L-appartenenza għall-poplu ta’ Alla


2. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 25 ta’ Ġunju 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Il-lum hemm grupp ieħor ta’ pellegrini magħqudin magħna fl-Awla Pawlu VI, huma l-pellegrini morda. Għax b’dan it-temp, bejn is-sħana u l-possibbiltà ta’ xita, kien iżjed prudenti li jibqgħu hemm ġew. Imma jinsabu magħqudin magħna permezz ta’ l-iskrin. U hekk ninsabu magħqudin fl-istess udjenza. U l-lum ilkoll kemm aħna se nitolbu speċjalment għalihom, għall-fejqan tagħhom. Grazzi.

Fl-ewwel katekeżi fuq il-Knisja, l-Erbgħa li għadda, tlaqna mill-inizjattiva ta’ Alla li ried isawwar poplu li jġorr il-barka tiegħu għall-ġnus kollha ta’ l-art. Beda b’Abraham u mbagħad, b’ħafna sabar – u Alla għandu, ħafna! –, ħejja lil dan il-poplu fil-Patt il-Qadim sakemm, f’Ġesù Kristu, waqqfu bħala sinjal u strument ta’ l-għaqda tal-bnedmin ma’ Alla u bejniethom (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Lumen gentium, 1). Il-lum nixtieq li nieqfu nitkellmu fuq l-importanza għan-Nisrani li jħossu parti minn dan il-poplu. Sa nitkellmu dwar l-appartenenza għall-Knisja.

1. M’aħniex mitluqa waħidna u m’aħniex Insara fuq bażi individwali, kull wieħed għalih waħdu. Le, l-identità tagħna hi appartenenza! Aħna Nsara għax nagħmlu parti mill-Knisja. Dan bħal kunjom: jekk l-isem hu “jien Nisrani”, il-kunjom hu “nagħmel parti mill-Knisja”. Kemm hu sabiħ ninnutaw kif din l-appartenenza hi espressa wkoll fl-isem li Alla jagħti lilu nnifsu. Fil-fatt, hu u jwieġeb lil Mosè, fl-episodju stupend tas-“siġra ta’ l-għollieq taqbad” (ara Eż 3:15), hu jsejjaħ lilu nnifsu Alla tal-missirijiet. Ma jgħidx: Jien Dak li nista’ kollox…, le: Jien Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb. B’dan il-mod Hu juri ruħu bħala Alla li waqqaf patt ma’ missirijietna u jibqa’ dejjem fidil lejn il-patt tiegħu, u jsejħilna nidħlu f’din ir-realzzjoni li kienet hemm qabilna. Din ir-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu tiġi qabilna kollha, ġejja minn dak iż-żmien.

2. F’dan is-sens, qabel xejn, il-ħsieb tagħna jmur bi gratitudni lejn dawk li ġew qabilna u laqgħuna fil-Knisja. Ħadd ma jsir Nisrani waħdu! Ċara din? Ħadd ma jsir Nisrani waħdu. Ma jsirux Insara fil-laboratorju. In-Nisrani hu parti minn poplu li ġej mill-bogħod. In-Nisrani hu parti minn poplu li jissejjaħ Knisja u din il-Knisja tagħmlu Nisrani, nhar il-Magħmudija, u mbagħad fil-mixja tal-katekeżi, u l-bqija. Imma ħadd, ħadd ma jsir Nisrani waħdu. Jekk aħna nemmnu, jekk nafu kif nitolbu, jekk nafu lill-Mulej u nistgħu nisimgħu l-Kelma tiegħu, jekk inħossuh qrib tagħna u nagħrfuh fl-aħwa, dan għax kien hemm oħrajn, qabilna, li ħaddnu l-fidi u mbagħad għaddewhielna. Il-fidi rċivejnieha minn għand missirijietna, minn għand l-antenati tagħna, u huma għallmuhielna. Jekk naħsbu sew, min jaf kemm uċuħ għeżież jgħaddu minn quddiem għajnejna bħalissa: jista’ jkun il-wiċċ tal-ġenituri tagħna li talbu l-Magħmudija għalina; dak tan-nanniet tagħna jew ta’ xi membru tal-familja li għallimna rroddu s-sinjal tas-salib u ngħidu l-ewwel talbiet tagħna. Jien dejjem jiġini f’moħħi wiċċ is-soru li għallmitni d-duttrina, dejjem jiġini f’moħħi – hi żgur qiegħda l-Ġenna għax hi mara qaddisa – imma jien dejjem niftakar fiha u nirringrazzja lil Alla għal din is-soru. Inkella wiċċ il-kappillan, wiċċ qassis ieħor, jew soru, katekista, li għaddietilna l-kontenut tal-fidi u li għenitna nikbru bħala Nsara… Hekkhu, din hi l-Knisja: familja kbira, li fiha niġu milqugħa u nitgħallmu ngħixu fil-fidi u bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù.

3. Din il-mixja nistgħu ngħixuha mhux biss grazzi għal persuni oħra, imma flimkien ma’ persuni oħra. Fil-Knisja ma teżistix l-“agħmel int”, ma jeżistux aġenti ħielsa. Kemm drabi l-Papa Benedittu fisser il-Knisja bħala l-“aħna” ekkleżjali! Kultant tisma’ lil xi ħadd jgħid: “Jien nemmen f’Alla, nemmen f’Ġesù, imma l-Knisja ma tinteressanix…”. Kemm drabi smajnieha din? U dan ma jagħmilx sens. Hemm min iżomm li jista’ jkollok relazzjoni personali, diretta, immedjata ma’ Ġesù Kristu ’l barra mill-komunjoni u mill-medjazzjoni tal-Knisja. Huma tentazzjonijiet perikulużi li jagħmlu l-ħsara. Kif kien jgħid il-kbir Pawlu VI, huma dikotomiji assurdi. Huwa minnu li meta nimxu flimkien, dan hu iżjed impenjattiv, u xi kultant jista’ wkoll jegħjina: jista’ jiġri li xi ħadd minn ħutna jdejjaqna, jew jiskandalizzana… Imma l-Mulej fada l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni lil persuni umani, lilna lkoll, lil xi xhieda; u hu f’ħutna rġiel u nisa, bid-doni u l-limiti tagħhom, li hu jiġi jiltaqa’ magħna u jħallina nagħrfuh. U dan hu li jfisser inkunu parti mill-Knisja. Ftakruha sew: li tkun Nisrani jfisser appartenenza għall-Knisja. L-isem hu “Nisrani”, il-kunjom hu “appartenenza għall-Knisja”.

Għeżież ħbieb, nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Omm il-Knisja, il-grazzja li ma naqgħu qatt fit-tentazzjoni li naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajr l-oħrajn, li nistgħu ngħaddu mingħajr il-Knisja, li nistgħu nsalvaw waħidna, li aħna Nsara tal-laboratorju. Għall-kuntrarju, ma tistax tħobb lil Alla mingħajr ma tħobb lill-aħwa, ma tistax tħobb lil Alla barra mill-Knisja; ma tistax tkun f’komunjoni ma’ Alla mingħajr ma tkun mal-Knisja, u ma nistgħux inkunu Nsara tajbin jekk mhux flimkien ma’ dawk kollha li qed ifittxu li jimxu wara l-Mulej Ġesù, bħala poplu wieħed, ġisem wieħed, u dan hu l-Knisja. Grazzi.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.