Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd, 29 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tal-Ħadd, 29 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 22, 34-40

Żgur ma kienetx mistoqsija ġenwina, kif, wara kollox, qatt ma kienu l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet lil-awtoritajiet ċivili u reliġjużi tal-Lhud. Kienu maħruqin. Wieħed jistaqsi, imma Ġesù ma saddilhomx ħalqhom lis-Sadduċej, il-partit għadu tal-Fariżej? Mela kif ma marrux jgħidulu ‘grazzi’! Kienu maħruqin għax Ġesù, għall-mistoqsija tas-Sadduċej dwar iż-żwieġ, kien aħreġ ta’ raġel u ma waqax fin-nasba tagħhom. Il-fariżej ingħaqdu mal-għadu tagħhom is-Sadduċej għax f’Ġesù raw għadu komuni. Xi ftit jew wisq kif għamlu Pilatu u Erodi meta sabu lil Ġesù quddiemhom.

Mistoqsija ġenwina ma kienetx, iżda żgur kienet mistoqsija providenzjali. U t-t-tweġiba ta’ Ġesù lanqas ma kienet oriġinali. Il-Fariżej sabu l-aqwa wiħed foshom, u mbuttawh biex jonsob lil Ġesù, biex iġarrbu bil-mistiqisja ‘għarfa’ tiegħu. Il-mistoqsija tista’ tidher sempliċi iżda bħall-ħafna mistoqsijiet li jagħmlu l-għorrief tal-liġi, li llum ngħidulhom ‘avukati’ fihom kumplessità li ma tidhirx, nasba, li jekk ma toqgħodx attent kif twieġeb, titfa’ l-ħtija kollha fuqek.

L-oriġinalità fit-tweġiba ta’ Ġesù kienet li għaqqad iż-żewġ kmandamenti flimkien (Dewt 6,5 ‘Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha’ u Lev 19, 18 ‘imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek’) żgur li l-għaref Fariżew għaref daqshekk kien jaf il-liġi x’tgħid. Iżda l-għan tiegħu kien li jqajjem antipatija lejn Ġesù jekk, hu u jwieġeb, jeżalta liġi iktar minn oħra.

Ġesù ma setax jagħti tweġiba bħal din, għax l-ispirtu tal-liġi kien qiegħed fih, kien ġej minnu. Il-ħsieb ta’ Ġesù jmur lil hinn mil-liġijiet li jfasslu l-bnedmin bl-iskop li jagħmlu l-ħajja tal-bnedmin flimkien aħjar u inqas diffiċli. Il-Lhud ivvintaw eluf ta’ liġijiet ġuridċi, morali u ċerimonjali. Għal Ġesù l-iktar importanti huwa l-pedament tal-liġi, dak li lill-bniedem jagħtih l’hena ta’ Alla. Għall-bnedmin, l-osservanza tal-liġi ssir skop fiha nnifisha; l-iskop tal-kmandament il-kbir u dak li jixbħu huwa li l-bniedem li jgħixu jkollu fih l-hena u l-hena bil-kotra: qed ngfħidilkom dan biex ikollkom il-ferħ u l-ferħ tagħkom ikun fl-aqwa tiegħu.

Ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. Fil-qalb hemm il-ħajja, mela ħobbu bil-ħajja tiegħek kollha; fil-moħħ hemm ir-raġuni, il-bejta tad-deċiżjonijiet, mela ħobbu bir-reda u b’għażla; fir-ruħ hemm il-ġibda tiegħek lejn Alla, il-qawwa tiegħek, mela ħobbu bix-xewqa li tingħaqad miegħu fl-ikbar u l-aqwa intimità li bniedem jista’ jġarrab, l-għaqda tal-maħluq mal-ħallieq.

Biex jorbot ma’ dan il-kmandament, Ġesù ma jagħżilx frażi purament teoloġika. Juża argument li bir-raġuni, jekk trid, tista’ tasal għalih. X’imkien ieħor kien qal li il-liġi u l-profeti jinġabru fi prinċipju loġiku ħafna; agħmel lil ħaddieħor dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel lilek. Interessanti kif Ġesù jgħaqqad dan il-ħsieb mal-imħabba lejn Alla; kif jgħaqqad l-eżistenza ta’ Alla li jħobb u x-xewqa tiegħu li jkun maħbub mal-imħabba tal-bnedmin għal xulxin. Iktar tard, San Ġwann, jgħid li ma tistax tagħmel waħda mingħajr l-oħra, in-nuqqas ta’ waħda jeskludi lill-oħra. Ngħiduha kif inhi, ma tridx wisq għerf biex tasal għal din il-konklużjoni; aħna nafu li nilħqu l-milja tal-hena u l-milja tagħna nfusna meta nħobbu u nkunu maħbunin. Ħafna drabi ma nħobbux, mhux għax irridu nobgħodu, imma għax dejjem ngħixu bid-dubju li ħaddieħor ma jħobbniex. Iżda jiġri li iktar kemm jidħol id-dubju iktar ir-rieda li tħobb tispiċċa fix-xejn.

Aħna m’għandniex għalfejn nistaqsu mill-ġdid. L-għaref tal-liġi għamilina pjaċir u t-tweġiba nafuha. Nissogra ngħid li nafuha mhux biss għax smajna lil Ġesù iżda nafuha wkoll mill-esperjenza tagħna. Min minna ma jafx li l-ikbar u l-aqwa esperjenza tal-bniedem hi li tħobb u tkun maħbub? Hemmhekk tħossok tajjeb, fiduċjuż, ittamat, kuntet u hieni, hemmhekk taf li tista’ tgħix b’moħħok mistrieħ. Mela għalfejn ninfirdu, għalfejn nagħmlu u ngħidu dak li jpib il-firda, għalfejn nogħxew neżaltaw u nigglorifikaw lil min iħeġġiġna biex ninfirdu minħabba idejat, opinjonijiet, kuluri u qaddisin? Għalfejn nagħmlu allat tagħna lil dawk li l-ħin kollu jfewġu l-antipatija u l-mibgħeda bejnietna u jużawah bħal molla biex huma jitilgħu iktar ’il fuq u ninsew dan il-kmandament sempliċi li nafu l-bżonn tiegħu u naqblu miegħu anke mill-esperjenza tagħna? Taħseb li jekk tkun fil-bżonn se tirrifjuta l-għajnuna ta’ min mhux tal-istess partit tiegħek? Taħseb li tasal li tirrifjuta li tgħin lil xi ħadd li tarah fil-bżonn għax huwa ta’ kulur differenti minn tiegħek? Nafu li fil-mument tal-bżonn ma ssibx lil min iħeġġek biex tobgħod u jqanqal bejnek u bejn ħaddieħor il-firda, imma se ssib lil min ikun ħdejk, kulur jew ieħor, ideja jew oħra.

U jekk dan nafuh, u nirringrazzjaw lil Alla għalih, għaliex ma ngħixuhx ukoll meta m’aħniex fil-bżonn, met akollox ikun sejjer tajjeb, meta nistgħu ingawdu l-hena fil-milja tiegħu ta’ min iħobb u jħalli lil min iħobbu. L-hena li ġejja mill-għaqda mhix lussu ta’ meta nkun fil-bżonn iżda hija l-mod kif nisgħu ngħixu ħajjitna kollha flimkien. Min jifred irird itellef l-hena. Ngħidu li fl-għaqda hemm is-saħħa, mela minn jippromwovi l-egoiżmu tagħna qed jipprova jaqtgħana weħidna u b’hekk idgħajjifna. Qatt m’għandna nħallu li xi ħadd ixerred il-ħmira tal-mibgħeda u l-firda fl-għaġna ta’ ħajjitna u u ta’ ħajjet it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Aħna qawwijin iktar minn hekk. L-imħabba ta’ Alla fina tfakkarna l-ħin kollu li msieħba magħna f’din il-hena li tiġi mill-imħabba. Ma nkunux bnedmin frustrati nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor biex nagħtuh tort, għax ma nieħdu raġun qatt. Ir-raġuni tagħna stess turina li meta nħobbu, mhux importanti min għandu tort u min għandu raġun, min żbalja jew min kien dgħajjef, għax l-imħabba, nafu lkoll, kollox tgħader, kollox tħenn u kollox taħfer; l-imħabba ma titkabbarx fuq l-oħrajn; kollox jgħib imma l-imħabba ma tintemm qatt.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: