Il-Ħamis, 2 ta’ Ottubru 2014: L-anġlu kustodju jeżisti u mhuwiex xi duttrina tal-fantasija imma kumpann li Alla qegħdilna ħdejna fil-mixja tal-ħajja. Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija fid-Dar Santa Marta, fil-jum li fih il-Knisja tfakkar lill-anġli kustodji.
Il-qari tal-ġurnata, qal il-Papa, jippreżenta żewġ xbihat: l-anġlu u t-tifel. Alla qiegħed ħdejna anġlu biex iħarisna: jekk xi ħadd minna jemmen li jista’ jimxi waħdu, ikun qed jiżbalja bl-ikrah, ikun jaqa’ fl-iżball tant ikrah tas-suppervja – jaħseb li hu xi ħaġa, li huwa awtosuffiċjenti.
Lill-appostli Ġesù jgħallimhom li jridu jkunu bħat-tfal. Id-dixxipli kienu qed jitlewmu dwar min kien l-akbar fosthom: kien hemm kwistjoni interna, il-karriera, qal il-Papa. L-appostli kienu mħassba li jkunu aqwa minn xulxin. Mhux eżempju tajjeb dan li jagħtu l-ewwel isqfijiet, imma din hi r-realtà. U Ġesù jgħallimhom liema hu l-veru atteġġjament: dak tat-tfal, jiġifieri l-ħlewwa, il-ħtieġa tal-parir, il-ħtieġa tal-għajnuna. Għax it-tfal żgħar huma proprju s-sinjal tal-ħtieġa tal-għajnuna, tal-ħlewwa, biex jimxu ’l quddiem.
Dawk li l-atteġġjament tagħhom joqrob lejn tat-tfal huma eqreb lejn il-kontemplazzjoni ta’ Alla l-Missier. Jisimgħu b’qalbhom miftuħa u doċli lill-anġlu kustodju. Ilkoll kemm aħna, kompla l-Papa, skont it-tradizzjoni tal-Knisja, għandna anġlu kustodju magħna, li jħarisna, li jgħinna nħossu. Huwa l-leħen ta’ dak li jkun jivvjaġġa magħna. Naċċertaw ruħna li se jwassalna lejn tmiem ħajjitna bil-pariri tiegħu, u għalhekk għandna nisimgħu leħnu u ma nirribellawx.
Għaliex ir-ribelljoni, ix-xewqa li nkunu indipendenti, tinsab fina lkoll. Hija s-suppervja, dik li kellu missierna Adam fil-Ġnien tal-Eden: l-istess waħda. Tirribellax; imxi fuq il-pariri tiegħu.
Ħadd ma jista’ jimxi waħdu u ħadd minna m’għandu jaħseb li hu waħdu, kompla l-Papa, għax dejjem hemm dan il-kumpann magħna. U meta aħna ma nkunux irridu nisimgħu l-pariri tiegħu, leħnu, inkunu qisna qed ngħidulu: ‘Itlaq lil hemm!’ Hu perikoluż li nkeċċu lil hemm is-sieħeb tal-vjaġġ tagħna għax ebda bniedem ma jista’ jagħti l-pariri lilu nnifsu.
Jien nista’ nagħti l-pariri lil ħaddieħor, imma mhux lili nnifsi. Hemm l-Ispirtu s-Santu li jtini l-pariri, hemm l-anġlu li jtini l-pariri. Hu għalhekk li aħna għandna bżonnu.
Din mhix xi duttrina fantażjuża dwar l-anġli: le, hija r-realtá. Dak li qal Ġesù, li qal Alla: ‘Jien nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek, biex jakkumpanjak fil-mixja, biex ma tiżbaljax.’
Il-Papa temm l-omelija hekk: Jien illum nagħmel mistoqsija: Kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-anġlu kustodju tiegħi? Nisimgħu? Ngħidlu ‘l-għodwa t-tajba’ filgħodu? Ngħidlu: ‘Ħarisni waqt li nkun rieqed’? Nitkellem miegħu? Nitolbu l-pariri? Hu dejjem ħdejja.
Dawn il-mistoqsijiet nistgħu nweġbuhom illum, kull wieħed u waħda minna: kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-anġlu kustodju li l-Mulej bagħatli biex iħarisni u jakkumpanjani fil-mixja, hu, li dejjem jinsab fil-preżenza tal-wiċċ tal-Missier li hu fis-smewwiet?
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta