Talba għas-Sinodu fuq il-Familja


11. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 25 ta’ Marzu 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-familja, il-lum din hi waqfa xi ftit speċjali: se tkun waqfa ta’ talb.

Fil-fatt, fil-25 ta’ Marzu, fil-Knisja niċċelebraw solennement it-Tħabbira, bidu tal-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni. L-Arkanġlu Gabrijel iżur ix-xbejba umli ta’ Nazareth u jħabbrilha li sa tnissel u tiled l-Iben ta’ Alla. B’din it-Tħabbira l-Mulej idawwal u jqawwi l-fidi f’Marija, kif imbagħad jagħmel ukoll ma’ żewġha Ġużeppi, biex hekk Ġesù jista’ jitwieled f’familja ta’ bnedmin. Kemm hi ħaġa sabiħa din! Turina kemm profondament il-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, hekk kif riedu Alla, jiġbor fih mhux biss it-tnissil fil-ġuf ta’ l-omm, imma anki l-ħajja fi ħdan familja vera.

Il-lum nixtieq nikkontempla magħkom il-ġmiel ta’ din ir-rabta, il-ġmiel ta’ din il-kondixxendenza ta’ Alla; u dan nistgħu nagħmluh biex flimkien nitolbu l-Ave Maria, li fl-ewwel parti tagħha tissellef sewwa sew kliem l-Anġlu, dawk il-kelmiet li hu qal lill-Verġni. Nistedinkom nitolbuha flimkien:

“Sliem għalik, Marija, bil-grazzja mimlija,

il-Mulej miegħek.

Imbierka inti fost in-nisa,

u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù.

Qaddisa Marija, Omm Alla,

itlob għalina midinbin,

issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.

Amen”.

U issa t-tieni aspett: il-25 ta’ Marzu, solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, f’ħafna pajjiżi jiġi ċċelebrat Jum il-Ħajja. Għalhekk, għoxrin sena ilu, San Ġwanni Pawlu II f’din id-data ffirma l-Enċiklika Evangelium vitæ. Biex ifakkru dan l-anniversarju l-lum hawn preżenti fil-pjazza ħafna membri tal-Moviment favur il-Ħajja. Fl-“Evangelium vitæ” il-familja għandha post ċentrali, għax hi l-ġuf tal-ħajja umana. Il-kelma tal-predeċessur maħbub tiegħi tfakkarna li l-koppja umana ġiet imbierka minn Alla sa mill-bidu biex issawwar komunità ta’ mħabba u ta’ ħajja, u f’idejha ġiet fdata l-missjoni tal-prokreazzjoni. Il-miżżewġin Insara, meta jidħlu għas-Sagrament taż-Żwieġ, jiddisponu ruħhom biex jonoraw din il-barka, bil-grazzja ta’ Kristu, għal tul ħajjithom kollha. Il-Knisja, min-naħa tagħha, solennement timpenja ruħha biex tieħu ħsieb tal-familja li titwieled fi ħdanha, bħala don ta’ Alla għall-istess ħajja tagħha, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin: ir-rabta bejn Knisja u familja hi qaddisa u invjolabbli. Il-Knisja, bħala omm, qatt ma titlaq lill-familja waħidha, anki meta din taħbat taqta’ qalbha, hi miġruħa u tgħaddi b’ħafna modi minn tbatijiet. Lanqas meta taqa’ fid-dnub, jew titbiegħed mill-Knisja; dejjem tagħmel minn kollox biex tfittex li ddewwiha u tfejjaqha, tistedinha għall-konverżjoni u tirrikonċiljaha mal-Mulej.

Għalhekk, jekk dan hu d-dmir tagħna, hi ħaġa ċara kemm talb għandha bżonn il-Knisja biex tiflaħ, f’kull żmien, twettaq din il-missjoni! Talba mimlija mħabba għall-familja u għall-ħajja. Talba li taf tifraħ ma’ min jifraħ u tbati ma’ min ibati.

Dan hu, mela, li flimkien mal-kollaboraturi tiegħi, ħsibna li nipproponu l-lum: li nġeddu t-talba għas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq il-Familja. Intellqu mill-ġdid dan l-impenn sa Ottubru li ġej, meta se tiltaqa’ l-Assemblea Sinodali Ordinarja ddedikata għall-Familja. Nixtieq li din it-talba, bħall-mixja sinodali kollha, tkun misjuqa mill-ħniena tar-Ragħaj it-Tajjeb għall-merħla tiegħu, speċjalment għall-persuni u l-familji li għal diversi raġunijiet huma “imdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Għalhekk, imwieżna u misjuqa mill-grazzja ta’ Alla, il-Knisja tista’ tkun iżjed impenjata, u iżjed magħquda, fix-xhieda tal-verità ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu għall-familji tad-dinja, l-ebda waħda eskluża, kemm ġewwa u kemm barra l-maqjel.

Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tibqgħux lura mit-talb tagħkom. Ilkoll – Papa, Kardinali, Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, fidili lajċi – ilkoll aħna msejħa nitolbu għas-Sinodu. Ta’ dan hemm bżonn, u mhux ta’ ħafna tpaċpiċ minn taħt! Nistieden jitolbu anki lil dawk li jħossuhom ’il bogħod, jew li m’humiex imdorrija jitolbu. Din it-talba għas-Sinodu fuq il-Familja hi għall-ġid ta’ kulħadd. Naf li dal-għodu qassmulkom santa, u li qiegħda f’idejkom. Nistedinkom teħduha magħkom u żżommuha, biex fix-xhur li ġejjin titolbuha spiss, b’insistenza qaddisa, kif talab minna Ġesù. Issa nitolbuha flimkien:

Ġesù, Marija u Ġużeppi,

fikom nikkontemplaw

il-ġmiel ta’ l-imħabba vera,

u lejkom induru b’fiduċja sħiħa.

Familja Mqaddsa ta’ Nazareth,

agħmel li anki l-familji tagħna

jkunu mkejjen ta’ għaqda u ċenakli ta’ talb,

skejjel awtentiċi tal-Vanġelu

u Knejjes żgħar fid-djar tagħna.

Familja Mqaddsa ta’ Nazareth,

żomm bogħod mill-familji tagħna

kull vjolenza, egoiżmu u firda:

kull min kien miġruħ jew skandalizzat,

ħa jsib malajr faraġ u fejqan.

Familja Mqaddsa ta’ Nazareth,

agħmel li s-Sinodu li ġej ta’ l-Isqfijiet

inissel mill-ġdid f’kulħadd l-għarfien

tal-karattru qaddis u l-ħarsien bla mittiefes tal-familja,

il-ġmiel tagħha fil-pjan ta’ Alla.

Ġesù, Marija u Ġużeppi,

isimgħu u aqilgħu din it-talba tagħna. Ammen.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.