Il-Vatikan jappella għal relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 18 ta’ Settembru 2017: Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li l-Arċisqof Ivan Jurkovic, rappreżentant permanenti tal-Vatikan għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) appella biex tinbena kultura ta’ relazzjonijiet multi-laterali aktar ġusti, bażata fuq il-kooperazzjoni u s-solidarjeta’ internazzjonali.

Waqt laqgħa ta’ din l-organiżazzjoni, L-Arċisqof Jurkovic wissa’ dwar ir-riskji ta’ relazzjonijiet kummerċjali inġusti li jwasslu għall-faqar, aktar traffikar uman u skjavitu, jew għall-esklużjoni tal-foqra u dawk vulnerabbli milli jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika ta’ pajjiżhom.

L-isfidi globali u reġjonali jitolbu kooperazzjoni aktar b’saħħitha u aktar solidarjeta’ bejn il-pajjiżi, reġjuni u organiżazzjonijiet internazzjonali, għax waħdu ħadd ma jista’ jlaħħaq ma’ problemi bħalma huma kriżijiet ekonomiċi, inugwaljanza,it-tibdil fil-klima, l-esklużjoni soċjali u l-imigrazzjoni.

Fl-aħħar 20 sena saru diversi Ftehimiet Reġjonali dwar Kummerċ u dawn għenu pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ifasslu politika kummerċjali u jkabbru l-impatt tal-kummerċ fuq l-iżvilupp tagħhom. Dawn il-ftehimiet potenzjalment iwasslu għal livelli ogħla ta’ mpjiegi, ambjent aħjar, aktar trasparenza u riformi progressivi.

Dan kollu għandu jkun bażat fuq id-dinjita’ tal-persuna umana. Jekk nagħmlu hekk kemm l-atturi individwali u l-istituzzjonijiet multi-laterali ikun jistgħu jaħdmu flimkien lejn il-ġid komuni.

Iżda wieħed ma jridx jinsa li n-negozju modern u l-kummerċ ħieles, anke jekk naqqsu l-faqar għal numru kbir ta’ nies, ħafna drabi wasslu għal esklużjoni soċjali kbira. “Il-kummerċ ikun żbilanċjat u inġust meta jżid l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza, meta jgħaffeq fuq id-dinjita’ tal-bniedem hu fejn hu fid-dinja; meta ma jagħtix każ tal-ġid komuni, meta ma jwassalx għal distriuzzjoni ekwa tal-ġid, meta ma joħloqx impjiegi sostenibbli jew meta jieħu vantaġġ mit-traffikar uman u l-iskjavitu u meta jfixkel lillfoqra, il-batuti u l-vulnerabbli milli jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika tal-pajjiż”, qal Mons Jurkovic.

“Il-kummerċ ħieles jista’ jkun ġust biss meta jkun konformi mal-ġustizzja soċjali. Għalhekk irridu nidentifikaw l-inugwaljanzi tas-sistemi ekonomiċi u nirranġawhom biex ikollna relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti”, temm jgħid ir-rappreżentant tal-Vatikan.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading