Il-Ġimgħa, 3 ta’ Ottubru 2014: Nemmnu f’Ġesù li ġabilna messaġġ ta’ salvazzjoni għall-umanità ta’ kull żmien, jew inkella nsibu kenn f’salvazzjoni magħmula minn ‘ħafna kmandamenti magħmulin mill-bniedem’? Din hi d-dilemma li tkellem dwarha l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.
Ix-xewqa waħdanija ta’ Alla hi li jsalva lill-bniedem, imma l-problema hi li spiss il-bniedem irid jiddetta r-regoli tas-salvazzjoni. Dan hu l-paradoss drammatiku li nsibu fil-paġni tal-Bibbja li tilħaq il-milja tagħha fil-miġja ta’ Kristu fuq din l-art.
Il-Papa Franġisku niżel fil-fond ta’ dan il-ħsieb imnebbaħ mis-silta tal-Evanġelju fejn Ġesù juri dispjaċir meta jara li niesu stess huma kontrieh, meta jara lill-ibliet jagħtu spallejhom lill-messaġġ tiegħu.
‘Kieku dawn il-hwejjeġ li saru fostkom saru f’Tir u Sidon’ – Ġesù jwiddeb lil Korażajn u lil Betsajda – ‘kieku ilhom żmien li kkonvertew.’ F’dan il-paragun iebes u mimli mrar, hemm miġbura l-istorja kollha tas-salvazzjoni, qal il-Papa. Bħalma kienu qatlu lill-Profeti li ġew qablu ‘għax kienu skomdi’, issa jagħmlu l-istess lil Ġesù. Dan hu d-dramm tar-reżistenza li jagħmlu l-kapijiet tal-poplu biex ikunu salvati.
Huma proprju l-mexxejja li jagħlqu l-bibien għall-mod ta’ kif Alla jrid isalvana. B’hekk nifhmu d-djalogi qawwijin ta’ Ġesù mal-mexxejja ta’ żmienu: jillitikaw, jippruvawh, jagħmlulu n-nases biex jaraw jekk jaqax, għax huma kienu jirreżistu li jiġu salvati.
Ġesù jgħidilhom: ‘Jien ma nistax nifhimkom! Intom bħal tfal li daqqewlkom il-flawt u ma żfintux, kantawlkom għanja ta’ dwejjaq u ma bkejtux. Imma xi tridu?’ ‘Irridu niksbu s-salvazzjoni bil-mod tagħna!’ Dan hu l-għeluq għall-metodi t’Alla. Huwa atteġġjament li l-Papa Franġisku jiddistingwih minn dak tal-poplu li jemmen, li jifhem u jaċċetta s-salvazzjoni kif ġabhielna Ġesù. Salvazzjoni li, għall-kuntrarju, il-kapijiet tal-poplu rriduċewha għall-ħarsien ta’ 613-il regola li ħolqu huma bid-den intellettwali u teoloġiku tagħhom.
Huma ma jemmnux fil-ħniena u fil-maħfra: jemmnu fis-sagrifiċċji. ‘Ħniena rrid mhux sagrifiċċji.’ Huma jemmnu f’xi ħaġa sistematika, kollox eżatt f’postu u ċar. Dan hu d-dramm tar-reżistenza għas-salvazzjoni.
Aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna, għandna ġo fina dan id-dramm. Jagħmlilna tajjeb nistaqsu: kif irrid insalva jien: bi spiritwalità tajba, li tagħmilli tajjeb, imma li hi riġida, li fiha kollox hu ċar u mingħajr riskju, jew bil-mod divin, jiġifieri fuq it-triq ta’ Ġesù li jissorprendina dejjem, li jiftħilna l-bibien għal dak il-misteru tal-Omnipotenza ta’ Alla, li huwa l-ħniena u l-maħfra?
Jagħmlilna tajjeb naħsbu ftit, insista l-Papa Franġisku, li fi qlubna għandna dan id-dramm. Nirriflettu fuq il-fatt jekk jiġrilniex li nitfixklu bejn il-libertà u l-awtonomija, li nagħżlu s-salvazzjoni li jidhrilna aħna li hi tajba.
Jiena nemmen li Ġesù huwa l-Imgħallem li jgħallimna s-salvazzjoni jew immur infittex lil xi guru li jgħallimni oħra? Nimxi fi triq żgura jew ninħeba wara l-preċetti u l-kmandamenti magħmulin mill-bniedem u b’hekk inħossni żgur li – iebsa li tgħidha din – inkun ċert li nixtri s-salvazzjoni li Ġesù jagħti bi gratwità, bil-gratwità ta’ Alla? Jagħmlilna tajjeb illum nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna. U nżidu oħra: jien qed nirreżistiha s-salvazzjoni ta’ Ġesù?
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta