Il-Familja – Evanġelizzazzjoni


28. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 2 ta’ Settembru 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’din l-aħħar parti tal-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-familja, nixħtu ħarsitna fuq il-mod kif din qed tgħix ir-responsabbiltà li twassal il-fidi, tgħaddi l-fidi, kemm fi ħdanha u kemm barra minnha.

Għall-ewwel, jistgħu jiġu f’moħħna xi espressjonijiet tal-Vanġelu li donnhom ipoġġu kontra xulxin ir-rabtiet familjari u l-mixja wara Ġesù. Ngħidu aħna, dawk il-kelmiet qawwija li lkoll nafuhom u smajniehom: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt 10:37-38).

Naturalment, b’dan Ġesù ma jridx iħassar ir-raba’ kmandament, li hu l-ewwel kmandament kbir li jmiss il-bniedem. L-ewwel tlieta huma marbuta ma’ Alla, u dan marbut mal-bnedmin. U lanqas nistgħu naħsbu li l-Mulej, wara li wettaq il-miraklu tiegħu għall-għarajjes ta’ Kana, wara li kkonsagra r-rabta konjugali bejn ir-raġel u l-mara, wara li radd lura l-ulied lill-familji tagħhom, se jitlobna nkunu daqshekk bla qalb quddiem dawn ir-rabtiet! Din m’hix it-tifsira vera ta’ dan il-kliem. Għall-kuntrarju, meta Ġesù jafferma l-primat tal-fidi f’Alla, ma jsibx paragun aħjar u aktar sinifikattiv minn dak tal-ħajja tal-familja. U, min-naħa l-oħra, dawn l-istess rabtiet tal-familja, fil-qalba ta’ l-esperjenza tal-fidi u ta’ l-imħabba ta’ Alla, jiġu mibdula, “jimtlew” b’sens ogħla u jsiru kapaċi jmorru lil hemm minnhom infushom, biex joħolqu paternità u maternità usa’, u biex jilqgħu bħala aħwa wkoll lil dawk li qegħdin fit-truf ta’ kull rabta. Darba, lil min qallu li barra kien hemm ommu u ħutu jfittxuh, Ġesù wieġbu hekk, huwa u jipponta lejn id-dixxipli tiegħu: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mk 3:34-35).

L-għerf ta’ dik l-imħabba li ma tinxtarax u ma tinbiegħx hu l-aqwa dota tal-ġenju familjari. Huwa sewwa sew fil-familja li nitgħallmu nikbru f’dik l-atmosfera ta’ l-għerf ta’ l-imħabba. Il-“grammatika” tagħha hemm nitgħallmuha, inkella jkun diffiċli ferm nitgħallmuha. U hu sewwa sew dan il-lingwaġġ li permezz tiegħu Alla jgħarraf lilu nnifsu lil kulħadd.

L-istedina biex inqiegħdu r-rabtiet familjari fl-ambitu ta’ l-ubbidjenza tal-fidi u tal-patt mal-Mulej ma tbaxxihomx; għall-kuntrarju, tħarishom, tħollhom minn kull egoiżmu, iżżommhom milli jiġu fix-xejn, tqegħidhom fiż-żgur għall-ħajja li ma tintemmx. Iċ-ċirkulazzjoni ta’ stil ta’ ħajja familjari fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin hu barka għall-popli: terġa’ tnissel it-tama fuq din l-art. Meta r-relazzjonijiet ta’ mħabba fil-familja jħallu x-xhieda tal-Vanġelu tikkonvertihom, isiru kapaċi jaslu għal ħwejjeġ li ma taħsibhomx, li jġagħluk tmiss b’idejk l-għeġubijiet ta’ Alla, dawk l-għemejjel li Alla jwettaq fl-istorja, bħal dawk li Ġesù għamel għall-irġiel, in-nisa u t-tfal li magħhom iltaqa’. Tbissima sempliċi li jirnexxielna nisirqu b’miraklu mid-disperazzjoni ta’ tifel abbandunat, li jerġa’ jibda jgħix mill-ġdid, tfissrilna kif jaħdem Alla fid-dinja iktar minn elf trattat teoloġiku. Raġel wieħed jew mara waħda waħidhom, kapaċi jirriskjaw u jissagrifikaw ruħhom għall iben xi ħadd ieħor, u mhux biss għal binhom, ifissrulna ħwejjeġ dwar l-imħabba li ħafna xjenzati m’għadhomx jistgħu jifhmu. U fejn hemm din l-imħabba fil-familja, jitnisslu dawn il-ġesti mill-qalb li huma iżjed elokwenti mill-kliem. Il-ġest ta’ l-imħabba… Dan iġagħilna naħsbu.

Il-familja li twieġeb għas-sejħa ta’ Ġesù trodd lura t-tmexxija tad-dinja lill-patt tar-raġel u tal-mara ma’ Alla. Aħsbu ftit fl-iżvilupp ta’ din ix-xhieda, il-lum. Nistħajlu ftit kieku t-tmun ta’ l-istorja (tas-soċjetà, ta’ l-ekonomija, tal-politika) kellu jingħata – sa fl-aħħar! – f’idejn il-patt ta’ bejn ir-raġel u l-mara, biex imexxuha b’ħaristhom mitfugħa fuq il-ġenerazzjoni li għad trid tiġi. It-temi ta’ l-art u tad-dar, ta’ l-ekonomija u tax-xogħol, ikunu jdoqqu mużika differenti ħafna!

Jekk irroddu l-protagoniżmu – ibda mill-Knisja – lura lill-familja li tisma’ l-kelma ta’ Alla u tqegħdiha fil-prattika, insiru bħal dak l-inbid tajjeb tat-tieġ ta’ Kana, niffermentaw bħall-ħmira ta’ Alla!

Fil-fatt, il-patt tal-familja ma’ Alla l-lum huwa msejjaħ ikun f’kuntrast mad-deżertifikazzjoni komunitarja tal-belt moderna. Imma l-ibliet tagħna saru deżert minħabba li naqset l-imħabba, għebet it-tbissima. Tant divertiment, tant affarijiet biex naħlu l-ħin fihom, biex indaħħku, imma naqset l-imħabba. It-tbissima ta’ familja kapaċi tegħleb din id-deżertifikazzjoni ta’ l-ibliet tagħna. U din hi r-rebħa ta’ l-imħabba tal-familja. L-ebda inġinerija ekonomika u politika ma tista’ tieħu post dan is-sehem li għandhom x’jagħtu l-familji. Il-proġett ta’ Babel jibni torrijiet m’ogħla s-sema imma bla ħajja. L-Ispirtu ta’ Alla, mill-banda l-oħra, iwarrad id-deżert (ara Is 32:15). Hemm bżonn noħorġu mit-torrijiet u mill-kmamar imbarrati ta’ l-élites, biex nerġgħu nibdew nidħlu fid-djar u l-wesgħat miftuħa tal-kotra, miftuħa għall-imħabba tal-familja.

Il-komunjoni tal-kariżmi – dawk li jagħti s-Sagrament taż-Żwieġ u dawk mogħtija lill-konsagrazzjoni għas-Saltna ta’ Alla – qiegħda biex tibdel lill-Knisja f’post kollu kemm hu tal-familja biex hemm isseħħ il-laqgħa ma’ Alla. Ejjew nimxu f’din it-triq, u ma nitilfux it-tama tagħna. Fejn hemm familja li tgħix bl-imħabba, dik il-familja bix-xhieda ta’ mħabbitha kapaċi tkebbes il-qalb ta’ belt sħiħa.

Itolbu għalija, nitolbu għal xulxin, biex insiru kapaċi nagħrfu u nwieżnu ż-żjajjar li Alla jagħmlilna. L-Ispirtu jġib diżordni hienja fil-familji Nsara, u hekk il-belt tal-bniedem toħroġ mid-dipressjoni!

***

F’dawn il-jiem, anki fil-Lvant Imbiegħed, qed jitfakkar tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Inġedded it-talba mħeġġa tiegħi lil Sid il-bnedmin kollha biex, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, id-dinja l-lum ma jkollhiex iżjed għax iġġarrab l-orrur u t-tbatija li tbeżża’ ta’ traġedji simili – imma qed iġġarrabhom! –. Din hi wkoll ix-xewqa kontinwa tal-popli, b’mod partikulari ta’ dawk li huma vittmi ta’ bosta kunflitti mdemmija li għaddejjin fi żmienna. Il-minoranzi ppersegwitati, l-Insara ppersegwitati, il-ġennata tal-qerda, u mbagħad dawk li jiffabbrikaw u jittraffikaw l-armi, armi mċappsa bid-demm, armi maħsula bid-demm ta’ tant innoċenti. Qatt iżjed gwerra! Din hi l-karba qawwija ħierġa minn qalbna u minn qalb l-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba, u li togħla ’l fuq lejn il-Prinċep tas-sliem.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.