Lectio Divina: 7 Ħadd matul Sena A

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 5, 38-48):  Meta nagħmlu xi ħaġa tajba, mqar nuru t-triq lil xi turist, nistennew il-grazzi jew almenu tbissima.  Hija fin-natura tagħna li nimxu b’mod reċiproku.  Jien għamiltlek il-ġid: nistenna li int tpattili bl-istess mod.  Inqisu dan bħala ġustizzja; bħal meta ngħidu: “Alla ġust għax jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena.” 

Dan raġunar tagħna. Alla ma jirraġunax hekk.  Biex jien nirraġuna bħalu allura rrid naċċetta  li ma’ ħija l-kontijiet mhux bil-fors jibbalanċjaw ruħhom.  Jekk  jien nagħmillu sitt pjaċiri mhux  bil-fors li hu jagħmilli sitta oħra biex dejjem inkunu ‘square’. Immaġina kieku kelli npatti lil Alla tal-grazzji kollha li jtini kuljum!  Dan l-ibbalanċjar Ġesu jsejjaħlu “il-ġustizzja tal-Fariżej u l-Iskribi”.  Jekk il-ġustizzja tagħna ma tmurx lil hinn  minn din, m’għandniex ċans nirfsu l-għatba tal-Ġenna.  Hawn mhux qed jgħid għall-Ġenna ta’ wara l-mewt imma din t’issa fejn nagħmlu parti mill-ordni ġdid li Ġesu waqqaf permezz tal-Knisja, u li tgħinna  biex ngħixu l-Ġenna minn issa.

 Ġesu ma jikkundannax ir-raġunar l-antik, imma jgħid lin-Nisranija li issa jrid jagħmel pass ‘il quddiem.  Ir-rapport tiegħi miegħek se jkun ibbażat mhux bil-calculator jew kemm se niggwadanja jien, imma fuq gratuwita totali.  Jien nagħmillek il-ġid għax irrid narak kuntent u rridek tgħix ħajtek fil-milja tagħha.  Irrid inpoġġi ħajti għas-servizz tiegħek, saħansitra jekk tagħmilli xi deni.  Din hi l-vera formola tal-imħabba – il-ġustizzja l-ġdida.  Min jagħmel hekk sinjal li hu mbuttat mill-Ispirtu Divin li l-Missier poġġielu f’qalbu. Bniedem hekk iħalli l-imħabba tmexxieh, għax din l-imħabba hija l-istess ħajja li hi r-rigal t’Alla lill-bniedem.  Dawk li  jimxu f’din it-triq  jistgħu jissejħu tabilħaqq ulied Alla.  Fjura tfewwaħ madwarha, mhux biex taqla’ xi prosit, imma għax dik hi n-natura tagħha.  L-istess in-Nisrani: iħobb mhux għal xi premju imma għax din hi n-natura tiegħu.  Jekk il-fjura tintrifes, xorta tibqa’ tarmi l-fwieħa.  L-istess in-Nisrani.  Ġesu jkompli bil-ħames u s-sitt eżempji (l-ewwel erbgħa rajnihom il-Ħadd li għadda):

  • “Għajn għal għajn…”  Ħafna jifhmuha ħażin dil-liġi tat-Torah. “Int fqajtli għajni mela jien għandi dritt nagħmel l-istess lilek.” Mhux hekk.  Xi wħud li kienu jirċievu mqar girfa, kienu jesaġeraw fit-tpattija, anki bil-mewt.  Allura fit-Torah inkiteb li jekk wieħed tajjarlek sinna, almenu tajjarlu sinna biss u daqshekk.  Din kienet titqis bħala l-ħaġa ġusta li twaqqaf il-barbariżmu fil-vendikazzjoni.  Ġesu jimxi pass ‘il quddiem.  “Issa jien ngħidilkom ….. la tiqfulux.”  Mhus biss ma nesaġerawx imma ma npattuha xejn.  Mhux “inħobbok biss daqs kemm int tħobb lili” imma “inħobbok ġenerożament, gratwitament, bla limiti u bla kundizzjonijiet.”  Alla ma jħobbx it-tajbin biss imma lil kulħadd.  Biex ikompli jispjega, Ġesu jtina erba’ eżempji:    (a)  “Daqqa ta’ ħarta…”  kienet titlob multa ta’ xahar paga.  “..dawwarlu ħaddek l-ieħor…” tfisser li int tieħu pożizzjoni b’tali mod li turih li m’intix se tpattihielu, m’intix se titlob minnu xahar paga, m’intix se tirrejaġixxi bi vjolenza imma b’imħabba.  Min iħobb, mhux dejjem jgħannaq u jbus.  Kull tant missier ikun iebes m’ibnu biex jikkoreġieh, dejjem b’imħabba.  Mela, f’dal-każ tad-daqqa ta’ ħarta, Nisrani tajjeb, imqanqal mill-imħabba, juri lill-ieħor li żbalja u jfittex biex jedukah u jikkoreġieh.  Kull tant ikun hemm bżonn tirrapurtah lil xi awtorita – p.e. jekk ikun taħt l-eta, tgħid lill-ġenituri. (ara x’qal Ġesu quddiem Kajfa wara d-daqqa ta’ ħarta).  (b) “Min jeħodlok il-libsa…”  In ġenerali, Lhudi kien jilbes libsa fuq xejn, imbagħad mantar fuq il-libsa.  Għall-fqir il-mantar kien iservi wkoll bħala kutra bil-lejl.  It-Torah kien iebes ma’ min jisraq mantar lil wieħed fqir.  Ġesu hawn hekk irid jgħid: jekk wieħed jisraqlek ħwejġek, u biex tikkoreġieh trid ittellgħu il-qorti, allura għamel hekk basta mqanqal minn imħabba sinċiera u mhux minn tpattija.  (c)  “Mil..żewġ mili…”  Iz-zeloti kienu jgħidu li min iġagħlek tmur miegħu mil, mur.  Imma mal-ewwel ċans imbuttah f’xi rdum u għid li żelaq.  Kontra dan Ġesu jgħid:  “Mur miegħu żewġ mili għax fit-triq tista’ tgħallmu jimxi aħjar mal-proxxmu. (d)  “Min jissellef…” żgur li kien ikun wieħed fil-bżonn. Kien isib min isellfu imma b’imgħax. Ġesu jgħid lin-Nisrani li għandu jsellef  lill-fqir mhux biss bla imgħax imma anki b’riskju li ma jiħux flusu lura.
  •   Il-kliem “.. u obgħod lil-għadu tiegħek” ma nsibuhomx fl-Antik Testment.  Ħaduha “for granted” il-Lhud.  “Issa jien ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Il-verb magħżul għal “ħobbu” huwa “agapann” – i.e. ħobb kif iħobb il-Missier.  Biex in-Nisrani jasal biex iħobb b’dan il-mod, irid jitlob għall-ghedewwa – mhux rużarju u talb ieħor, imma talb fejn wieħed  tant ikollu relazzjoni intima mal-Missier li jasal biex jara l-proxxmu, hu min hu, bl-għajnejn t’Alla.  Mela n-Nisrani hawn irid jitlob mhux għall-merti jew għall-premju, imma biex jitgħallem iħobb bla ma jistenna rikompens.  Imħabba bħal din anki tasal għand l-għedewwa, għand min naqasni jew ippersegwitani.  Din l-imħabba twassal għal twelid ġdid – dak ta’ ulied Alla. Alla jtella’ x-xemx fuqi kemm meta nkun tajjeb u kemm le.  Kif hi fin-natura t’omm li tħobb lil binha, jagħmel x’jagħmel, hekk il-Missier. Jekk nagħmel bħalu li hu perfett, jien inkun qed noqrob jum wara jum lejn din il-perfezzjoni. 

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading