L-Evanġelju tal-Erbgħa, 1 ta’ Novembru 2017. Solennità tal-Qaddisin Kollha

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 5:1-12a

Is-soltu kien jitla fuq il-muntanja biex jitlob u wara li jitlob joħroġ minnu frott it-talb. Iktar kemm tinżel ’l isfel iktar il-frott ikun ta’ isfel, iktar kemm titla ’l fuq, dak li joħroġ ikun il-frott ta’ fuq.

Ġesù meta jara l-folol, mhus folla waħda iżda folol, kotra kbira ta’ nies, jitla’ fuq il-muntanja u joqgħod bilqiegħda. Id-dixxipli jersqu lejh hemm fuq fil-għoli u Ġesù joħroġ minn qalbu dak li f’għajnejn il-bnedmin jidher diskors li ma jaqbel xejn max-xejra tad-dinja. Ngħidu x’ngħidu fuq id-sikors tal-muntanja, kemm hu sabiħ u kemm hu qawwi, jihder ażżardat u utopiku; jew tal-ħolm jew ta’ min hu tellief u jipprova jsib xi ħaġa tajba f’dak li jidher ħażin. Iżda Ġesù la huwa ħalliem u lanqas tellief. Anzi huwa rejalistiku u rebbieħ. Qatt ma pprova jgħaddi biż-żmien lil ħadd. U dak li tkellem dwaru għexu sal-aħħar nifs.

Mela d-diskors tal-muntanja huwa r-rejaltà, kif, għax jara kollox kif inhu, jaraha Alla. Ġesù mhux jagħti riċetta għall-fejqan iżda qe djgħid xi jġarrab min jgħix skont l-ispirtu iktar milli skont id-dinja u x-xejriet tagħha. L-hena mhux fir-riżultat iżda fil-proċess, fit-tħabrik u fit-tirġib. L-hena ma jasalx fit-tmiem bħala premju, iżda jakkumpanja lil min jitħabat biex jikseb il-premju.

Id-diskors ta’ Ġesù ma jistax ma jitteħidx fil-kuntest li fih instema’ għall-ewwel darba fl-Evanġelju; żmien il-persekuzzjonijiet, żmien it-tirġib, żmien it-tradimenti minn ta’ ġewwa. U għalhekk huwa diskors ta’ kuraġġ biex tgħix u ma taqtax qalbek, biex tippersevera fit-tiftix għall-verità u fl-għoti tax-xhieda għaliha. L-hena jinsab f’min jibqa’ sħiħ sal-aħħar, minn issa u minn hawn għax l-hena ma jiddependix mill-irbit, mit-tgawdija, mis-suppervja, mill-n-nuqqas ta’ ġustizzja u d-difetti tagħha, mill-kburija, mill-intenzjonijiet ħżiena, l-hena ma tiġix mit-tnissil tal-firda, mill-prosperità falza u mill-popolarità.

Meta l-bniedem isib geddumu fix-xgħir faċli ħafna jinsa li mhux kollox ġej minnu u mhux kollox idur miegħu; għalhekk il-kliem ta’ Ġesù jidher stramb u frott tehwdin il-moħħ. Ir-rejaltà ta’ Alla tidher illużjoni u daħka fil-wiċċ għal min jaħseb li hu kollox; tidher l-għajta ta’ min iċedi għal min jaħsebli l-qawwa ġejja minnu.

Għalina li nemmnu, jitsa’ jidher impossibli. Għalina li llum nagħtu ġieħ lill-Qaddisin kollha, fosthom dawk li f’isimhom u minħabba għemilhom, aħna tant niċċelebraw, jista’ jidher li dan mhux hobż għal snienna. Imma aħna mogħtija l-grazzja li niċċelebraw u nagħtu ġieħ lil dawn il-bnedmin dagħjfa bħlana mhux għax twieldu qaddisin, iżda għax saru qaddisin bil-mod kif għexu.

Alla ma ħabbx lilhom iktar milli jħobb lilna. Alla ma tahomx qawwa li ma jagħtix lilna. Uħud minnhom ma nafu xejn dwarhom, oħrajn nafu ftit, fuq uħud minnhom nafu ħafna; hemm oħrajn li nafuhom u wħud minna ltqajna magħhom fuq din l-art.

Kienu hienja għax għexu hienja. Illum nagħtuhom ġieħ għax kisbu frott il-hena. Aħna għadna hawn u l-hena ta’ ħajja mibnija fuq ir-rejaltà ta’ Alla għada opportunità li ma jmissnix nitilfu.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading