It-Tnejn, 15 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
In-Nisrani għandu jitgħallem iħares lil qalbu mill-‘passjonijiet’ u mill-‘ħsejjes tad-dinja’ biex ikun aktar attent ħalli, f’kull ħin, jilqa’ l-grazzja t’Alla. Il-Papa Franġisku offra din ir-riflessjoni dalgħodu, waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=BfDmkLWKX50&w=560&h=315%5D
Hemm mument favorevoli biex wieħed jilqa’ r-rigal gratwit tal-grazzja t’Alla. Dan il-mument huwa ‘issa’. In-Nisrani, qal il-Papa Franġisku, għandu jkun dejjem konxju ta’ dan u għalhekk qalbu trid tkun dejjem imħejjija biex tilqa’ dan ir-rigal, qalb ħielsa mill-‘ħsejjes tad-dinja’ li huma l-‘ħsejjes tax-xitan’.
Ir-riflessjoni tal-Papa kienet imnebbħa miż-żewġ siltiet tal-liturġija tal-lum. Mill-qari meħud minn San Pawl il-Papa saħaq fuq il-frażi: ‘Tirċevux il-grazzja t’Alla għalxejn’, grazzja li l-Appostlu jgħidilna li tidher ‘issa’.
Dan ifisser, kompla jgħid Franġisku, li l-Mulej itina l-grazzja f’kull waqt, rigal b’xejn. Ejjew nilqgħuh, eżorta l-Papa, billi nkunu attenti għal dak li kompla jikteb Pawlu: ‘Min-naħa tagħna m’għandniex inkunu ta’ skandlu għal ħadd.’
L-iskandlu jtih dak li jgħid li hu Nisrani, imur il-knisja, imur għall-quddiesa fil-jum tal-Ħadd, imma ma jgħixx ta’ Nisrani. Meta persuna tkun hekk, tagħti skandlu. Kemm-il darba smajna min jgħid: ‘Ara dak, ara dik, il-Ħadd il-quddies, imbagħad jagħmel dik, dik u l-oħra…’ B’hekk in-nies jiskandalizzaw ruħhom.
Dan irid jgħid Pawlu meta jistqarr: ‘Tirċevux il-grazzja għalxejn.’ Kif, allura, irridu nilqgħuha? Qabel kollox, meta jkun il-mument propizju, jgħid l-Appostlu. Aħna rridu nkunu dejjem attenti biex nifhmu l-waqt ta’ Alla, il-mument li fih Alla jmissilna qalbna.
In-Nisrani, spjega l-Papa, jilħaq l-għatba ta’ din l-attenzjoni meta jkollu l-ħila ‘jħares lil qalbu’ billi jbiegħed minnu kull ħoss li mhux ġej mill-Mulej, billi jbiegħed minnu dak kollu li jneħħilu l-paċi.
Qalb ħielsa mill-‘passjonijiet’, li fil-Vanġelu Ġesù jsejħilhom ‘għajn għal għajn’, u li mbagħad jaqlibhom ta’ taħt fuq meta jgħidilna biex indawru wiċċna n-naħa l-oħra jew biex nimxu żewġ mili ma’ min iġegħelna nimxu mil miegħu.
Irridu nkunu ħielsa mill-passjonijiet u jkollna qalb umli, qalb mansweta. Il-qalb hi mħarsa mill-umiltà, mill-manswetudni, u qatt mill-ġlied u mill-gwerer. Dawn huma l-ħsejjes: il-ħsejjes tad-dinja, il-ħsejjes pagani jew il-ħsejjes tax-xitan.
Qalbna trid tkun fil-paċi. Ma nkunu ta’ skandlu għal ħadd ħalli ħadd ma jkollu għalfejn imaqdar il-ministeru tagħna, jgħid Pawlu. Imma Pawlu jrid ifisser ukoll il-ministeru tax-xhieda Nisranija li nagħtu, ħalli ħadd ma jkollu għalfejn jikkritikaha.
Inħarsu qalbna biex inkunu ta’ Alla dejjem, jew, kif jgħidilna San Pawl, ‘fit-tiġrib, fil-ħabs, fit-taħbit, fl-għeja, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm.’
Imma dawn huma affarijiet koroh u jien irrid inħares lil qalbi bihom biex nilqa’ l-gratwità u r-rigali ta’ Alla?, staqsa l-Papa. Iva! U kif nagħmel dan? Ikompli jgħidilna Pawlu: ‘bis-safa tal-qalb, bl-għerf, bis-sabar, bil-ħlewwa, bi spirtu qaddis’, ċioè bl-umiltà, bir-rieda tajba u bil-paċenzja li nħarsu biss lejn Alla, b’qalb miftuħa għall-Mulej li għaddej minn ħdejna.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija