Patri Mario Attard OFM Cap
X’ħin rajt l-iġsma għeżież tagħhom fil-Bażilika Vatikana, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar, f’Ras ir-Randan, ma stajtx nemmen lili nnifsi. Kienet esperjenza mill-isbaħ għalija. Din l-esperjenza qabbiżli d-dmugħ! Xi grazzja li rajt quddiemi, fid-dar ta’ Alla iddedikata lil Pietru, l-iġsma mqaddsa ta’ żewġ ħuti għeżież Kapuċċini, San Piju minn Pietrelcina u San Leopoldu Madić. Il-preżenza tar-relikwi ta’ dawn iż-żewġ konfessuri kbar Kapuċċini, u kbar mhux l-għaliex kienu jilgħabuha ta’ kbar imma l-għaliex libsu ma’ qaddhom il-fardal u ma telquh qatt jaqdu fil-ministeru tal-qrar, imlietni b’kuraġġ liema bħalu!
X’qawwa ħbieb is-Sagrament tal-Qrar! Ħa nibda’ minn wieħed minnhom li kien b’rieħtu li illum, mingħajr ma jistħoqqli, jiena membru sħiħ fl-Ordni li tant ta qaddisin kbar lill-Knisja u lid-dinja, l-Ordni Franġiskan Kapuċċin. Dan m’huwa ħadd għajr San Piju minn Pietrelcina. Il-Mulej waħdu jaf is-sigħat li Patri Piju kien iqatta’ iqarar. U min qerr għandu jixhed il-mod profond ta’ kif Patri Piju kien iqarar. Tant kemm Ġesù Kristu kien jixgħel fih waqt li kien jaqdi lill-ħutu l-imgħamdin f’dan il-ministeru kbir tal-maħfra li l-penitenti kienu jidħlu f’qoxrithom, jagħmlu indiema perfetta ta’ dnubiethom u, b’qalb miftuħa, kienu jagħmlu tagħhom l-istedina li Ġesù kien għamel lill-mara midinba tal-vanġelu: “Mur, u millum ‘il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11).
Patri Piju kellu imħabba u rispett kbir lejn is-sagrament tal-qrar. F’dan is-sagrament kbir tal-ħniena Patri Piju kien jara ċ-ċavetta li biha jinfetħu bibien is-sema biex l-art tinħasel b’xita bla qies ta’ grazzji għall-penitenti sogħbiena minn dnubiethom. Kif kien kiteb lil bint spiritwali tiegħu Patri Piju qabbel il-grazzja tal-maħfra ma’ dik tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Kitbielha hekk: “Il-ġustifikazzjoni tagħna (effett tar-rikonċiljazzjoni) hija miraklu daqshekk kbir li l-Bibbja ixxebbħu mal-qawmien tal-Imgħallem Divin (Ġw 17:24; Efes 1:4). Iva, għażiża binti, il-ġustifikazzjoni tal-ħażen tagħna hija tali li wieħed jista’ jgħid li l-Mulej juri qawwietu fil-konverżjoni tagħna”. Dan meta wieħed iqis li “l-midneb, minħabba li huwa … ħlejqa ħielsa, jista’ jirreżiżti lix-xewqat kollha divini”.
It-tieni messaġġ li joħroġ konfessinarju ta’ Patri Piju huwa li l-metodu tiegħu tal-qrar kien jgħin lill-penitent biex qatt ma jħalli ruħu jiġi mkaxkar mill-bruda għat-talb, għas-sagrifiċċju, mid-dinja u mill-indifferenza tas-sekulariżmu li illum qed idallam tant kuxjenzi. Patri Piju kien iħobb jgħid: “Jekk il-konfessuri iqarru kif għandhom iqarru l-penitenti jkunu kif għandhom ikunu”. Patri Piju jippreżenta ruħu bħala mgħallem kbir tal-ħajja pastorali. Huwa jgħallimna li permezz ta’ dan is-sagrament in-Nisrani jiġi iffurmat tabilħaqq. Mhux ta’ b’xejn mela li San Ġwann Pawlu II, nhar it-23 ta’ Mejju 1987, faħħru “għad-dedikazzjoni u d-disponibbiltà tiegħu għall-erwieħ, l-aktar ta’ dawk li huma maqbuda fix-xbiek tad-dnub u fl-isqaqien tal-miżerja umana”.
L-aħħar aspett li Patri Piju jgħallimna mill-konfessinarju tiegħu hu li mad-dnub ma niddjalogawx. Irridu naħsdulu rasu. Ma kienx jaċċetta kompromessi u rabta mal-ebda dnub u vizzju. Il-gideb, l-għira u t-traskuraġni fid-dmirijiet Insara sabu f’Patri Piju s-saċerdot li kien isejjaħ lir-ruħ biex tidħol fiha nnifisha ħa tikkoreġi ruħha. B’daqshekk imma Patri Piju qatt ma irrifjuta jew abbanduna lil ħadd. Anzi! Meta l-penitent kien ikun sinċier fil-qrara tiegħu kien isib f’Patri Piju għalliem li jgħinu jibdel fehmtu midinba, jara ħajtu mill-ġdid, jagħmel użu mill-mezzi spiritwali u jaħrab kumpaniji u okkażjonijiet li jwaqqgħuh fid-dnub. B’dixxerniment kbir Patri Piju kien jaf jiddistingwi u juri qalb mimli ħniena meta l-okkażjoni kienet titlob hekk.
Jingħad li wieħed minn uliedu spiritwali waqa’ fi dnub gravi. Dan tant kemm beża’ jmur għand Patri Piju biex iqerr li sab Patri ieħor u qallu biex jgħaddilu kelma hu miegħu. Meta Patri Piju sema’ l-istorja qal lil dan il-Patri: “Ibni! Għaliex qed tistagħġeb b’dan li ġara? Ma tafx li jekk il-Mulej ifettilu, imqar għal waqt wieħed biss, jgħolli jdejh minn fuq rasek u rasi, aħna nkunu kapaċi nagħmlu ħafna agħar minhekk? Mur! Għidlu jiġi malajr”.
It-tieni ikona tal-ħniena ta’ Alla, murija lilna permezz ta’ dan is-sagrament kbir tal-ħniena, hija San Leopoldu Mandić. Dan il-Patri Kapuċċin qaddis huwa wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ din is-Sena Ġubilari tal-Ħniena. Patri Leopoldu, konfessur umli u pijunier tal-ekumeniżmu spiritwali, offra l-ministeru tiegħu tal-qrar għall-għaqda sħiħa bejn il-Knisja tal-Lvant u dik tal-Punent.
Kemm jaffaxxinani l-eżempju ta’ dan ħija umli, qsajjar, fqir u dgħajjef minn saħħtu. Madankollu l-qawwa li kellu fl-ispirtu tiegħu kienet issammrek. Patri Leopoldu kellu don li jiftaħ il-kuxjenzi ta’ ħafna għall-grazzja u għall-konverżjoni. Twieled fl-1866 fid-Dalmazja. Għex is-saċerdozju u l-ħajja ikkonsagrata Kapuċċina tiegħu fis-skiet u fl-umiltà għal 52 sena sħaħ. Fl-omelija tiegħu f’nhar il-kanonizzazzjoni ta’ San Leopoldu, fis-16 ta’ Ottubru 1983, San Ġwann Pawlu II fakkar li Patri Leopoldu kien dejjem “lest u daħkan, prudenti u meqjus.” Kien “mgħallem rispettuż u għaqli”. “Kunsillier spiritwali, li jagħder u mimli sabar”. Ma kienx idum iqarar il-persuna. Iżda, kif qal San Ġwann Pawlu II, “il-ħniena ta’ Alla hija superjuri għal kull aspettativa tagħna”. Baqa’ jqarar sal-aħħar sigħat qabel mewtu li seħħet nhar it-30 ta’ Lulju 1942. Il-ministeru tiegħu tas-sagrament tal-qrar kien dejjem imħeġġeġ mix-xewqa taħraq li kellu tħeġġeġ fih il-ħin kollu: L-għaqda tal-Insara. Patri Leopoldu huwa l-qaddis tar-rikonċiljazzjoni.
Fl-omelija tal-kanonizzazzjoni ta’ dan il-konfessur umli Kapuċċin San Ġwann Pawlu II fakkru b’dan il-mod:
“San Leopoldu ma ħalliex warajh opri teoloġiċi jew letterari. Ma affixxinax bil-kultura tiegħu. Ma waqqafx opri soċjali … Żgur li le. Kien Patri fqajjar, qsajjar, marradi. Il-kobor tiegħu huwa f’li jissagrifika ruħu, f’li jingħata, jum wara jum, il-ħin kollu tal-ħajja saċerdotali tiegħu … F’dan qiegħed il-kobor tiegħu. F’dan l-għejbien tiegħu biex jagħmel post għar-Ragħaj veru tal-erwieħ. Il-qaddis tagħna wera l-impenn kollu tiegħu meta kien jgħid hekk: ‘Naħbu kollox, anki dak li jista’ jkollu d-dehra ta’ don ta’ Alla ħalli xejn ma jsir negozju. Lill-Mulej waħdu kull ġieħ u glorja! Jekk inhu possibbli aħna ngħaddu mid-dinja bħad-dell li ma jħallix traċċi tiegħu innifsu”.
Wieħed mill-konfessuri kbar Kapuċċini Maltin, il-mibki Patri Stiefnu Barbara OFM Cap, kien iħobb jgħidli: Il bene non fa chiasso. E il chiasso non fa bene! Jiġifieri “it-tajjeb ma jagħmilx storbju. U l-istorbju ma jagħmilx tajjeb!” Patri Stiefnu kien wieħed mill-ħafna Patrijiet Kapuċċini konfessuri qaddisin li bihom il-Mulej tant għamel ġid lil bosta erwieħ, fis-fosthom dawk saċerdotali u reliġjużi, fis-skiet u l-ġabra. L-istess bħalma kien għamel San Leopoldu tant snin qabel fil-kunvent tagħna ta’ Padova. Kemm penitenti, l-aktar saċerdoti, gawdew mill-ministeru ġeneruż, umli u għaref ta’ dan il-konfessur kbir.
San Leopoldu kien jgħid: “L-imħabba ta’ Ġesù qatt ma tgħejja milli tirrepeti ruħha. Hija nar li jiġi mħeġġeġ mill-injam tas-sagrifiċċju u l-imħabba tas-salib. Jekk ma tintemgħax hekk allura tintefa’. Għalkemm midneb din hija x-xewqa ta’ ħajti bħala Patri u konfessur Kapuċċin.