“ĠESU’ MHUX BIŻŻEJJED? GĦALFEJN MARIJA?” (4)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Il- Ħarba fl-Eġittu: Mt 2,1- 23.

• Hawnhekk jissemgħu il-‘maġi mil-Lvant’ li x’aktarx kienu nies għorrief u fl-okkult (minn fejn ġejja l-kelma ingliża: ‘magician’). Ma kenitx xi riċerka umana biss, iżda intervent divin: “rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuħ” lill-“Messija”. Wara r-ragħajja u l-poplu lhudi permezz tat-Tempju, Ġesu’ issa wera lilu nnifsu wkoll lill-ġnus.

Mgr Paul Cremona OP• Il-Maġi waslu Ġerusalemm u staqsew fejn kellu jitwieled il-Messija. Saru jafu li kellu jitwieled f’Betlehem skont il-profeta Samwel (1Sam 16,4). Marru u raw lit-tifel ma’ ommu Marija” (li niċċelebrawha fl-Epifanija, li tfisser ‘dehra’). Inxteħu fl-art iqimuh u offrewlu “deheb, inċens u mirra”. (Dawn ifakkruna f’Salm 72,10; u Isaija 16,4). Wara, Il-Mulej inebbagħhom biex lura ma jgħaddux minn Ġerusalemm.

• Erodi beda jibża’ li jista’ dak lpi twieled jeħodlu s-Saltna. Bdiet isseħħ il-profezija ta’ Xmuni: li se jkun sinjal li jmeruh. Din kompliet diversi drabi fil-ħajja ta’ Ġesu’ – li ma jifhmux x’saltna ġie jwaqqaf: f’Ħadd il-Palm, quddiem Pilatu. Erodi beda fil-ħafna u ħafna nsara li tul iż-żmien mietu għal Ġesu’: ibda mit-trabi innoċenti, għall-martri tal-ewwel Knisja sal-martri ta’ żmiennna.

• Ġużeppi kellu ħolma li fiha anġlu tal-Mulej qallu biex jieħu miegħu lit-tifel u ‘l ommu. Ħarbu bil-lejl lejn l-Eġittu. Meta miet Erodi dehrlu anġlu tal-Mulej biex jerġgħu jikrritornaw fl-art ta’ Iżrael. Dan huwa aspett ieħor tal-ubbidjenza ta’ Marija: hija kienet qed tafda u tobdi mhux lil xi anġlu li deher lilha, iżda lil Ġużeppi.
Ġesu’ ta’ tnax il-sena fit-Tempju: Lq 2,41-52.

• Ma għandna xejn iktar fuq ir-relazzjoni ta’ Marija ma’ Ġesu fil-Vanġeli sakemm Ġesu’ ta’ tletin sena telaq lil ommu biex jibda l-missjoni tiegħu. L-unika ġrajja hija din: ta’ meta, ta’ tnax il-sena Marija u Ġużeppi tilfu lil Ġesu’, u mbagħad sabuh fit-Tempju mal-għorrief tal-Lhud.

• Din il-ġrajja tibda meta l-ġenituri ta’ Ġesu’ bħalma kienu jagħmlu kull sena telgħu Ġerusalemm għall-festa tal-Għid bħalma kienet id-drawwa tal-Lhud (Eżod 12,24-27; Dt 16,1-8). Din hija tagħlima għalina meta kultant naħsbu li tista’ tgħix ir-reliġjon mingħajr il-mixja mal-komunita’. S’intendi jekk kien hemm familja li kellha lil Alla f’nofsha kienet din, iżda xorta għexu l-impenn biex jesprimuha fil-komunita’ u mhux weħidhom.

• Din il-ġrajja turina l-imħabba ta’ Ġużeppi u Marija lejn Ġesu’, bħalma hi ta’ ħafna ġenituri, li jibqgħu jimxu warajhom anki jekk ikun hemm skumdita’ u sagrifiċċji. Iżda turina l-kwalita’ ta’ relazzjoni bejn Marija – u Ġużeppi – ma’ Ġesu. Marija ma ddejqitx tlum lil Ġesu’ – bħalma kienet tagħmel kull omm..Huma “stamtu” u Marija qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. Naħseb li din hija meditazzjoni sabiħa: il-Madonna bit-tarbija Ġesu’ f’idejha – taħslu, treddgħu, tgħallmu jgħid l-ewwel kelma u jimxi l-ewwel passi – trid tittrattaħ bħal kull tarbija, waqt li taf ukoll li hu Bin Alla.

• Huma sabu lil Ġesu’ fit-Tempju f’nofs l-għalliema “jismagħhom u jistaqsihom, u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu”. Ġesu’ ħa dan iċ-ċans biex idaħħal lil ommu – u lil Ġużeppi – iktar fil-missjoni tiegħu: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Xorta ma fehmux dan il-kliem imma: “ ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha”.

• Ġesu’ niżel magħhom f’Nazaret “u kien jobdihom”. U hekk, imdawwar mill-ġenituri tiegħu, Ġesu’ “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”. Ġużeppi miet fil-perjodu bejn it-tnax il-sena ta’ Ġesu’, u meta Ġesu’ beda l-missjoni tiegħu: ma jissemmiex iktar.

• Marija kienet armla tgħix ma’ Binha: kellha relazzjoni ta’ Omm u Dixxiplu ta’ Ġesu’. Forsi, u din hija riflessjoni tiegħi biss: Jista’ jkun li f’dawn is-snin Ġesu’ qasam magħha, dak li wara żvela mad-dixxipli tiegħu? Kienet l-aħjar dixxiplu ta’ Ġesu’ kemm għaliex kienet bla dnub li jfixkilha – kif fixkel lill-appostli u jfixkel lilna – kif ukoll għaliex hija kienet diġa’ rċeviet l-Ispirtu s-Santu – skont ma qalilha Gabrijel – waqt li l-appostli kellhom jistennew sakemm niżel l-Ispirtu s-Santu fuqhom fil-Pentekioste biex jifhmu u jaċċettaw il-Kliem tiegħu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.