“ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALFEJN MARIJA?” (3)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

It-twelid ta’ Ġesu’ Kristu: Lq 2, 1-20.

• Kellu jkun ċensiment ta’ Ċesari Awgustu li permezz tiegħu, Ġesu’ twieled Betlehem, il-Belt ta’ David “għax hu (Ġużeppi) kien mid-dar u l-familja ta’ David”. B’hekk Alla wettaq il-wegħda li għamel lis-Sultan David.

Mgr Paul Cremona OP• Iżda l-mod li għażel il-Mulej ma kienx ta’ qawwa u poter bħalma kellu David. Din id-darba Bin David kellu jiġi fil-faqar: bin mstrudaxxa. Issa twieled: “u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda”. Dan il-faqar se narawh f’kollox: Il-Mulej ma riedx li naħsbu li kollox ġie għaliex Ibnu kien qawwi. Ried li fil-faqar naraw il-kobor ta’ Alla li deher ġewwa Ġesu. mhux b’xi raġunijiet materjali: hekk għamel fl-għażla tal-appostli – sajjieda – u fil-faqar tal-mewt tiegħu fuq is-Salib. Hija l-fidi biss li tista’ tlaqqana ma’ Ġesu’, mhux is-sensi tagħna!

• Wara Marija u Ġużeppi, l-ewwel li rċevew l-aħbar kienu xi ragħajja bil-merħliet tagħhom. L-anġlu dehrilhom u qalilhom: “Illum, fil-Belt ta’ David, twildilkom Salvatur li hu l-Messija, l-Mulej”. Is-sinjali li tahom l-anġli huma: “ferħ kbir”, “glorja lil Alla fl-ogħla fis-smewwiet”, u “sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”. Wara li raw lit-tarbija, u emmnu, ir-ragħajja bdew ixandruh ma’ kulħadd: il-ferħ veru f’Ġesu’ iħeġġgħek biex taqsmu mal-oħrajn.

• Marija: “min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”. (din insibuha f’waqtiet oħrajn: Lq 2,19. 51). Għalkemm

• Marija kienet mimlija bil-grazzja hija baqgħet tikber blli l-ġrajjiet ma kenitx tħallihom jgħaddu minnha, imma kienet tħallihom ikabbruha quddiem il-Mulej. Hija eżempju kbir għalina kif għandna inħallu fina dak li nisimgħu fil-Vanġeli: ngħożżuhom f’qalbna u nkomplu naħsbu fuqhom.
• Il-Liġi Lhudija kienet titlob li fit-tmin jum hu jingħata ċ-ċirkonċiżjoni. Din iċ-ċerimonja kienet sinjal li hu kien Lhudi, bin Abraham (“ jinħaten kull tifel tagħkom ta’ tmint ijiem” – Ġen 17,12). minbarra li kien bin David. Fl-istess waqt huma tawh l-isem ta’ Ġesu’ (li jfisser: Yaħweh huwa Salvtur). Alla taħ dan l-isem: Ġesu’ hu l-ewwel ta’ Alla l-Missier, mhux ta’ ommu Marija u ta’ missieru Ġużeppi!
Preżentazzjoni fit-Tempju: Lq 2,22-39.

• Bħalma kienet tgħid il-Liġi (Lev 12,1-8) Marija u Ġużeppi marru jippreżentaw lil Ġesu’ fit-tempju. Kien għemil profond ħafna u speċjali għaliex ħassew li t-tarbija kienet ta’ Alla l-Missier. Anki l-offerta tagħhom kienet tan-nies foqra: par gamiem jew bċieċen.

• Hemmhekk isibu lil wieħed raġel ġust u tajjeb jismu Xmun. Hawnhekk Marija terġa’ tiltaqa’ mal-Ispirtu s-Santu: Xmun “kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu” , kien nebbħu l-Ispirtu, “kien imqanqal mill-Ispirtu”. Bħal fiż-żjara lil Elisabetta, l-Ispirtu jerġa’ jidher lil Marija biex jerġa’ jikkonferma il-kliem ta’ Gabrijel: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek”

• Alla fl-imħabba tiegħu, bħalma taha sinjal f’Elisabetta, issa permezz ta’ Xmun taha sinjal ieħor: “għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”. Ġesu’ ġie għal Iżrael, iżda wkoll għall-popli u l-ġnus kollha.

• Kien hemm waħda profetissa jisimha Anna. Hija wkoll “bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbja ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm”. L-ewwel aħbar kienet lil dawk kollha – anki lilna – li jfittxu u jistennew lill-Mulej.

• Xmun ta t-tieni tħabbira lil Marija: Ġesu’ “se jkun sinjal li jmeruh- u inti wkoll sejf jinfidlek ruħek”. L-ewwel aċċettat li jitwieled Ġesu’ permezz tagħha; issa aċċettat li tbati miegħu u għalih.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.