Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > In-Nisrani mhux mażokist imma hu bniedem li jaf jissaporti t-tribulazzjonijiet bil-fiduċja

In-Nisrani mhux mażokist imma hu bniedem li jaf jissaporti t-tribulazzjonijiet bil-fiduċja


It-Tlieta, 5 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

San Pawl hu ppersegwitat imma minkejja l-elf tribulazzjoni jibqa’ sod fil-fidi u jħeġġeġ lil sħabu biex jibqgħu jittamaw fil-Mulej. Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-pass tal-Atti tal-Appostli li nisimgħu fl-ewwel qari tal-liturġija tal-lum biex jirrifletti fuq tliet punti: it-tribulazzjonijiet, il-fiduċja, il-paċi. Il-Papa afferma li biex nidħlu fis-saltna t’Alla bilfors irridu ngħaddu minn waqtiet mudlama u mumenti diffiċli.

 

Madankollu, wissa l-Papa, dan ma jfissirx atteġġjament ta’ sadomażokiżmu, imma hija t-taqbida tan-Nisrani kontra l-prinċep ta’ did-dinja li jagħmel minn kollox biex jifridna mill-Kelma ta’ Ġesù, mill-fidi, mit-tama. L-Appostlu Pawlu, osserva l-Papa, spiss juża l-frażi: ‘nissaportu t-tribulazzjonijiet’.

Li tissaporti hi xi ħaġa aktar milli tieħu paċenzja, għax timplika t-toqol tat-tribulazzjoni. Il-ħajja tan-Nisrani tiltaqa’ ma’ dawn il-waqtiet. Imma Ġesù jgħidilna: ‘Dak il-ħin agħmel kuraġġ. Jiena rbaħt u anke intom tkunu rebbieħa.’ Din il-kelma hija d-dawl li jgħinna naffrontaw il-waqtiet l-aktar diffiċli ta’ ħajjitna, il-mumenti li jġegħluna nbatu.

Wara li ta dan il-parir, il-Papa kompla jgħid li Pawlu organizza dik il-Knisja, talab fuq il-presbiteri, qiegħed idejh fuqhom u afdahom f’idejn il-Mulej. It-tieni kelma hi l-‘affidament’. In-Nisrani jista’ jissaporti t-tribulazzjonijiet u anke l-persekuzzjoni meta jafda kollox f’Alla. Hu biss jista’ jtina l-qawwa, il-perseveranza fil-fidi, it-tama.

Nafdaw kollox lil Alla: il-mumenti diffiċli, lili nnifsi, il-fidili tagħna. Aħna s-saċerdoti, l-isqfijiet, nafdaw lill-Mulej il-familji tagħna, lil ħbiebna, u ngħidu lill-Mulej: ‘Ħu ħsiebhom, dawn tiegħek.’ Dit-talba mhux dejjem nagħmluha, it-talba li nafdaw f’Alla: ‘Mulej nafdalek dan… mexxi Int.’ Din hija talba Nisranija sabiħa ħafna, l-atteġġjament tal-fiduċja fil-qawwa tal-Mulej, anke fit-tenerezza tal-Mulej li hu Missier.

Meta bniedem jagħmel din it-talba minn qalbu, allura jħoss li hu f’idejn żguri għax afda lilU. Hu ma jiddeludi qatt. It-tribulazzjoni, kompla jirrifletti l-Papa Franġisku, iġġegħelna nbatu, imma meta nafdaw fil-Mulej nimtlew bit-tama u minn hawn titnissel it-tielet kelma: il-paċi.

Franġisku fakkar dak li qal Ġesù meta sellem lid-dixxipli għall-aħħar darba: ‘Inħallilkom is-sliem tiegħi, intikom is-sliem tiegħi.’ Imma mhux sempliċi paċi, sempliċi trankwillità, imma paċi li tidħol fil-fond, li ttik il-qawwa, li ssaħħaħ dak li aħna llum tlabna lill-Mulej: issaħħaħ il-fidi tagħna u t-tama tagħna.

Tliet kelmiet: tribulazzjoni, fiduċja, paċi. Fil-ħajja rridu ngħaddu mit-toroq tat-tribulazzjonijiet, imma dik hi regola tal-ħajja. F’dawk il-mumenti nintelqu f’idejn il-Mulej u Hu jweġibna billi jnissel fina l-paċi. Dan il-Mulej li hu Missier, iħobbna ħafna u ma jiddeludina qatt, żied jgħid il-Papa Franġisku, filwaqt li ssokta: Issa nkomplu ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija mal-Mulej u nitolbuH isaħħaħ il-fidi tagħna u t-tama tagħna. NitolbuH itina l-fiduċja li nirbħu t-tribulazzjonijiet għax Hu rebaħ id-dinja, u biex itina lkoll il-paċi tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: