Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > l-Korp tal-Pulizija għandu bżonn il-ħelsien biex jaqdi dmiru mill-aħjar li jista’

l-Korp tal-Pulizija għandu bżonn il-ħelsien biex jaqdi dmiru mill-aħjar li jista’


L-Erbgħa, 12 ta’ Lulju: L-Arċisqof Charles J. Scicluna jiċċelebra Quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija.

318851-600xNone

 

L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Grazzi lill-Eċċellenza President ta’ Malta u lis-Sur Preca tal-preżenza tagħkom fostna llum, u lill-President tal-Kamra, il-Ministri tal-Gvern. Merħba b’mod speċjali lill-Korp tal-Pulizija, immexxi mill-Kummissarju tal-Pulizija. Insellem ukoll lill-Avukat Ġenerali u lil tant mistednin distinti oħrajn. Nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza.

Xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet ispirati wkoll mill-kelma t’Alla li għadna kemm smajna. L-Ewwel Qari huwa qari drammatiku ħafna; jintroduċina għall-qari ta’ matul il-ġimgħa, il-personaġġ ta’ Ġużeppi. Ġużeppi, wieħed mit-tfal ta’ Ġakobb, wieħed miż-żgħar għax Ġakobb, kif tafu, kellu tnax-il wild li saru t-tnax-il tribu ta’ Ġakobb jew ta’ Iżrael, għaliex l-isem l-ieħor ta’ Ġakobb huwa Iżrael, u kull wild ta’ Ġakobb ta isem lit-tribu, lill-familja li tnisslet minnu.

L-inġustizzja m’għandhiex l-aħħar kelma fl-istorja tal-umanità.

Ġużeppi kien inbigħ minn ħutu lill-Medjanin minħabba l-għira, li mbagħad biegħuh lill-Eġizzjani. Imma Ġużeppi, il-Mulej kien miegħu, u hu laħaq Gvernatur fl-Eġittu. F’mument ta’ għaks kbir il-Mulej inqeda bih biex jipprovdi l-ikel lil min kien biegħu. Lil min kien ried joqtlu, imbagħad, għamillu l-ikbar ħsara: biegħu bħala skjav.

L-istorja ta’ Ġużeppi hija storja kommoventi għax naraw illi l-inġustizzja m’għandhiex l-aħħar kelma fl-istorja tal-umanità. Il-Mulej, b’mod misterjuż, jippermetti l-inġustizzja. Kultant induru lejh u ngħidulu “Imma għaliex? Għaliex tant innoċenti għandhom ibatu?” Anke jekk naraw l-ibħra ta’ madwarna, il-Mediterrran. Għaliex baħar tant sabiħ għandu jsir ċimiterju għal tant nies? Għaliex ġuvni jew xebba għandhom imutu minħabba overdose? Xi kliem għandi jien biex inkellem il-ġenituri ta’ dawn in-nies?

Aħna rridu nemmnu, anke l-istorja ta’ Ġużeppi tagħmlilna kuraġġ, li hemm qawwa kbira fil-bniedem, fl-umanità, u din ġejja wkoll bl-għajnuna ta’ Alla li taf tbiddel ċirkustanzi diffiċli ħafna f’opportunitajiet ta’ ġid. Huwa kommoventi ħafna li tara l-qalb ta’ Ġużeppi, li ħin minnhom tibbies għal ħutu u jwaddabhom il-ħabs imma mbagħad, meta jismagħhom jitkellmu bil-lingwa ta’ missieru, bil-lingwa tiegħu stess, u qed jismaghom li jiddispjaċihom talli għamlulu mingħajr ma qegħdin jgħarfuh, iwarrab biex jibki waħdu.

Kif tafu, l-istorja tkompli meta jibagħtlu lil Benjamin, ħuh iż-żgħir. Imma mbagħad ikun hemm rikonċiljazzjoni kbira bejn il-familja kollha ta’ Ġakobb, u Ġużeppi jsir dan is-simbolu kbir ta’ xi ħadd li jantiċipa anke dak li jagħmel magħna Ġesù, li għalkemm trattat ħażin, isir għajn ta’ ġid għas-soċjetà.

Ħafna drabi aħna naraw id-dgħufija u n-negattiv u ninsew ngħidu grazzi ta’ tant ħidma.

Jiena nixtieq insellem ukoll membri tal-Korp li waqt id-dover tagħhom jiġu ttrattati ħażin mill-kriminali, kultant mill-pubbliku wkoll, u li jirrendi x-xogħol tal-Korp mhux faċli. Jiena nixtieq infaħħar u ninkoraġixxi l-ispirtu ta’ ċiviltà li hemm fil-Korp, l-ispirtu li għalkemm it-tentazzjoni tkun ħafna qawwija, ma tirrispondix bl-istess tip ta’ lingwaġġ jew bl-istess proporzjon ta’ vjolenza. Il-Korp m’għandux x’jaqsam mal-vjolenza, għandu bżonn il-forza biex iġib id-dixxiplina; huwa forza u mhux vjolenza. U din hija t-talba tiegħi: li kemm il-Korp tal-Pulizija u kif ukoll l-Armata, jużaw il-forza biex jiddefendu l-ġid komuni u qatt ma jinżlu għat-tentazzjoni li l-forza ssir vjolenza inġusta.

Il-Korp mhux qiegħed biex jaqdi xi partit fil-poter, imma qiegħed biex jaqdi ċ-ċittadini kollha.

Nixtieq ukoll nirringrazzja ’l Alla tal-ħidma kollha li l-Korp jagħmel kontra l-kriminalità, b’mod speċjali kontra l-kriminalità organizzata, il-kriminalità li qed tħassar tant familji u tant żgħażagħ bil-pjaga tad-droga. Ħafna drabi aħna naraw id-dgħufija u n-negattiv u ninsew ngħidu grazzi ta’ tant ħidma. Importanti ħafna li l-Korp ikompli jispeċċjalizza fl-oqsma differenti tal-investigazzjoni u l-modi effikaċi biex jikkumbatti l-kriminalità. Il-Korp għandu bżonn mhux biss l-awtonomija minn kull poter ieħor tal-Istat, imma għandu wkoll bżonn il-mezzi biex ikun jista’ jaqdi dmiru mill-aħjar li jista’.

Aħna nirringrazzjaw lill-Korp talli minn dejjem kien preżenza li liċ-ċittadin iserraħlu moħħu. Aħna nawguraw li din it-tradizzjoni qawwija u sabiħa tkompli. Il-Korp mhux qiegħed biex jaqdi xi partit fil-poter, imma qiegħed biex jaqdi ċ-ċittadini kollha, biex il-ħarsien tal-liġi jkun garantit lil kulħadd bl-isess mod. U għalhekk jiena nitlob għalikom.

B’mod speċjali qed nara r-responsabbiltà tal-Korp. Uħud minnkom forsi niftakarhom anke f’xi kors tal-etika xi għoxrin sena ilu, forsi dawn diġà telqu, il-Kummissarju mbagħad jgħidli wara. Imma jien inħoss li kienu żminijiet li ħallew frott, meta fil-Korp kien hemm enfażi li wieħed irid verament jimxi skont il-kodiċi ta’ etika, li s-sisien tiegħu huma r-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna umana u fl-istess ħin jiggarantixxi r-regola tal-ligi, ir-rule of law, lil kulħadd.

Jiena nitlob ħafna għalikom, nitlob għal dawk ukoll li ħallewna u li ħadmu fil-Korp u li issa qed jieħdu l-premju li ħaqqhom fil-ħniena ta’ Alla. Nitlob għal dawk li setgħu weġġgħu fuq ix-xogħol u għall-familji tagħhom. Nitlob ukoll għall-uffiċjali l-ġodda biex ikomplu fit-tradizzjoni sabiħa li jassiguraw is-sikurezza fil-pajjiż, l-ordni fil-komunitajiet tagħna b’qadi sħiħ lejn ir-Repubblika ta’ Malta li, kif qalet il-President fl-indirizz tagħha lill-għola istituzzjoni tagħna, il-Parlament, ir-repubblika hija familja ta’ ċittadini fejn kulħadd għandu jħoss li għandu l-istess drittijiet imma wkoll l-istess doveri.

Il-Mulej iqaddes lil din l-art ħelwa u permezz tagħkom, għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija, f’dan il-jum li għoġobkom tiġu quddiem Alla, il-Mulej jagħti difiża neċessarja lill-pajjiżna, is-sikurezza li għandna bżonn, u lilkom jagħtikom saħħa, għerf u dehen.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: