It-Tlieta, 16 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Jekk inneħħu l-faqar mill-Vanġelu ma nkunux nistgħu nifhmu l-messaġġ ta’ Ġesù. San Pawl, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta, jagħmel ġabra għall-Knisja ta’ Ġerusalemm li kienet għaddejja minn mumenti diffiċli u ta’ faqar.
Il-Qdusija Tiegħu għamel riflessjoni fuq it-teoloġija tal-faqar bi spunt li ħa mill-ewwel qari tal-ġurnata. Huwa osserva li llum, bħal qabel, il-kelma ‘faqar’ dejjem hija kelma imbarazzanti. Spiss nisimgħu: ‘Imma dan is-saċerdot jitkellem wisq dwar il-faqar, dan l-isqof l-istess, l-istess jagħmel dan-Nisrani, din is-soru….’ Allura dawn xi ftit komunisti, mhux hekk?, osserva l-Papa.
Imma, wissa Franġisku, il-faqar hu proprju l-qofol tal-Vanġelu. Jekk aħna nneħħu l-faqar mill-Vanġelu, ma nkunu qed nifhmu xejn mill-messaġġ ta’ Ġesù.
Meta San Pawl kien qiegħed ikellem lill-Knisja ta’ Korintu, uriehom liema hija l-għana vera: ‘Intom għonja f’kollox: fil-fidi, fil-kelma, fl-għerf, fiż-żelu kollu u fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom.’ Din hi l-eżortazzjoni tal-Appostlu tal-Ġnus: ‘bħalma intom għonja, kunu ġenerużi f’din l-opra, f’din il-ġabra.’
Jekk għandkom tant għana f’qalbkom, din ir-rikezza tant kbira – iż-żelu, l-imħabba, il-Kelma t’Alla, l-għarfien ta’ Alla – araw li dan il-ġid jasal anke fil-bwiet. Din hi regola tad-deheb. Meta l-fidi ma tasalx sal-bwiet, mhix fidi ġenwina.
Hi regola tad-deheb dik li jgħid Pawlu: ‘Intom għonja f’tant ħwejjeġ; issa kunu ġenerużi f’din l-opra wkoll.’ Hawn dik il-kontra-pożizzjoni bejn l-għana u l-faqar. Il-Knisja ta’ Ġerusalemm hi fqira, tinsab f’diffikultajiet ekonomiċi, imma hi għanja għax għandha t-teżor tat-tħabbira Evanġelika. U din il-Knisja ta’ Ġerusalemm, fqira, għaniet lill-Knisja ta’ Korintu bit-tħabbir tal-Vanġelu; tatha r-rikkezza tal-Vanġelu.
Intom, kompla jgħid il-Papa billi mill-ġdid ikkowta lil San Pawl, li intom għonja ekonomikament u li għandkom il-ġid, għandkom tant affarijiet, kontu foqra mingħajr it-tħabbira tal-Vanġelu, imma għanejtu lill-Knisja ta’ Ġerusalemm u b’hekk kabbartu l-għadd tal-Poplu t’Alla.
Mill-faqar toħroġ ir-rikkezza, kompla Franġisku, hu skambju reċiproku. Dan hu l-pedament tat-teoloġija tal-faqar. Ġesù Kristu li kien għani bir-rikkezza ta’ Alla, ftaqar, tbaxxa minħabba fina. Hawn, għalhekk, insibu t-tifsira tal-ewwel Beatitudni: Imberkin il-foqra fl-ispirtu. Jiġifieri li tkun fqir ifisser li tħalli l-faqar ta’ Kristu jagħnik u mhux li trid tistagħna b’ġid ieħor li mhux dak ta’ Kristu.
Meta aħna ngħinu l-foqra, kristjanament ma nkunux qed nagħmlu opra ta’ benefiċenza. Dan hu tajjeb, huwa uman – l-opri ta’ benefiċenza huma tajbin u umani – imma dan mhux il-faqar Kristjan li jrid Pawlu, li jipprietka Pawlu.
Il-faqar Nisrani hu meta lill-fqir intih minn tiegħi, anke minn dak li hu meħtieġ għalija – mhux minn dak li għandi żejjed – għax naf li l-fqir se jagħnini. U għaliex il-fqir jgħinni nistagħna? Għaliex Ġesù qal li Hu nnifsu jinsab fil-fqir.
Meta nirrinunzja għal xi ħaġa, żied il-Papa, mhux minn dak li hu żejjed, biex nagħtih lill-fqir, lill-komunità fqira, dan jgħinni nistagħna. Ġesù jkun qed jaħdem fija meta nagħmel dan l-att u jkun qed jaħdem fl-ieħor biex nistagħna, jien u nagħmel dan.
Din hi t-teoloġija tal-faqar: dan għaliex il-faqar hu l-qofol tal-Vanġelu, mhux ideoloġija. Dan hu proprju l-misteru: il-misteru li Kristu sar xejn, umilja ruħu, ftaqar biex nistagħnew aħna. B’hekk nifhmu għaliex l-ewwel Beatitudni hi: Imberkin il-foqra fl-ispirtu.
Li tkun fqir fl-ispirtu jfisser li timxi f’din it-triq tal-Mulej: il-faqar tal-Mulej, li jasal biex jitbaxxa tant li jsir ‘ħobż’ għalina f’dan is-sagrifiċċju. Ikompli jitbaxxa tul l-istorja tal-Knisja, fil-memorjal tal-Passjoni tiegħu, fil-memorjal tal-umiljazzjoni tiegħu, fil-memorjal ta’ kemm tbaxxa għalina, fil-memorjal tal-faqar tiegħu. U Hu jagħnina b’dan il-‘Ħobż’, temm il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija