Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd, 10 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tal-Ħadd, 10 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 1,1-8

L-ewwel vers għandu ħila jidħak bina. Huwa t-titlu tal-ktieb mela l-ktieb kollu hu l-bidu tal-Evanġelju, l-Aħbar it-tajba, il-kumplament tal-Aħbar it-tajba jiġi wara. Il-bidu huwa x-xandir; il-kumplament huwa t-twettiq ta’ dak li xxandar minn dawk li semgħuh; il-kumplament għadu sejjer sallum.

San Mark kiteb l-iqsar Evanġelju, għal min diġa sema’ bih u diġa beda jipprova jgħixu, iżda qed jiltaqa’ ma’ diffikultajiet, mhux biss ta’ persekuzzjoni iżda wkoll ta’ dubji li jiltaqa’ magħhom kull min jipprova jgġix idejal ma’ oħrajn. Nafu li dan mhux faċli u dawn l-istess dubji jqumu f’kull wieħed u waħda minna, meta, aħna u nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu fidili lejn il-kelma, nindunaw li mhux dejjem jaqbillek, anzi li ħafna drabi ma jaqbillekx. Il-Kelma ta’ Kristu qatt ma ntlaqgħet bil-palm. Dejjem kienu ħafna li kkunsidrawa skomda u barra minn żmienha. Ħafna minn dawn il-ħafna ippruvaw, u għadhom, iwarrbuha u jxejnuha, kultant anke bi vvjolenza. U b’effett ta’ hekk kullmin jipprova jgħixha jsib ruħu, imwarrab, imżeblaħ u anke mxejjen.

Iżda d-dubju ma jqumux biss għax l-attakki jkunu ġejjin minn barra, minn min jara fil-Kelma ta’ Ġesù theddida. Dubji ikbar iqumu meta min jipprova jgħixha bis-serjetà ma’ oħrajn jara li l-oħrajn qed iqarrqu jew jabbużaw mill-Kelma u minn min jipprova jgħixha; jara oħrajn jgħawġu jew idawru l-Kelma għall-gwadann tagħhom. Minn kollox issib u taħt il-kappa tax-xemx, xejn ma hu ġdid. Marku, x’aktarx dixxiplu u nterpretu ta’ Pietru, jaf b’din is-sitwazzjoni mill-esperjenza personali tiegħu mal-appostlu; jiġifieri jaf x’kien għaddej minn ġewwa, u għalhekk jipprova jduq u jdewwaq il-faraġ tal-fedeltà lejn dak li xandar Ġesù; donnu jrid jgħid, jiġri x’jiġri l-fraaġ tagħna huma l-għerqu tagħna f’Ġesù Kristu, il-qaddej fidili.

Il-kelma evanġelju, mill-grieg, tfisser aħbar tajba partikulari: ġej is-sultan. Biex jiġi irid jivvjaġġa u għalhekk kienu jintbgħatu l-ħaddiema tas-saltna biex iwittu t-toroq fid-deżert. L-aħbar it-tajba ta’ Mark hija mogħtija tifsira spiritwali, il-Mulej ġej, l-Iben ta’ Alla, mela fid-deżert li sibtu ruħkom fih, fejn ir-ramel jiċċaqlaq ma’ kull żiffa, wittu u ħejju toroq xierqa, ħalli jkollu minn fejn jgħaddi. Jinqeda bil-profezija ta’ Iżaija u bil-figura kbira ta’ Ġwanni l-Battista, li kien tassew il-leħen jgħajjat fid-deżert. Ġwanni ma kienx jilbes ħwejjeġ fini; ix-xagħar tal-ġemel kien jintuża għat-tnied jew twapet, imma mħażżem b’ċintorin tal-ġild. Id-dieta tiegħu hija magħmula minn ikel li normalment kienu jieklu l-bedwini, dawk li ħajjithom kollha jduru minn oasi għall-oħra fid-deżert, dawk li ma jridux jitgħabbew wisq minħabba li jridu jivvjaġġaw spiss. Ġwanni mhux biss m’għandux rabtiet ta’ għana, imma lanqas ta’ post. Il-messaġġ tiegħu ma jiddependix mill-qliegħ li joffru s-setgħana u l-anqas ma’ grupp ta’ nies li jgħixu f’post wieħed. Hemm libertà assoluta fil-messaġġ tiegħu għax il-messaġġ tiegħu iħabbar lil dak li hu ħieles minn kull xkiel biex jeġles lil min hu mxekkel, anke bid-dubji u l-inċertezzi.

Ġwanni jfarraġ u jħejji mhux bil-kliem biss imma anke bil-ħasil simboliku fix-xmara Ġordan. Stqarr dnubek, agħraf u aċċetta li inti midneb u titnaddaf. Ma jistax wieħed ma jiftakarx f’Namaan, il-ġeneral ta’ Aram tas-Sirja, li anke Ġesù stess isemmi fl-Evanġelju ta’ Luqa, li tnaddaf mill-marda tal-lebbra b’ħaġa tassew sempliċi, niżel seba’ darbiet fix-xmara Ġordan, wara li kien issuppervja għax ra s-suġġeriment tal-profeta Eliżew umiljanti. L-aċċettazzjoni tad-dnub tiegħek u l-l-itqarrija tiegħu huma vera uiljanti, imma fihom hemm moħbi t-tindif, it-tisfija, u biex nużaw il-kliem li nsibu fit-tieni Ktieb tas-Slaten stess, tant il-bniedem jissaffa li jsiru qisu żgħażugħ, mimli enerġija u qawwa biex jibda mill-ġdid.

Dan hu li Ġwanni ħabbar u wettaq. B’hekk ħejja t-triq għall-Mulej u stieden lil min semgħu jagħmel l-istess. Hekk beda l-bidu tal-Evanġelju, Hekk ġiet inawgurata l-Aħbar it-Tajba.

Żmien l-Avvent huwa żmien partikularu u nteressanti, huwa żmien li jirrikonoxxi l-qtiegħ ta’ qalb ta’ min jisma’ l-istedina ta’ Alla, u meta jħares lejh innifsu fil-mera vera li hi Kristu u l-Kelma tiegħu, jagħaraf kumm hu dgħajjef u nfidil. Fih jitqajmu d-dubji tan-nuqqas ta’ ħila ġejjin mill-esperjenza tal-imgħoddi, tiegħu u tal-komunità li jgħix fiha. Minix kapaċi. M’aħniex kapaċi.

Weħidna żgur li m’aħniex. U għalhekk Ġesù ġie u għalhekk it-tama li se jerġa jiġi. San Mark iddeċieda li jikteb biex ifarraġ u jqawwi lin-nies ta’ żmienu. Il-Knisja tqiegħdilna quddiemna l-Evanġelju tiegħu biex nitfarrġu quddiem l-iżbalji tagħna u nitqawwew fil-qtiegħ ta’ qalb tagħna. Hija stedina biex nissaffew mid-dgħufijiet tagħna u niksbu mill-ġdid, bil-qawwa ta’ Alla, il-qawwa, il-ħeġġa u l-entużjażmu ta’ min hu żgħażugħ u għadu se jibda l-ħajja.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: