Jum bix-xita


Patri Mario Attard OFM Cap

F’dawn iż-żminijiet, mis-sema, nibdew nistennew bil-ħerqa x-xita f’waqtha. Ħalli artna ma ċċaħħadniex mill-frott tagħha.

Ix-xita! Traxxax, traxxax! It-temp ċombi. Li, għal min iħobb l-arja ta’ barra, jħossu qed jaqflu ġewwa. Imma tgħid kulħadd iħobb joqgħod barra f’dawn iż-żminijiet? Fejn it-temp jibda’ jiksaħ? Fejn il-jiem jibdew jiqsaru? L-għaliex, bħal donnu l-ħajja, tibda’ tgħajjat għall-kelma waħda: ġabra, ġabra?

Taħt is-sema jeżiżtu minn kull tip ta’ nies. Inklużi dawk li jħobbu joqgħodu ġewwa. Aktar u aktar fil-jiem kesħin tax-xitwa. Fejn ix-xita, bl-ilma li tagħtina, tiskoraġġina milli noħorġu niġru ‘l barra. U, minflok, insibu l-għaxqa tagħna għall-irdoss ħelu tad-dar. L-għaliex nippreferu noqgħodu komdi komdi fi djarna. Dan il-mument partikulari jaf joffri għadd ta’ opportunitajiet li l-għaġla tal-ħajja ta’ kuljum ma tħalliniex ingawdu.

Meta l-jum ikun kollu bix-xita, b’dak is-sema griż li meta narawh biss jaf iqabbdilna uġiegħ ta’ ras mill-kbar nett, minn hawn tispunta l-ideja prattika li, dak li jkun, joqgħod ftit fuq is-sufan, jew fuq is-sodda, imgeżwer tgerwiża tajba fil-kutri u joqgħod jara xi DVD sabiħ. Inkella xi programm favorit fuq it-televiżjoni. Sintendi m’humiex se jonqsu lanqas dawk li jidħlu fil-ktieb ikħal online, jiġifieri l-Facebook. Kemm biex jaraw x’kummenti qiegħdin jibgħatulhom fuq xi post jew comment li jkunu tellgħu huma u, kif ukoll, biex jissindikaw ftit fuq xi jkun qed jingħad bħalissa. Mhux l-ewwel darba li, meta jkunu fil-kwiet, abbli f’xi ġurnata kiesħa tax-xitwa, jaf jitla’ dak l-isem u l-kunjom tal-ħabib u l-ħabiba tal-iskola. Jew tax-xogħol. Inkella tar-rikrejazzjoni fejn ikunu iltaqgħu miegħu jew magħha. U xi tkun is-soluzzjoni? Mhux tidħol tfittxu jew tfittixha online? Ħalli, jekk issibu jew issibha, tibgħatlu jew tibgħatilha l-friend request?

Hawn min, f’ġurnata xitwija, imur iqalleb fl-albums tal-familja u jerġa’ jinżel, ħelu ħelu, fil-passat. Wara xi berqa fil-bogħod il-bogħod, li tixgħelilna ftit il-kċina, ilkoll ninġabru madwar il-mejda biex nieħdu dik in-naqra tè jew kafè. Jiddependi dejjem mill-gosti tiegħi u tiegħek. Imbagħad, l-id maġika ta’ xi ħadd, ġeneralment tal-omm, tiftaħ l-famuż album tat-tifkiriet. “Iii! Ara! Tiftakarha? Tiftakru? Titfakarhom?” Oh! Kemm stejjer u rakkonti! Kemm ġera bina ż-żmien! Filli konna naħdmu fit-tali u t-tali fabbrika, fil-bum magħruf tal-fabbriki. Fejn, b’naqra għaqal, konna ngħaddu ta’ sinjuri żgħar. U, filli issa, uliedna iżżewġulna u għamluna nanniet. Jekk mhux ukoll bużnanniet!

Ir-ritratti tal-album ifakkruna kemm il-ħajja inbidlet f’pajjiżna. Fil-mod ta’ ħsieb, fl-attitudnijiet, fix-xejra ta’ kif inżommu ruħna u l-bqija. Imma, bejn paġna u oħra tal-album, donnha toħroġ spontanja il-karba: “Dak kien żmien!” Iva! Kien żmien! Fejn bix-xejn tgħidx kemm konna nieħdu pjaċir. Fejn, bi ftit flus, konna nagħmlu l-isbaħ ikliet. Fejn konna niddevertu b’ballun taċ-ċarruta. Inkella nilgħabu l-ħarba jew il-passju. Immorru ngħoddsu għar-rizzi. Jew naqbdu l-imħar u t-tamal. U mbagħad, meta konna immorru għand in-nanna, galor tafux!

F’jum xitwi ikun hawn min jitħajjar mill-ġdid joħroġ il-mazz tal-karti ħa jilgħab ma’ sħabu. Niftehmu! Forsi għal xi 50 ċenteżmu ta’ Ewro ‘il logħba. Imma, hawn min li dan ma jittollerahx! Anzi, iberraqlu! Għalhekk flus xejn! Għax il-vizzju malajr jaf jibda’ jikber ħabib! Jirraġunalek. Insomma! Hemm arahom telgħin il-logħbiet ta’ qabel! It-trentun. Ir-Rummy jew il-Bella Donna. Hi x’inhi l-logħba ejja nieħdu gost flimkien. Basta nqattgħu ftit ħin flimkien u nbegħdu minna s-solitudni.

Imma ħej, stenna naqra! X’konna nagħmlu meta konna żgħar? Jew x’konna ninutaw fil-ġenituri u n-nanniet tagħna? Li meta xi ħadd minn tat-triq kienu jkunu ilhom ma jarawh dlonk kienu imorru jħabbtulu ħa jaraw għandux bżonn xi ħaġa. Kos hux! Kemm ilni ma nara t-talija! U t-taliI Li qiegħdin jgħixu waħedhom! Inkella li tilfu lil xi ħadd għażiż! U jien x’ħa nitlef imbilli nagħtihom telefonata?

Ara! Ġib it-telefon l’hawn ħa nara kif inhi! U kif inhu! Għax, minkejja l-bard, jum xitwi mhux talli ma jkessaħlix qalbi talli aktar jkebbishieli bl-imħabba lejn il-proxxmu. Lejn min qed ibati!

  1. Karmenu. Komunita fgura
    January 22, 2017 at 8:48 am

    Prosset hafna tal-hsibijiet sbieh li tohrog biejhom. Il-paci kbiera mieghek.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: