għandi nimitah?  Veru li m’intix tiftakar?  Aqbad il-ktieb tal-Evanġelju, u ssib kif għandek timita lil Ġesù!

Naħsbu dwar kif inhuma dawn it-tliet bibien f’ħajjitna u jagħmlilna tajjeb ilkoll, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: