Il-Papa f’Santa Marta: Id-dwejjaq tagħkom jinbidel f’ferħ


Il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju 2014: Id-dwejjaq tagħkom jinbidel f’ferħ.  Din hija l-wegħda li għamel Ġesù lid-dixxipli u li fuqha l-Papa Franġisku bena l-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  F’din l-omelija l-Papa donnu niseġ innu lill-ferħ nisrani illi, osserva l-Qdusija Tiegħu, ma nistgħux nixtruh imma nistgħu biss nirċevuh bħala rigal mingħand Alla.  Il-ferħ tan-Nisrani huwa ferħ fit-tama.

San Pawl kien kuraġġuż ħafna għax il-qawwa tiegħu kien isibha fil-Mulej.  Minn din l-affermazzjoni l-Papa Franġisku żviluppa l-omelija tiegħu ċċentrata kollha fuq il-ferħ tan-Nisrani.  Ċertament, osserva l-Papa, xi drabi anke l-Appostlu tal-Ġnus kien jibża’.  Ilkoll jiġrilna fil-ħajja li ngħaddu minn waqtiet ta’ biża’.  U nistaqsu lilna nfusna: mhux aħjar inbaxxi ftit il-livell u nkun Nisrani ftit lil hawn u ftit lil hemm billi nagħmel il-kompromessi mad-dinja?

Però Pawlu kien jaf li dak li kien qed jagħmel ma kienx jogħġob lil-Lhud u lanqas lill-pagani.  Imma ma kienx jieqaf u għalhekk kellu jgħaddi minn problemi u persekuzzjonijiet.  Dan iġegħilna naħsbu fil-beżgħat tagħna.  Anke Ġesù fil-Ġetsemani beża’, u ħassu mdejjaq ħafna.  U fid-diskors tat-tluq, fakkar il-Papa Franġisku, lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom ċar u tond li d-dinja se tifraħ minħabba t-tbatijiet tagħhom, kif ġara bl-ewwel martri fil-Kolossew.

Aħna rridu ngħiduha l-verità: mhux il-ħajja nisranija kollha hija festa.  Mhux kollha!  Hemm il-biki, kultant nibku:  meta tkun marid; meta jkollok problema fil-familja, ma’ wliedek, mal-mara, mar-raġel; meta tara li l-paga li għandek ma twassallekx sal-aħħar tax-xahar u għandek xi  ħadd minn uliedek marid; meta ssib li ma tistax tħallas il-pagament tal-loan tad-dar u jkollok titlaq minnha…  Tant  problemi, tant problemi li aħna lkoll għandna.  Imma Ġesù jgħidilna:  ‘Tibżgħux.  Iva, se jkollkom id-dieqa f’qalbkom, se tibku u n-nies jieħdu gost, dawk in-nies li huma kontrik.’

Imma wkoll, kompla jgħid il-Papa, hemm dieqa ta’ qalb oħra: dik li jkollna lkoll meta nkunu mixjin fit-triq il-ħażina.  Meta, biex ngħiduha mod ieħor, immorru nixtru l-ferħ, l-allegrija, dik tad-dinja, dik tad-dnub, u fl-aħħar inħossu l-vojt ġo fina u nħossuna mdejqin.  Din hi d-dieqa tal-qalb li tiġi minn ferħ żbaljat.  Imma l-ferħ nisrani hu ferħ fit-tama li għad trid tasal. Fil-ħin tal-prova aħna din ma narawhiex.   Huwa ferħ li jiġi msaffi mill-provi u anke mill-provi li jkollna fil-ħajja ta’ kuljum: ‘Id-dwejjaq tagħkom jinbidel f’ferħ.’  Imma hu diffiċli meta int tmur għand xi marid jew marida li jkunu batuti ħafna li tgħidilhom, ‘Kuraġġ!  Kuraġġ.  Għada jkollok il-ferħ!’

Le, ma nistgħux ngħidu hekk.  Irridu li lil dak li jkun ngħinuh iħoss dak li kien jagħmel Ġesù.  Anke aħna, meta nsibu ruħna fid-dlam, meta ma nkunu qed naraw xejn, irridu ngħidu:  ‘Jiena naf, Mulej, li dan id-dwejjaq se jinbidel f’ferħ.  Ma nafx kif, imma nafu dan!’  Att ta’ fidi fil-Mulej.  Att ta’ fidi!

Biex nifhmu kif id-dwejjaq jinbidel f’ferħ, qal mill-ġdid il-Papa, Ġesù jieħu l-eżempju ta’ mara fil-waqt tal-ħlas.  Hu minnu li waqt il-ħlas il-mara tbati ħafna – afferma l-Papa – imma meta jkollha t-tarbija fi ħdanha, tinsa.  Dak li jibqa’ għalhekk huwa l-ferħ ta’ Ġesù, ferħ ippurifikat.  Dak hu l-ferħ li jibqa’, ferħ moħbi f’xi mumenti tal-ħajja, li ma nħossuhx fil-waqtiet koroh, imma li jiġi wara, ferħ fit-tama.

Dan hu għalhekk il-messaġġ tal-Knisja llum: tibżgħux!  Irridu nkunu kuraġġużi fit-tbatija u naħsbu li wara ġej il-Mulej, wara jiġi l-ferħ, wara d-dlam tfiġġ ix-xemx.  Jalla l-Mulej itina dan il-ferħ fit-tama.  Is-sinjal li għandna ta’ dan il-ferħ huwa l-paċi.  Kemm morda li waslu fi tmiem ħajjithom, miġugħin, għandhom dik il-paċi tar-ruħ… Din hi ż-żerriegħa tal-ferħ, dan hu l-ferħ fit-tama: il-paċi.

Int għandek il-paċi tar-ruħ fil-mument tad-dlam, fil-mument tad-diffikultà, fil-mument tal-persekuzzjoni?  Meta kulħadd ikun qed jifraħ bit-tbatijiet tiegħek, għandek il-paċi?  Jekk għandek il-paċi int għandek iż-żerriegħa ta’ dak il-ferħ li jiġi wara.  Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan kollu, temm Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta