Iċ‑ċelebrazzjonijiet kollha tal‑Ġimgħa Mqaddsa li ser isiru fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, ser jixxandru ‘live’ fuq din il-paġna tal-Laikos … http://www.laikos.org/tvl-live.php
Nhar il-Ħadd li ġej, 25 ta’ Marzu, il-Knisja tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa biċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm u l‑Passjoni tal‑Mulej. L-Arċisqof Charles J. Scicluna, fl-10:30 a.m., ibierek il-friegħi tal-palm u taż‑żebbuġ, u wara jiċċelebra Quddiesa fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul il-Quddiesa jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Mark.
L‑Erbgħa, 28 ta’ Marzu, fis‑7:30 p.m., l-Arċisqof ser imexxi l‑Via Sacra Djoċesana li tibda minn ħdejn l-istatwa ta’ Kristu Re (quddiem il-lukanda Phoenicia) u tintemm quddiem il‑Konkatidral ta’ San Ġwann.
Il‑Ħamis, 29 ta’ Marzu, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:00 a.m., l-Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Matul din il‑Quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof, jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis‑6:30 p.m., fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej. Matul din il‑Quddiesa, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il‑Quddiesa, l-Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑Kappella tar‑Ripożizzjoni, għall‑qima tal‑Insara.
Il‑Ġimgħa, 30 ta’ Marzu, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fit‑3:30 p.m., l-Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑Adorazzjoni tas‑Salib u t‑Tqarbin.
Is‑Sibt, 31 ta’ Marzu, Sibt il‑Għid, fit‑8:00 p.m., l-Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral, u tkompli bil-liturġija tal‑Kelma, il‑liturġija tal‑Magħmudija, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni ser jiġu amministrati s-Sagramenti tal-Bidu tal-Ħajja Nisranija (Magħmudija, Griżma u Tqarbin) lill-adulti.
Il‑Ħadd, 1 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fl-10:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof jagħti l‑Barka Appostolika bl‑Indulġenza Plenarja.