Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 25  Ħadd Matul Sena A

Lectio Divina: 25  Ħadd Matul Sena A


Vanġelu (Matt. 20. 1-16): L-inbid fil-Bibbja hu simbolu tal-ferħ u tal-festa.  Fi żmien Ġesu, waqt li l-Lhud kienu jirfsu l-għeneb b’saqajhom biex jagħsruh, kienu jkantaw għanjiet ferrieħa u jżommu r-ritmu b’saqajhom.  Dan il-ferħ kien jilħaq il-qofol tiegħu fil-festa tat-tined, li kienet tagħlaq l-istaġun tal-ħsad.  Fuq waħda mill-lokalitajiet fejn kienu jagħsru l-għeneb, għada tidher il-kitba: “Tkun imbierek Mulej, Sid l-univers, li ħlaqt il-frott tad-dielja.” Dit-talba kienu jgħiduha qabel l-ikel.  L-inbid mhux neċessarju għall-ħajja daqs l-ilma, imma hu mportanti għall-festa u għall-ferħ.

Il-Bibbja tikkundanna s-sokor, imma tkanta l-ferħ li jġib dan ir-rigal tal-inbid.  “Int tnibbet …. il-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, …u l-inbid li jferraħ lill-qalb tal-bniedem” (Salm 104). “Il-mużika u l-inbid iferrħu l-bniedem” (Salm 40). Id-dielja kienet simbolu tal-Lhud, għax Alla riedhom ikunu poplu li jippreżentaw lil Alla frott ta’ festa u ferħ.  Il-Lhud kienu l-poplu magħżul t’Alla li ried jedukahom sabiex il-popli l-oħra jsiru jafu kif għandhom ikunu popli li jogħġbu ‘l Alla.  Permezz tal-Kelma t’Alla, il-poplu seta’ jipproduċi għeneb u nbid, i.e. ħajja mimlija ferħ.  Int u dieħel fit-tempju kont tara dielja tad-deheb tixxeblek mal-ħajt b’għadd ta’ għenieqed. Kienet tirrapreżenta r-rigali tal-poplu Lhudi lil Alla, li ma kienx id-deheb imma l-frott tal-imħabba ta’ bejniethom li kien iġib u jxerred il-ferħ.

  1. “Wieħed sid ħareġ filgħodu kmieni jsib nies għax-xogħol fl-għalqa tad-dwieli.” Dil-parabbola Ġesu qalha fi żmien il-ġbir tal-għeneb. Kif kulħadd jaf, appena l-għeneb jimmatura, jkun irid jinqata’ malajr qabel ma tiġi x-xita. In-nies kienu jafu b’din l-urġenza, u f’daż-żmien kienu jmorru l-pjazza biex xi sid tal-għelieqi jiġi għalihom u joffrilhom xi sold aktar mis-soltu.  Fis-silta tal-lum insibu sid li mar fil-pjazza fis-6.00 am meta kien jibda x-xogħol.  Wara ftit induna li dawn mhux se jlaħħqu jispiċċaw sa nżul ix-xemx.  Allura reġa’ mar fid-9.00am, fl-12.00pm, fit-3.00pm u fil-5.00pm. L-għalqa tad-dwieli hi s-Saltna t’Alla, id-dinja l-ġdida li Ġesu ġie jwaqqaf fuq din l-art. Taħdem f’din l-għalqa jfisser li tinpenja ruħek fil-bini ta’ dis-saltna.  Il-ħerqa tas-sid narawha meta jmur hu għall-ħaddiema u mhux jibgħat qaddej, għax anzjuż li mill-frott abbundanti tad-dwieli ma jintilef xejn, u b’hekk jipproduċi ħafna nbid.  Din hi l-istess ħerqa t’Alla: irid li permezz tat-twaqqif tas-Saltna Tiegħu fuq l-art, ikun hawn ferħ bla qies.  Hawn ħafna li jieqfu biss fuq xi passaġġi mill-Vanġelu li jitkellmu fuq swied il-qalb u sagrifiċċji, mentri Alla jrid jarana ferħana.  Jixtieq li l-ħaddiema ta’ dis-Saltna jkunu bennejja tal-ferħ.  Fl-aħħar ta’ ħajti Alla jkun jixtieq li jista’ jifraħli ta’ kemm ferraħt nies fid-dinja. Il-ħaddiema fis-silta li ngħataw xogħol f’ħinijiet differenti jixbhu l-ħaddiema fis-Saltna t’Alla: hawn min beda jinpenja ruħu minn ċkunitu, u hawn min fl-aħħar snin ta’ ħajtu.
  2. “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar.” Ħadd ma kien jaraha bi kbira kieku s-sid ħallas lil tal-aħħar bi kwart ta’ dinar, tat-3.00pm b’nofs dinar, tal-12.00pm bi tlett kwarti ta’ dinar, u tad-9.00am b’dinar. U tas-6.00am, is-sid, kuntent li x-xogħol tlesta fil-ħin, itihom żewġ dinari, avolja kien ftiehem magħhom b’dinar.  Kulħaddd kien jaqbel li b’hekk is-sid ikun mexa b’mod ġust ma’ kulħadd, u ħadd ma kien ikollu fuqhiex igerger. Imma kif nafu, is-sid tal-parabbola ta dinar wieħed lil kulħadd.  Dawk li ħadmu siegħa biss seta’ almenu jħallashom bil-moħbi.  Imma meta l-oħrajn, speċjalment dawk li ħadmu 12-il siegħa, raw x’ġara, inkurlaw. Kienu għajjenin, għarqanin xraba, maħruqin bix-xemx u sfiniti, fil-waqt li tal-aħħar siegħa kienu friski bħal ħassa.  Kważi kważi s-sid, minn flok apprezza xogħlhom, , qisu ried jumiljahom u jġegħilhom isofru.  U  hawn joħroġ il-messaġġ provokkativ tal-Vanġelu tal-lum.  It-tweġiba ta’ wieħed minn dawn il-ħaddiema hija l-istess waħda li nagħmlu aħna:  “Int m’intix ġust! Dawn tal-aħħar siegħa waħda ħadmu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana.”  Din hi l-ġustizzja fil-fehma tagħna, li ma tagħmilx parti mis-Saltna t’Alla.  Is-saltna t’Alla tirregola ruħha fuq loġika differenti.  Aħna tgħallimna biex nagħmlu l-ġid kemm nifilħu, u b’hekk nakkumulaw ħafna merti għall-Ġenna.  Din hi mħabba, jew egoiżmu, naħsbu għar-rasna u l-interessi tagħna biex nibbalanċjaw il-kontijiet? Jekk ngħin wieħed fqir għal skop tal-merti, din hi mħabba?  Żgur li le, għax l-imħabba vera tagħmel il-ġid mingħajr ma tistenna ħlas lura.  Din hi n-natura tal-bniedem il-ġdid li Ġesu xtaq li kull bniedem iħaddan.  B’dil-parabbola Ġesu ried iżarma r-reliġjon “tal-merti”, li kienet ir-reliġjon tal-Fariżej.  It-tweġiba tas-sid hi iebsa: “Trid titħallas skond kemm ħdimt? Trid iżżomm ir-reliġjon tal-merti? Ħu li ħaqqek u itlaq.  Ma fhimtx li fis-Saltna l-Ġdida min iħobb, iħobb għas-sempliċi raġuni li tant hi ħaġa sabiħa.”  Dak li jikkaratterizza l-ħajja umana hi l-imħabba, u dak li jikkaratterizza l-imħabba hi li tingħata b’xejn, i.e. li ma tistenna xejn lura.  L-imħabba titwieled fil-bżonn tal-qalb tal-bniedem  li tara l-proxxmu ferħan.  Allura min ma jħobbx m’huwiex uman kompletament.  Għadu fi stat veġitattiv.
  3. Forsi ssaqsi: “Allura ma tagħmilx differenza jekk tidħol taħdem fl-għalqa fis-6.00am jew fil-5.00pm.” Iva, tagħmel. Ħajjitna mhux se titħallas skond il-merti.  Imma jekk inkunu rrejalizzajna dil-ħajja bl-imħabba bħala bnedmin tassew umani, ma jkun jonqosna xejn ħlief li niżżu ħajr ‘l Alla li lluminana nagħmlu hekk.  M’hemm ebda mertu ħlief il-ferħ li nkunu għixna skond ix-xewqa Tiegħu.  Mela, aktar ma nibdew ngħixu hekk kmieni f’ħajjitna hu ħafna aħjar milli nagħmlu ħafna snin ngħixu mod ieħor u nħallu għall-aħħar snin ta’ ħajjitna biex ngħixu l-ferħ.  Għax il-premju hu l-ferħ li nħosuu aħna u l-ferħ li nxerrdu kull fejn inkunu.  Dan ifisser id-dinar mogħti lil kull wieħed minna.  Titgħallem iddoqq strument minn eta’ żgħira mhux l-istess daqs meta tibda ta’ 60 sena.  Il-pjaċir, is-sodisfazzjon u l-ferħ li jtik dan it-talent hu ikbar jekk tipprattikah għal 80 sena milli għal 20.  Dan jgodd għal kull talent ieħor.  Mela aħjar nitgħallmu u nibdew inħobbu minn ċkunitna.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: