Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Għal ċittadinanza ekoloġika

Għal ċittadinanza ekoloġika


L-Erbgħa 6 ta’ Settembru 2017. Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-ftuħ tal-wirja “Nagħmlu ħniena mad-dar komuni tagħna” Mużew tad-Dar ta’ Karmni Grima, l-Għarb.

Għandna għax inkunu rikonoxxenti lejn Daniel Cilia li qed jagħmel din il-wirja tar-ritratti dwar l-ambjent Għawdxi. Aħna grati għax nistgħu nammiraw ix-xeni sbieħ tal-ambjent naturali ta’ din il-gżira li hu “qabad” bil-ħila artistika tiegħu. Imma napprezzawh ukoll għax b’dawn ir-ritratti huwa qed jiġbor fil-memorja xbihat li ’l quddiem jistgħu jisparixxu, kif għebu pajsaġġi idilliċi oħra.

0609

In-natura għandha proċess li jaf jeqred, kif ġralha t-Tieqa tad-Dwejra. Imma l-akbar qerriedi tal-ambjent huwa l-bniedem li, mgħammad bl-egoiżmu, jaf jisfrutta l-ambjent għall-interessi personali tiegħu. Fil-fatt, wieħed mid-dinosawri li qed iħarbtu l-ambjent huma l-flus! Biex iħaxxen butu, il-bniedem qed jinnegozja l-ambjent. Eżempju ta’ dan hija l-industrija tal-bini f’Għawdex u f’pajjiżna. Il-fatti juru li din l-industrija hija wieħed mill-pilastri ewlenin tal-investiment lokali. Imma nistaqsi jekk dan huwiex ekonomikament san. Nistaqsi wkoll jekk in-negozju tal-bini huwiex nadif u ġust. Possibbli ma nistgħux insibu bilanċ f’dan il-qasam, fejn filwaqt li ngħinu lil dawk li verament qegħdin ifittxu fejn joqogħdu (u ma jkunx hemm min jisloħhom ħajjin, tant li hemm min jitgħawweġ taħt il-piż finanzjarju li jitgħabba bih biex ikollu saqaf fuq rasu), fl-istess waqt nikkonservaw l-ambjent? Għalkemm hemm id-dritt għal proprjetà privata, għandna wkoll id-dmir li nħarsu dan il-patrimonju komuni li jappartieni wkoll lill-ġenerazzjonijiet futuri. Iċ-ċittadin Nisrani għandu jħoss dan id-dmir anki fid-deċiżjonijiet li jieħu dwar il-proprjetà tiegħu.

Infakkar fi proposta li għamlet ftit xhur ilu l-Kummissjoni Interdjoċesana dwar l-Ambjent meta appellat biex l-awtoritajiet jagħmlu “studju dwar id-domanda u l-provista tal-proprjetà f’Malta u l-ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa l-proprjetà. Ilu jinħass il-bżonn ta’ dan l-istudju li għandu jkun wieħed tassew nazzjonali” (13 ta’ Frar 2017).

Jien nemmen li nistgħu nagħmlu aktar biex nedukaw lill-bniedem, speċjalment lill-ġenerazzjoni li tielgħa. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “l-edukazzjoni għar-responsabbiltà ambjentali tista’ tħeġġeġ ħafna mġibiet li jafu jolqtu b’mod dirett u importanti l-ħarsien tal-ambjent, bħal meta wieħed jevita l-użu ta’ materjal tal-plastik jew tal-karta, inaqqas il-konsum tal-ilma, jifred l-iskart, isajjar biss dak li jaħseb li jiflaħ jiekol, jittratta b’għożża l-ħlejjaq ħajjin l-oħra, jinqeda bit-trasport pubbliku jew jaqsam l-istess karozza ma’ iktar minn persuna waħda, jiżra’ s-siġar, jitfi dwal mixgħula għalxejn, u ħafna iżjed” (Laudato Sì, 211).

Il-Knisja f’pajjiżna hija impenjata f’dan il-proċess edukattiv. Din il-wirja hija waħda mill-attivitajiet maħsuba milll-Kummissjoni Interdjoċesana għall-Ambjent għal dan ix-“xahar tal-ħolqien”. Nawgura li wirjiet bħal din ta’ Daniel Cilia jedukaw biex fostna tikber “iċ-ċittadinanza ekoloġika”.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: