Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 22 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 22 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 1, 46-55

Żgur li Marija ma qagħdetx bilqiegħda tikteb dan l-ewwel kantiku fl-Evanġelju ta’ San Luqa li sa mis-sitt seklu permezz ta’ Ċesarju ta’ Arles sab ruħu fost l-innijet liturġiċi tal-Knisja. Żgur ukoll li San Luqa qiegħed dan il-kliem f’fomm Marija mibni mill-Kantiku ta’ Annah fl-ewwel ktieb ta’ Samwel. Iżda żgur iktar li dan il-kliem joqgħod sewwa fuq fommha f’dan il-mument partikulari ta’ ħajjitha fuq din l-art.

F’dan il-kantiku, Marija tfaħħar lil Alla għal dak li għamel magħha u biha iżda tfaħħru wkoll għal dak li kien se jseħħ permezz ta’ dak li kellha f’ġufha. Fih Marija hija poeta, iżda hija wkoll profeta. Fih Marija tifhem dak li ma fehmitx waqt it-tħabbira tal-Anġlu u għajnejha jinfetħu għal dak li bagħat jgħidilha l-Mulej. Ix-xrara li qabbdet in-nar tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fiha, kienu l-kliem ta’ Eliżabetta: hienja dik li emmnet kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej. Dak li għattiha bid-dell tiegħu u bih tnissel l-Iben ta’ Alla fiha, bidilha fil-mara bir-rwol tal-profeta, twassal il-Kelma ta’ Alla lill-bnedmin. F’ġufha hemm il-Kelma magħmula bniedem, mill-milja tal-qalb tagħha xufftejha nfetħu biex twassal lill-bnedmin l-Aħbar it-Tajba tiegħu: ġej u ġej biex iġib għalli kien dak li l-bnedmin bidlulu.

Fl-ewwel vrus Marija tagħraf iċ-ċokon tagħha quddiem il-kobor tas-Setgħani imma tagħraf ukoll li s-Setgħani għamel magħha ħwejjeġ kbar għax hu qaddis u l-qdusija tidher fl-umiltà tiegħu li jitlobha taħdem id f’id miegħu. Hu li jista’ kollox, fl-imħabba setgħana tiegħu, ifittex iċ-ċokon tal-bniedem biex iwettaq imħabbtu għall-bnedmin.

Il-ħniena tiegħu, mhix marbuta ma’ żmien iżda hija għal dejjem għal dawk li jduru lejh u jitolbuhuhielu. Il-ħniena, fit-tradizzjoni Lhudija, magħmula mill-bnedmin, kienet iktar marbuta ma’ żminijiet partikulari, b’għemil li l-bniedem ried ipatti għad-dgħufija tiegħu, iżda minn issa ’l quddiem, għall-ħniena m’hemmx fruntieri ta’ żmien jew ħin.

Alla juri l-qawwa ta’ driegħu, is-setgħa tiegħu meta jxerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom; lil dawk li jaħsbu li huma aqwa minn ħadd ieħor, lil dawk li jaħsbu li jistgħu jilgħabuha ta’ Alla. Fil-kburija tagħhom tgħaqqdu għall-għan ħajjen tagħhom, iżda l-qawwa ta’ Alla xxerrdihom u jitilfu t-triq, jitilfu l-qawwa li kisbu mill-kompliċità ta’ bejniethom.

Dawk li huma setgħana fuq it-tronn li ħolqu għalihom infushom jitbaxxew u jitilfu l-istima li ħatfu bie xminflokhom jitilgħu iċ-ċkejknin. Il-kliem ta’ Ġesù iktar ’il quddiem, li min jitgħolla jitbaxxa u min jitbaxxa jitgħolla, dawk li huma l-ewwel jiġu l-aħħar u dawk li huma l-aħħar jiġu l-ewwel, għandhom ispirazzjoni f’din il-profezija permezz ta’ ommu li għarfet il-bidliet li dan is-sinjal li jmeruh kellu jġib fid-dinja mmexxija mill-qawwa tad-dlam, għax hu x-xemx li titla’ biex iddawwal dak li kien mudlam.

Hemm ukoll bidla soċjali, bidla li tkisser l-ordni li l-bniedem iġib bl-inġustizzji tiegħu, bil-kilba għall-għana u l-ġid bi ħsara kbira għal min hu dgħajjef u batut. Jimla b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u dawk li huma għonja jispiċċaw imkeċċija bil-bieb magħluq f’wiċċhom. Il-Kelma mnissla fi ħdanha hija kelma qawwija li taqleb l-ordni soċjali tal-bniedem bl-ordni tal-imħabba ta’ Alla biex il-bnedmin jagħrfu li ordni wieħed hemm: Alla hu s-Sid u l-bnedmin huma kollha wliedu; kullmin jirreżisti dan l-ordni qe djirreżisti lil Alla nnifsu u bl-għotja tal-Kelma msallba dan il-bnedmin jiksbu lkoll id-dinjità ta’ wlied.

Alla jżomm kelmtu ma Iżrael għax il-ħniena tiegħu dejjem quddiem għajnejh. Il-Kantiku jdur mall-ħniena li Alla qed juri bit-tnissil ta’ Ibnu fil-ġuf ta’ Marija; hija ħniena li ġejja mill-imħabba ta’ Alla lejn il-bnedmin kollha, mħarbta mill-kapriċċi u l-interessi ta’ bnedmin imqanqla mill-ħażen ta’ min irid ibiegħed lill-Bniedem minn Alla. Bit-tnissil tat-tarbija fil-ġuf ta’ Marija, Alla jerġa’ jibda jqiegħed kollox f’postu.

Hienja dik li emmnet u wasslitilna din l-aħbar it-tajba. Hienja dawk li jemmnu u jwettqu magħha, bħala qaddejja fidili tal-Mulej, il-bidla radikali li ġab miegħu Ġesù, is-sinjal li, min jħaseb li jaqbillu jmerih, iżda li huwa l-waqa’ u l-qawmien ta’ ħafna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: