It-Tlieta, 24 ta’ Ġunju 2014: In-Nisrani ma jħabbarx lilu nnifsu iżda lill-Mulej, qal il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta fis-solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista. Il-Papa spjega l-vokazzjoni ta’ dak li kien l-akbar fost il-profeti: ħejju, iddixxernu, iċċekknu.
Inħejju għall-miġja tal-Mulej, niddixxernu min hu l-Mulej, niċċekknu biex jitkabbar il-Mulej. Il-Papa Franġisku qal li f’dawn it-tliet verbi niġbru l-vokazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista, mudell dejjem attwali għal kull Nisrani. Ġwanni, qal il-Papa, kien iħejji t-triq għal Ġesù mingħajr ma jżomm xejn għalih.
Kien bniedem importanti: in-nies kienet tfittxu, kienet tmur warajh għax kliemu kien qawwi. Kliemu kien jinfed il-qlub. Minħabba f’dan, osserva l-Papa, forsi hu kellu t-tentazzjoni li jemmen kemm kien bniedem importanti, imma ma waqax f’din in-nassa. Infatti, meta resqu lejh id-dutturi tal-liġi biex jistaqsuh jekk kienx hu l-Messija, Ġwanni wieġeb: ‘Jiena leħen, leħen biss, imma ġejt biex inħejji t-triq għall-Mulej.’
Din hi l-ewwel vokazzjoni tal-Battista, osserva l-Papa: iħejji lill-poplu, iħejji l-qalb tal-poplu biex jiltaqa’ mal-Mulej. Imma l-Mulej min hu?
Din hija t-tieni vokazzjoni ta’ Ġwanni: id-dixxerniment, fost tant nies twajbin, dwar min kien il-Mulej. L-Ispirtu rrivelalu dan u hu kellu l-kuraġġ jgħid: ‘Dan hu. Dan hu l-Ħaruf t’Alla, dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.’
Id-dixxipli ħarsu lejn dan il-bniedem li kien għaddej u ħallewh sejjer. L-għada ġara l-istess: ‘Dak hu! Dak akbar minni.’ Id-dixxipli marru warajH. Meta kien qed iħejji lill-poplu, Ġwanni kien jgħidilhom: ‘Warajja ġej wieħed…’ Fid-dixxerniment… kien jaf jiddixxerni u juri lill-Mulej: ‘Hemm dan qabli…’
It-tielet vokazzjoni ta’ Ġwanni, kompla l-Papa, hi li ċċekken. Minn dak il-waqt, osserva l-Qdusija Tiegħu, ħajtu bdiet tinħeba, tiċkien, biex jikber il-Mulej, u baqa’ jiċċekken sa ma xejjen lilu nnifsu. ‘Hu jrid jikber, filwaqt li jien irrid niċċekken, warajja, quddiemi, bogħod minni!’
Din kienet l-aktar ħaġa diffiċli għal Ġwanni għax il-Mulej kellu stil li l-Battista ma kienx immaġinah, sal-punt li, fil-ħabs – għax dak kien iż-żmien li fih kien il-ħabs – kien bata mhux biss id-dlam taċ-ċella imma wkoll id-dalma f’qalbu. U jistaqsi lilu nnifsu: ‘Imma dan hu? Forsi ħadt żball?’
Għax il-Messija tant għandu stil sempliċi… li ma jinftiehemx. U billi kien bniedem ta’ Alla, Ġwanni jibgħat lid-dixxipli tiegħu għand Ġesù biex jistaqsuh: ‘Imma int verament dak li qed nistennew, jew irridu nistennew lil xi ħadd ieħor?’
L-umiljazzjoni ta’ Ġwanni, innota l-Papa, kienet doppja: l-umiljazzjoni ta’ mewtu, prezz ta’ kapriċċ, imma wkoll l-umiljazzjoni tad-dalma tar-ruħ. Ġwanni, li kellu ħila jistenna lil Ġesù, li għaraf jiddixxerni, issa qed jara lil Ġesù mill-bogħod. Dik il-wegħda, tenna l-Papa, tbiegħdet minnu. U jispiċċa waħdu, fid-dlam, fl-umiljazzjoni. Jibqa’ waħdu għax ixxejjen ħafna biex jitkabbar il-Mulej.
Ġwanni, osserva Franġisku, jara lill-Mulej bogħod minnu u hu, umiljat, imma b’qalbu fil-paċi. Tliet vokazzjonijiet fi bniedem: iħejji, jiddixxerni, iħalli lill-Mulej jikber u hu jċekken lilu nnifsu. Hu sabiħ li naħsbu li l-vokazzjoni tan-Nisrani hija din. In-Nisrani ma jħabbarx lilu nnifsu, iħabbar lil ħaddieħor, iħejji t-triq għal xi ħadd ieħor: għall-Mulej.
In-Nisrani għandu jkun jaf jiddixxerni, għandu jagħraf kif jiddixxerni l-verità minn dak li jidher li hu l-verità iżda li mhuwiex. In-Nisrani hu bniedem ta’ dixxerniment. U n-Nisrani għandu jkun bniedem li jaf jiċċekken hu biex jikber il-Mulej fil-qalb u fir-ruħ tal-oħrajn, temm il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta