Home > Lectio Divina > Lectio Divina: Għid il-Ħamsin. Sena A

Lectio Divina: Għid il-Ħamsin. Sena A


Vanġelu:  Illum jagħlaq żmien il-Ġħid:  ħamsin jum fejn rajna r-raġuni tal-eżistenza tagħna permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu.  Is-silta terġa’ teħodna f’jum il-Qawmien filgħaxija meta l-Appostli raw lil Kristu rxoxt: “raw” mhux biss bl-għajnejn materjali imma b’tal-Fidi wkoll: “imberkin ta’ qalbhom safja, għax dawn jaraw ‘l Alla.”  L-Appostli ferħu għax raw kif u fejn spiċċat il-ħajja ta’ min jagħti lilu nnifsu għall-oħrajn.  Jekk aħna jkollna qalb safja, jirnexxilna wkoll naraw lil Kristu kif rawh l-Appostli.

  1. “Ġesu ġie u qagħad f’nofshom”: mhux “dehrihom”, qisu xi ruħ. Issa għandu preżenza stabbli ġdida li setgħu jarawha  dawk li jaraw bl-għajnejn tal-Fidi.  Qabel il-Qawmien, Ġesu normalment seta’ jkun f’post wieħed u ħdejn dawk ta’ madwaru (jekk mhux b’xi miraklu).  Issa  seta’ u għadu jista’ jkun preżenti f’kull komunita (fejn hemm tnejn jew tlieta…).   Aħna żgur ħassejna dil-preżenza f’ħajjitna, bħalma wkoll ħassejna n-nuqqas tagħha f’mumenti ibsin jew ta’qtigħ il-qalb.
  2. “Il-paċi magħkom.” Urihom idejH u l-kustat. Dawn se jsiru l-identita ta’ Ġesu.  L-idejn, fil-kunċett Semitiku, jirrappreżentaw il-qawwa, il-poter, u x-xogħol li jwettqu.  Fl-Antik Testment, l-Id t’Alla kienet interpretata bħala dik li wettqet il-ħolqien, imma anki bħala kastig: “Il-leminija Tiegħek farrket l-għedewwa.” (Esodu).  Ġesu ried jikkoreġi din l-idea.  Wera jdejH lid-dixxipli u qalilhom: “Hekku l-idejn t’Alla: l-istess idejn li ħaslu riġlejn l-Appostli, qdew u wettqu atti ta’ mħabba.”  Dan ifisser li Alla ġie biex iservi u mhux biex jiġi servut.  Poġġa jdejH għas-servizz tal-bnedmin.  Idejn Kristu ġew imsammra ma’ salib biex juru li idejn Alla mhux se jikkundannaw u jikkastigaw imma se jgħannqu u jħobbu anki l-akbar midneb.  Dawn l-idejn missew l-imġiddmin, l-għomja, z –zopop u l-mitrugħin.  Ħaddnu saħansitra t-tfal u b’hekk skandalizzaw lid-dixxipli, għax it-tfal kienu meqjusin bħala mpuri.  Idejn Alla ġew irrivelati f’idejn Kristu.  Idejna jridu jsiru jixbhu lil dawn l-idejn, biex, meta jkomplu x-xogħol ta’ Kristu, Alla jissebbaħ.
  3. Il-Kustat: hawn min jaħseb li Ġesu aħjar ma sofriex dik il-passjoni kollha; jew issa li ġrat aħjar ninsewha. Il-kustat minfud b’lanza ifakkarna l-ħin kollu fil-Passjoni, f’Alla u fl-imħabba kbira li wera għalina.  Dawn il-feriti juruna l-wiċċ veru t’Alla li jħobb sal-għotja totali Tiegħu nnifsu.  Juruna wkoll l-identita  ta’ Ġesu, il-quċċata tal-imħabba Tiegħu, dik ta’ namrat miġnun bl-imħabba wara n-namrata tiegħu.  Mill-kustat ħarġu demm u ilma.  Id-demm hu simbolu tal-ħajja, dik mogħtija lilna li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem, ħajja li l-ebda mewt ma tista’ tmissa.  Il-qtar tal-ilma huma simbolu tal-Ħajja Divina, il-Ħajja tal-Ispirtu.
  4. L-Appostli ferħu meta raw lil Ġesu, għax min jiftaħ għajnejh beraħ u jara bl-għajnejn tal-Fidi, ma jistax ma jifraħx meta ħajtu tkun imdawwla b’dan il-mod.
  5. “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom. Morru! Komplu dak li bdejt jien. Komplu ġibu l-bidla fid-dinja bi preżenza tanġibbli u Sagramentali tal-Qawmien. Uru dawn il-pjagi Tiegħi bħala prova tal-imħabba Tiegħi għall-bnedmin.  Intom ukoll sofru dawn il-ġrieħi jekk ikun hemm bżonn.”  Anki aħna mitlubin inkunu ta’ servizz għall-oħrajn.  Mhux bil-fors immutu martri, imma nistgħu nissagrifikaw ftit minn ġidna (“Give till it hurts” – Madre Tereża), u mill-ħin tagħna għall-oħrajn.  Il-Knisja għalhekk teżisti, biex b’dawn l-atti ta’ karita iżżomm ħajja l-immaġini ta’ Kristu Rxoxt.  Nistgħu nħossuna dgħajfin u mgħaġġba kif Ġesu ħalla dil-missjoni hekk importanti f’idejna l-bnedmin.  Imma rridu niftakru fil-wiegħda Tiegħu li se jkun dejjem fil-preżenza tagħna.  Permezz ta’ dil-preżenza jtina l-qawwa mhux ta’ din l-art imma tal-Ispirtu Divin Tiegħu.  Din l-enerġija Divina li rċieva minn għand il-Missier, u li tatu l-qawwa biex jagħti ħajtu, ma ħadhiex il-Ġenna, imma għaddieha lid-dixxipli Tiegħu.
  6. “Nefaħ fuqhom u qal: ‘Irċievu l-Ispirtu s-Santu.’” Il-kelma “nefaħ” smajniha l-ewwel darba fil-ġnien tal-Eden, fejn, permezz tagħha,  ċappa tajn saret bniedem.  L-istess kelma, użata hawn issa, se ġġib it-twelid tal-bniedem il-ġdid, bnedmin ġodda li jistħoqqilhom it-titlu ta’ “Ulied Alla.”
  7. “Id-dnubiet li intom taħfru…” Il-Konċilju ta’ Trentu kien iddikjara li b’dawn il-kelmiet Ġesu waqqaf is-Sagrament tal-Qrar.  Veru, imma dawn il-kelmiet ma jgħoddux għas-sażerdoti biss.  Kull Nisrani għandu d-dmir li li jħajjar lil kull midneb biex jabbanduna t-triq tad-dnub, u jerġa’ jaqbad it-triq tal-Grazzja.

 

Sors:  Google/fernando armellini/commenti al vangelo

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: