It-Tlieta, 7 ta’ Ottubru 2014: Meta nitolbu m’għandniex ninsew l-istorja tagħna, afferma l-Papa dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Il-Mulej hu dejjem qribna fil-mixja tal-ħajja u l-fidili m’għandhomx iħallu l-impenji tal-ġurnata jaljenawhom tant li jinsew it-talb.
Il-Mulej, qal il-Papa, għażel lill-poplu tiegħu u baqa’ miexi miegħu fid-deżert, tul ħajtu kollha. Il-Papa beda r-riflessjoni tiegħu mill-ewwel qari tal-ġurnata li fih San Pawl jiftakar f’dak li għadda minnu matul ħajtu u ma jiddejjaqx jistqarr id-dnubiet tiegħu.
Dak li Alla għamel mal-poplu tiegħu, afferma l-Papa, għamlu wkoll ma’ kull wieħed u waħda minna. Aħna konna magħżulin, aħna Nsara, saħaq il-Papa, mhux dak li jgħix tant bogħod li lanqas biss sama’ bi Kristu. Hi grazzja qal il-Papa, grazzja ta’ mħabba. Allura rridu niftakru f’din ir-realtà konkretament, kif għamel Pawlu li stqarr li hu kien persekutur qalil tal-Knisja u ma jgħidx, ‘Jien bniedem tajjeb, iben dak…,’ imma jistqarr li hu kien persekutur u bniedem ħażin. Pawlu, qal Franġisku, jiftakar fil-mixja tiegħu u jibqa’ jiftakar dak li hu kien qabel.
Din id-drawwa tal-fakra ta’ ħajjitna mhix tant popolari fostna. Aħna ninsew l-affarijiet: ngħixu l-mument u mbagħad ninsew l-istorja. Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna, storja ta’ grazzja, ta’ dnubiet, storja ta’ mixja… storja ta’ tant affarijiet.
Jagħmlilna tajjeb nitolbu bl-istorja tagħna. Pawlu, li jirrakkonta l-istorja tiegħu, jgħid ukoll: ‘Hu għażilni. Hu sejjaħli. Hu salvani. Hu kien miegħi tul il-mixja.’ Meta niftakru fl-istorja tagħna nkunu qed nigglorifikaw lil Alla, żied il-Papa. Meta niftakru fi dnubietna, li minnhom ġejna meħlusin mill-Mulej, inkunu qed nagħtu glorja lil Alla.
Hu għalhekk li Pawlu jgħid li jiftaħar biss b’żewġ affarijiet: dnubietu u l-grazzja ta’ Alla mislub. Hu kien jiftakar fid-dnubiet tiegħu u kien jiftaħar u jgħid: ‘Jiena midneb, imma Kristu msallab salvani.’ Allura kien jiftaħar bi Kristu. Din kienet il-memorja ta’ Pawlu; din hija l-fakra li aħna mistednin nagħmlu minn Ġesù nnifsu.
Meta lil Marta Ġesù jgħidilha: ‘Inti tħabbel moħħok dwar ħafna affarijiet imma hemm bżonn ħaġa waħda u Marija għamlet l-għażla t-tajba,’ ifisser li aħna nisimgħu lill-Mulej u niftakru. Ma nistgħux nitolbu kuljum qisna aħna m’għandna ebda storja warajna. U b’din l-istorja f’qalbna nitolbu bħal Marija. Imma tant drabi aħna aljenati bħal Marta, bix-xogħol tal-ġurnata, minn dak li jkollna nagħmlu, u ninsew din l-istorja tagħna.
Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, kompla jgħid Franġisku, ma tibdiex fil-jum ta’ Magħmudija – dakinhar issib is-siġill tagħha – imma bdiet meta Alla, fl-eternità, ħares lejna u għażilna. Fil-qalb ta’ Alla tibda l-istorja tagħna. Għalhekk jeħtiġilna niftakru fl-għażliet tagħna, f’dak li Alla għażel għalina u niftakru fil-mixja tal-patt. Din il-mixja tal-patt irrispettajnieha jew le? Aħna midinbin u għandna niftakruh dan u niftakru ukoll fil-wegħda ta’ Alla li ma tqarraqx, li hija t-tama tagħna. Dan hu l-veru talb.
Il-Papa temm l-omelija bi stedina biex nitolbu bis-Salm 138: ‘Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti. Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi.’
Dan hu t-talb, qal il-Papa Franġisku. It-talb ifisser li niftakru l-istorja tagħna quddiem Alla, għax l-istorja tagħna hi l-istorja tal-imħabba tiegħu lejna.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta