Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Il-ġenna fl-art

Il-ġenna fl-art


Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Funeral ta’ Mons. George Grima, mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Għawdex, fit-28 ta’ Settembru 2017, Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Ġesù fil-Vanġelu jitkellem dwar il-Ġudizzju universali (Mt 25:31-46). Dak il-jum nistennewh mhux biex nirċievu s-sentenza definittiva, imma biex nisimgħu l-verità aħħarija. Hija liġi tan-natura li kull mibdi jintemm. Għalhekk tiġina l-mistoqsija dwar jekk wara l-mewt hemmx xi ħaġa jew il-baħħ. Forsi meta nkunu b’saħħitna ma jiġiniex f’rasna li nistaqsu, imma fil-ħajja hemm waqtiet fejn infittxu tweġiba.
Ġesù jgħidilna li dakinhar tal-Ġudizzju għad issir għażla bejn in-nagħaġ u l-gidien. Ma huwiex Alla li jagħżel. Alla jieħu nota ta’ xi jkun għażel il-bniedem għalih innifsu. Alla jħallina ħielsa biex nagħżlu fuq liema naħa rridu mmorru. Il-kriterji tad-dħul fis-Saltna ta’ Alla ma humiex ta’ xeħta morali jew kultwali (kemm inkun xgħelt xemgħa jew għamilt festi); il-kriterju tad-dħul huwa wieħed: kemm inkun ħabbejt. Jekk nagħżlu li nħobbu, allura nafu fuq liema naħa ser inkunu; imma jekk irridu nsalvaw lilna nfusna u niġu naqgħu u nqumu minn ħaddieħor, allura nkunu għażilna li noqogħdu fuq in-naħa tax-xellug.
Jekk hemm il-Ġudizzju universali, hemm ukoll il-ġudizzju partikulari u personali. Meta nhar it-Tnejn filgħodu Dun George ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Alla, fid-dawl ta’ dan il-Vanġelu ma kienx diffiċli għal Alla jsiblu post fuq in-naħa tal-lemin. Għax Dun George għex l-imħabba. Huwa mhux biss ħabb lill-proxxmu, imma ħabb lil Ġesù fil-proxxmu.
Lil dawk ta’ fuq il-lemin, Ġesù jgħidilhom: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-bidu tal-ħolqien tad-dinja” (Mt 25:34). Dan ifisser li sa mill-bidu tal-ħolqien aħna konna fil-ħsieb ta’ Alla. Qabel ma ħalaq il-ħolqien, Alla għażilna biex nieħdu sehem fl-azzjoni kreattiva tiegħu. Ir-rakkont li nsibu fil-Ġenesi dwar il-ġenna tal-art mhux miktub biex aħna noqogħdu nibku xortina għaliex tlifna opportunità; minflok, huwa profezija dwar ġenna li Alla jixtieqna nibnu fuq din l-art. Il-mewt ta’ Dun George xegħlet dawl li kixef kemm madwarna hawn elementi tal-ġenna tal-art.
Permezz tal-Moviment Ġesù fil-Proxxmu, Dun George sab ħafna u ħafna nies li jgħinuh fil-ħidma tiegħu fost il-foqra. Dan ifisser li aħna għandna soċjetà ġeneruża u ta’ qalb kbira – għandna soċjetà li fil-mument tal-prova taf tħobb u tħenn. Ħafna drabi aħna ttentati nagħmlu ġudizzji negattivi fuq is-soċjetà u nieqfu fuq l-iżbalji. Ejjew napprezzaw il-ħafna tajjeb li hemm fil-qalb ta’ ġensna. Din hija r-riżorsa ewlenija ta’ pajjiżna. Jekk nagħrfu nibnu fuq it-tjubija tan-nies tagħna, quddiemna għandna toroq kbar miftuħa.
Huwa evidenti li dawk li wieġbu għall-appelli li Dun George kien sikwit jagħmel għall-karità huma persuni inklużivi. Meta jikkontribwixxu, dawn ma kinux jiddistingwu bejn persuna bajda jew samra, bejn min ġej minn pajjiż jew ieħor, bejn Nisrani jew ta’ twemmin ieħor (Dun George kien jaħdem ukoll qalb il-Musulmani). Dan huwa konferma li bħala regola n-nies tagħna ma jagħtu daharhom lil ħadd, imma jilqgħu lil kulħadd. Dan hu fatt pożittiv ħafna, għax meta nisimgħu l-aħbarijiet dwar l-inklużjoni jew l-integrazzjoni tal-barranin, ħafna drabi nisimgħu n-negattiv. Imma din mhix l-istorja kollha. L-istorja sħiħa tgħidilna li min-natura tiegħu l-poplu tagħna ma jixtieq ibarri lil ħadd, huwa lest li jaqsam il-platt tiegħu ma’ min ma għandux, lest joffri kenn lil min ħajtu hija mhedda.
Matul dawn is-snin, il-Moviment Ġesù fil-Proxxmu rnexxielu jingaġġa għadd ġmielu ta’ żgħażagħ f’ħidma ta’ volontarjat fost il-foqra f’pajjiżi mbegħdin. Aktar minn darba Dun George sejjaħli biex inbierek grupp ta’ żgħażagħ qabel jitilqu fuq esperjenza missjunarja. Dawn huma ż-żgħażagħ tagħna: ġenerużi, lesti biex jgħinu, lesti li jbatu għall-oħrajn. Imma kemm nisimgħu ħwejjeġ pożittivi dwar iż-żgħażagħ tagħna? Ma għandniex naqtgħu qalbna minnhom. Jalla dawn isibu l-għajnuna biex il-potenzjal pożittiv li għandhom jagħti l-frott.
F’soċjetà li ħafna jiddeskrivuha bħala lajka u sekularizzata, ma nistax ma napprezzax il-fatt li ħafna ssieħbu fil-ħidma ta’ dan is-saċerdot għax fil-qiegħ ta’ qalbhom għandhom tixgħel il-fjamma tal-fidi Nisranja. Dan hu li jiddistingwi l-attività ta’ Dun George u s-segwaċi tiegħu minn ħidma karitattiva li ssir minn NGOs oħra. Bħal Dun George, Bill Gates ukoll jgħin lill-foqra. Imma filwaqt li Bill Gates huwa misjuq mill-“filantropija” fis-sens li dak li jagħmel jagħmlu għax iħobb lill-bniedem (u din hija ħaġa tajba), il-motivazzjoni wara l-attività enormi li wettaq Dun George kienet il-fidi sħiħa tiegħu f’Ġesù Kristu. Nemmen li dan is-saċerdot kariżmatiku u s-sostenituri tiegħu huma kollha ħeġġa għall-bniedem fil-bżonn, għax f’qalbhom hemm passjoni għal Kristu. L-imħabba Kristjana tmur ’l hinn mill-imħabba filantropika, għax il-karità tad-dixxiplu ta’ Kristu tisboq l-imħabba umana. Għal min għandu viżjoni Kristjana, il-foqra huma “s-sagrament” ta’ Kristu fid-dinja u fl-istess waqt huma wkoll “is-sagrament” tad-dnub tad-dinja, peress li l-faqar huwa kkawżat mill-inġustizzji. Għalhekk, meta nara din il-ħeġġa għall-ħidma missjunarja, nintebaħ kemm għandna poplu li jemmen f’Alla. Ma naqtgħux qalbna. Jien konvint li ħafna minn ħutna Maltin u Għawdxin huma mxennqa għal Kristu!
Il-mewt ta’ Dun George xegħlet spotlight fuq il-Knisja – min għandu għarfien medjatiku jifhem għaliex qed nuża l-kelma spotlight. Il-Moviment li qabbad Dun George huwa moviment ekkleżjali. Dan ifisser li n-nies tapprezza, tħobb u trid tgħin lill-Knisja. Jekk is-soltu ngħidu li xi wħud mill-Insara tagħna għandhom mentalità ‘parrokkjali’, fil-każ ta’ George ma kienx hekk, għex kemm hu u kemm dawk li emmnuh għandhom interess fil-Knisja universali (il-Brażil, il-Kenja, l-Etjopja…). Dan huwa element sabiħ ħafna. Ħasra li dwar il-Knisja ta’ Kristu nisimgħu biss l-inċidenti u l-iżbalji. Aħna, membri tal-Knisja, għandna d-dnubiet tagħna, imma dawn ma jxejnux il-ġid kbir li tagħmel il-Knisja!
Imbagħad nirringrazzjakom għall-imħabba li għandkom għal Dun George u għal kull saċerdot ieħor. Jien nagħraf li fost is-saċerdoti għandna ħafna li għandhom ir-riħa tan-nagħaġ – ħafna li huma ddedikati għall-merħla u għalhekk huma qrib ta’ Alla u tal-bniedem. Hija grazzja li l-Knisja f’Għawdex għandha diversi saċeroti fil-missjoni, u jien nixtieq ħafna li din il-karatteristika missjunarja tibqa’ ħajja fostna. Il-mewt ta’ dan is-saċerdot kixfet kemm għandna nies li jridulna l-ġid, lesti li jikkollaboraw magħna s-saċerdoti u japprezzawna għax aħna ministri ta’ Kristu u lesti li nakkumpanjawhom fid-dixxipulat tagħhom wara Kristu.
Bit-tbissima fuq fommu, Dun George għen lil diversi biex jiskopru l-vokazzjoni saċerdotali tagħhom. Huwa kien promutur ġenwin tal-vokazzjonijiet. Huwa dakkar saċerdoti bil-“marda tal-missjoni”, fis-sens li min iduq il-missjoni ma jkunx irid jitlaq minn hemm.
Dawn huma ftit mill-elementi tal-ġenna tal-art li Alla jrid ikompli joħloq fostna bit-tisħib tagħna. Dan u aktar huwa l-wirt li hemm jistenniena, imma li nibdew induquh minn hawn. Nieħdu ħsieb il-ħafna tajjeb li għandna u hekk inkunu mħejjija għal meta fil-Ġudizzju niġu wiċċ imb wiċċ ma’ Alla u nisimgħuh jgħidilna: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-bidu tal-ħolqien tad-dinja” (Mt 25:34).Awdjo bil-kortesija ta’
Radju Leħen il-Belt Victoria.
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: